Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Spejjeż fuq fuel
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża f'ċifra ta' flus tal-fuel li nefaq il-ministeru u d-dekasteri li jaqgħu taħtu fl-ewwel tlett xhur tas-sena?
Kemm hu l-ammont li tħallas minn din iċ-ċifra?
Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perjodu tas-sena 2003 rispettivament?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ispiża ta' flus tal-fuel li ħallas il-Ministeru tiegħi u d-dekasteri li jaqgħu taħtu kienet kif ġej:
Jannar - Marzu 2003 - LM 8,590.98
Jannar - Marzu 2004 - LM 7,027.98.
Jista' il-Ministru jgħid kemm f'dawn l-aħħar sentejn ingħataw donazzjonijiet finanzjarji jew xort'oħra lill-clubs, għaqdiet jew soċjetajiet sportivi u kulturali mill-ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu?
Jista' jgħid f'kull każ min kienu dawn is-soċjetajiet li bbenefikaw u kemm kien l-ammont jew il-valur ta' ammont li ngħataw?
Response (DALLI, JOHN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' fondi mogħtija lill-fc, għaqdiet jew soċjetajiet sportivi u kulturali li dawn l-aħħar sentejn ingħataw xi forma ta' donazzjoni finanzjarja.
Tajjeb insemmi li numru sewwa ta' dawn l-għaqdiet ġew mogħtija fondi sabiex jippreparaw u jaġġornaw irwieħhom sew dwar l-Unjoni Ewropea kif approvat mill-Parlament.
Jista’ il-Ministru jgħid min hu l-ambaxxatur Malti għall-Iran? Min kien l-aħħar ambaxxatur Malti għall-Iran? Kemm ilu biex l-ambaxxatur Malti jmur jippreżenta l-kredenzjali tiegħu fl-Iran? Jista’ jgħid ukoll jekk saritx rappreżentazzjoni jew komunikazzjoni mill-Ambaxxata Iranjana f'Ruma biex tinġibed l-attenzjoni li għad ma kienux ippreżentati l-kredenzjali?
Response (DALLI, JOHN)
Sa Ottubru 1985, is-Sur Alfred Falzon kien nħatar bħala Ambaxxatur Malti mhux residenti għall-Iran. Huwa qatt ma ippreżenta l-kredenzjali f'Teheran. F'Diċembru tas-sena 2002, il-Gvern Iranjan kien informa lill-Gvern Malti li kien aċċetta n-nomina ta' l-Avukat Joseph Cassar bħala Ambaxxatur Malti għall-Iran, residenti f'Moska.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-prospetti li Malta tiġi magħżula għall-Euro Med Foundation for Dialogue between Cultures?
Response (DALLI, JOHN)
Malta wriet l-interess, flimkmien ma' l-Italja, Ċipru u l-Eġittu / Svezja, li tospita din il-Fundazzjoni. Id-diskussjonijiet bejn il-pajjiżi kollha ta' l-EuroMed dwar liema waħda mill-kandidaturi mressqa għandhom jagħżlu għadhom għaddejjin. Deċiżjoni finali għandha tittieħed fil-Konferenza Ministerjali ġewwa Dublin li se titlaqqa' fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li f'taħditiet quadri partiti dwar l-immigrazzjoni llegali, Malta esplorat il-possibbilta' li tospita ċentru għall-operational co-ordination f'dan il-qasam?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid min huma t-tliet kandidati li ġew nominati mill-Gvern Malti biex jiġu kkonsidrati għall-post ta' l-avukat G. Bonello bħala imħallef fl-EHCR la jtemm il-ħatra tiegħu fi tmiem Ottubru ta' din is-sena?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jikkonferma l-Ministru li l-Gvern Arġentin ipprotesta mal-Gvern Malti talli Malta ħadet sehem f'livell parlamentari f'konferenza tas-CPA fil-gżejjer Falklands?
Response (DALLI, JOHN)
Nikkonfermali l-Gvern Arġentin bagħat żewġ Noti Verbali, fil-5 ta' Frar u fid-19 ta' Marzu 2004, fejn wera t-tħassib tiegħu għall-fatt li Malta, flimkien ma' bosta pajjiżi oħra tal-Commonwealth, ħadet sehem f'livell parlamentari f'Konferenza tal-Commonwealth Parliamentary Association fil-Gżejjer Falklands. Din il-korrispondenza ntbagħtet fil-kuntest tad-disputa legali bejn l-Arġentina u l-Ingilterra għas-sovranita' ta' dawn il-gżejjer.
Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Confidential registry
Question
Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol biex jiġi upgraded il-confidential registry fil-ministeru ta' l-affarijiet barranin f'Malta u Brussels skond l-EU standards li hemm fis-seħħ?
Response (DALLI, JOHN)
Ix-xogħol infrastrutturali fil-Confidential Registry tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin u Promozzjoni ta' Investiment ikun kollu lest din il-ġimgħa. Sadattant, xi apparat u tagħmir tas-sigurta' li ġie ordnat diġa' se jkun installat fil-ġimgħat li ġejjin. Uffiċċjali tal-Kummissjoni li żaru Malta l-ġimgħa l-oħra iċċertifikaw li huma sodisfatti bix-xogħol li sar.
Laboratorju għall-ittestjar tax-xogħlijiet ta' toroq
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala l-laboratorju għall-ittestjar tax-xogħlijiet ta' toroq li kien hemm fi ħdan id-diviżjoni tax-xogħlijiet pubbliċi sal-lum għadu ma ġiex integrat man-national standards laboratory?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid jekk jeżistix xi trattat ma' l-Awstralja rigward kura u kustodja ta' minuri? Jekk fl-affermattiv, jista' ipoġġi kopja ta' dan it-Trattat fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (DALLI, JOHN)
Malta u l-Awstralja ma għandhomx trattat bilaterali bejniethom dwar il-kura u l-kustodja tal-minuri.
Iż-żewġ pajjiżi, iżda, kienu iffirmaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-reazzjoni tal-Gvern Malti għall-pjan unilaterali tal-Prim Ministru ta' Iżrael li jirtira mill-Medda ta' Gaza u minn partijiet tax-Xatt tal-Punent filwaqt li jibqa' iżomm kontroll strateġiku ta' partijiet mix-Xatt tal-Punent, mingħajr ma jirrikonoxxi l-obbligu li jirtira għall-fruntieri ta' qabel l-1967 kif ukoll li jgħarraf id-drittijiet tal-Palestinjani bħala rifuġjati għar-right of return?
Response (DALLI, JOHN)
Malta taqbel ma' l-istqarrija maħruġa mill-Presidenza Ewropea wara l-laqgħa Informali tal-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni Ewropea (UE) li saret Tullamore, l-Irlanda fis-16 ta' April 2004.
Ministru ta' l-Affarijiet Barranin — Żjara fil-Libja
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'kien l-eżitu taż-żjara riċenti tiegħu fil-Libja apparti mill-kwestjoni tal-visas? Il-Ministru jħoss li għandu jinforma lill-Kamra dwar dan, aktar u aktar minħabba l-fażi tansitorja li tinsab għaddejja minnu l-ekonomija Libjana bħalissa kif ukoll il-proċess qawwi ta' liberalizzazzjoni? Ġew diskussi xi proġetti bi sħab bejn interessi Maltin u Libjani kemm fil-Libja kif ukoll f'Malta? X'inhuma l-għanijiet ewlenin tal-Malta Enterprise fil-Libja?
Response (DALLI, JOHN)
M'hemmx dubju li l-Libja bħalissa għaddejja minn proċess imgħaġġel ta' normaliżżazzjoni mad-dinja ta' barra u ta' riformi ekonomiċi u liberaliżżazzjoni fil-pajjiż.
Fi Tripli, jiena aċċertajt lin-naħa Libjana li Malta lesta li tagħti s-sehem sħiħ tagħha fil-proċess ta' riintegrazzjoni fil-komunita internazzjonali u tkellimt kif nistgħu noħolqu inizjattivi ġodda li jkunu ta' ġid għar-reġjun tal-Mediterran. Jiena ddiskutejt ukoll kif negozjanti Maltin u Libjani jistgħu jidħlu għal proġetti ta' daqs medju fiż-żewġ pajjiżi.
Permezz tal-Malta Enterprise, aħna irridu nippromwovu l-prodott u s-servizz Malti ġewwa l-Libja, kif ukoll ninkuraġġixxu investiment Libjan jiġi Malta. Il-Malta Enterprise ħadet sehem fil-Fiera Internazzjonali ta' Tripli aktar kmieni dan ix-xahar. Sadattant, madwar tmien Mini Missions oħra jiġu organiżżati kull sena għal dan il-pajjiż ġar tagħna.
Jista' il-Ministru jgħid sarux xi interventi min-naħa Maltija fil-Foreign Ministers meeting ta' l-UE fTulmore, l-Irlanda? Jekk iva, jista' iqiegħed kopja tat-text ta' l-intervent fuq il-mejda tal-Kamra jew għallinqas jagħti indikazzjoni tal-punti saljenti mqajma min-naħa Maltija?
Response (DALLI, JOHN)
Il-laqgħa ta' Tulmore kienet waħda nformali b'diskussjoni miftuħa u ma saru ebda nterventi formali.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4512 dwar x'inhu l-perċentwal ta' nisa u rġiel fuq bordijiet u kummissjonijiet għas-sena 2003, jista' il-Ministru jgħid kemm hu l-perċentwal ta' żgħażagħ taħt id-29 sena?
Response (DALLI, JOHN)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-Bordijiet u Kummissjonijiet indikati fil-Mistoqsija Parlamentari 4512, ma kien hemm l-ebda membru taħt l-eta' ta' 29 sena.
Jista' il-Ministru jgħid jekk saritx xi talba formali mill-Gvern Malti lill-awtoritajiet Iżraeliti wara suġġeriment li sar mill-Gvern Iżraelit biex Malta tistieden delegazzjoni tal-MASHAV ħalli jiġu esplorati possibbiltajiet ta' assistenza teknika lil pajjiżna?
Response (DALLI, JOHN)
Il-Gvern Malti ma għamel ebda talba formali lill-awtoritajiet Iżraeljani sabiex tiġi mistiedna delegazzjoni tal-MASHAV.
Mexxej Palestinjan Yasser Arafat — Targeted assassination
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'kienet ir-reazzjoni tal-Gvern Malti għad-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Iżraelit li l-mexxej Palestinjan Yasser Arafat jista' ma jeħlishiex minn targeted assassination?
Response (DALLI, JOHN)
Il-Gvern Malti qatt ma qabel mal-kliem ta' theddid jew ma' azzjonijiet mwettqa li kellhom l-għan li jaljenaw jew saħansitra li jeliminaw lill-mexxej Palestinjan Yasser Arafat. Id-dikjarazzjonijiet reċenti tal-Prim Ministru Iżraeljan f'dan ir-rigward għalhekk jitqiesu f'dan l-istess kwadru.
Fuq livell prattiku kif ser jiġi implimentat it-tħaddim tar-Reform Partnerships li kien hemm qbil dwarhom fil-Kunsill riċenti tal-UE sabiex ikun hemm ħidma ikkordinata bejn is-sħab soċjali, is-soċjeta' ċivili u l-Awtoritajiet pubbliċi fl-implimentazzjoni tal hekk imsejħa Lisbon Strategy? X'inhuma il-benchmarks u l-mekkaniżmi li permezz tagħhom l-acceding countries u l-istati membri fl-UE sejrin jiġu taħt l-iswkrutinju intensifikat u l-hekk msejjaħ EU wide judgement għar record tagħhom biex jilħqu l-għanijiet ta' Lisbona?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Kiri ta' vetturi
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa għall-kirjiet ta' karozzi, vannijiet u vetturi oħra matul Jannar u Frar ta' din is-sena tal-ministeru u d-dekasteri li jaqgħu taħtu? Kemm kienet l-istess nefqa s-sena l-oħra, 2003?
Response (DALLI, JOHN)
Matul l-2003 tħallas total ta' LM8,232.46 fuq karozzi tal-kiri (u LM31,747.73 fuq karozzi mikrija mill-Ministeru skond tender li joħroġ kull sena).
F'Jannar u Frar ta' l-2004, tħallsu total ta' LM2,413.66 f'kiri ta' karozzi (filwaqt li tħallas LM1,714.95 fil-kuntratt ta' kiri ta' vetturi skond it-tender).