Legislature:
Category:
Reset
Active:

Telgħet ix-Xemxija – tiswijiet fuq bankini

Question

Jista' l-Ministru jara li jsiru t-tiswijiet meħtieġa fuq il-bankina fuq iż-żewġ naħat tat-Telgħet ix-Xemxija, liema bankini f'partijiet minnhom huma ta' periklu kemm għar-residenti kif ukoll għan-nies li jagħmlu użu minnhom?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 31342.

Telgħet ix-Xemxija – stallazzjoni ta’speed camera

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed tiġi kkunsidrata li terġa' titwaħħal speed camera f'Telgħet ix-Xemxija?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta ma rċeviet l-ebda talba biex din l-ispeed camera tigi kkunsidrata. Tali talbiet għandhom jiġu sottomessi lill-LESA skont il-proċedura stabbilita’.

San Pawl il-Baħar – manutenzjoni fit-triq li tagħti minn Xatt il-Pwales għat-Telgħet ix-Xemxija

Question

Jista' l-Ministru jagħti struzzjonijiet lill-Transport Malta sabiex ssir manutenzjoni tant meħtieġa fuq it-triq li tagħti minn San Pawl il-Baħar (Xatt il-Pwales) sa tul Telgħet ix-Xemxija, liema triq qed tikkawża periklu kontinwu għas-sewwieqa li jagħmlu użu minnha bil-vetturi tagħhom, apparti l-ħsarat li qed jiġu kkawżati lill-istess vetturi?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jissostanzja il-pretensjoni ta’ periklu kontinwu għas-sewwieqa. Fl-istess ħin ninforma lill-Onor. Interpellant li saru diversi interventi fuq din it-triq bħala parti mill-programm ta’ manutenzjoni ta’ Transport Malta. L-interventi ser jibqgħu jsiru sabiex it-triq tinżamm fi stat tajjeb sakemm jiġu mplementati interventi permanenti.

Ħaddiem tax-xatt – ħlasijiet – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31142 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar u li issa ġiet riferuta lilu u jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward ħlas b’lura lil missieru bħala ħaddiem tax-xatt?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 30901.

It-Tieni u t-Tielet Distrett Elettorali – toroq asfaltati jew resurfaced

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema toroq kienu asfaltati jew resurfaced fit-Tieni u fit-Tielet Distrett Elettorali mill-2013 sal-lum? Jista’ jgħid liema toroq oħra fl-istess inħawi mistennija jsiru matul it-tnax-il xahar li ġejjin?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Rigward xogħlijiet li mistennija jsiru, l-programm ta’ xogħlijiet isir abbażi ta’ prioritajiet nazzjonali, fondi disponibbli u l-proċess tal-akkwist.

Ħal Qormi – Triq il-Vitorja – karozzi tal-linja jgħaddu mimlija

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 28050 li kienet titlob lill-Ministru jara għaliex il-karozzi tal-linja li jgħaddu minn Triq il-Vitorja, Ħal Qormi, speċjalment f'peak hours, qed jgħaddu minn Ħal Qormi diġà mimlija u/jew mingħajr seats vojta biex wieħed ipoġġi bilqiegħda, u b’referenza għat-tweġiba tal-istess Ministru li Transport Malta se tkun qed tinvestiga biex tirrimedja fejn possibbli u wara li jidher li l-problema għadha spiss l-istess, jista’ l-Ministru jgħid meta u kif se jirrimedja s-sitwazzjoni fl-interess tar-residenti Qriema?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-aħħar stħarriġ li sar minn diversi bus stops mill-lokalità ta’ Ħal Qormi, liema stħarriġ sar bejn it-tlettax u s-sbatax kif ukoll bejn l-għoxrin u l-erbgħa u għoxrin ta’ Frar 2017, jiġifieri fuq medda ta’ ġimgħatejn, kien hemm ġurnata waħda biss fejn xi passiġġieri ma’ ttellawx fuq il-karozza tal-linja minħabba li kienet mimlija. Dawn il-passiġġieri telgħu fuq il-karrozza tal-linja li kien imiss. Ninsab infurmat ukoll li Transport Malta ħa tkun qed tkompli bil-moniteraġġ fuq is-servizz tat-trasport pubbliku minn din il-lokalità.

Imsida – Triq l-Irmiġġ – xogħol fuq il-ġnien

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-ġnien fil-Pjazza ta’ Triq l-Irmiġġ, l-Imsida?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fuq il-proġett tal-ġnien fi Pjazza ta’ Triq l-Irmiġġ, Msida jinsabu għaddejin b’ritmu tajjeb. Ix-xogħlijiet ta’ skavar tlestew u għaddej ix-xogħol fuq il-pedamenti u kostruzzjoni ta’ ħitan. Ix-xogħol mistenni jitlesta sa l-aħħar ta’ April 2017.

Kalkara – faċilitajiet sportivi tat-tennis club u football u immaniġjar tal-ilma tax-xita — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jelenka fiex waslu l-preparamenti għax-xogħlijiet għall-immaniġjar tal-ilma tax-xita fil-lokalità tal-Kalkara, kif ukoll fil-faċilitajiet sportivi tat-tennis club u l-football?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif ġej: Il-kuntratt biex isiru x-xogħlijiet għall-immaniġjar tal-ilma tax-xita fil-lokalità tal-Kalkara ingħata u x-xogħol mistenni jibda fix-xhur li ġejjin. Rigward it-Tennis Club , l-applikazzjoni għall-permess tinsab f’idejn il-Case Officer u mistennija tiġi deċiża fl-aħħar ta’ April 2017. Id-Dipartiment beda l-preparamenti għas-sejħa għall-offerti li mistennija tiġi pubblikata fix-xhur li ġejjin. Dwar il-Kalkara Football Ground, ix-xogħlijiet bdew ix-xahar li għadda. Bħalissa għaddej ix-xogħol relatat ma’ skavar u tħejjija għall-pedamenti. Dan ix-xogħol mistenni jitlesta għall-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena.

Xgħajra — Faċilitajiet sportivi - xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-preparamenti għax-xogħlijiet fuq il-faċilitajiet sportivi fix-Xgħajra?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed nistennew l-approvazjoni ta' xi tibdiliet żgħar fil-permess tal-Awtorità tal-Ippjanar għall-faċilitajiet ġodda fin-Nursery tal-futbol tax-Xgħajra. Ser tinħareġ sejħa għall-offerti għal bini ta' dressing rooms u faċilitajiet oħra tal-Club.Ser isiru wkoll xi xogħlijiet ta' kostruzzjoni oħra minn ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet fl-istess perjodu, fl-istess sit. Fl-istess lokalità saru xi xogħlijiet ta’ embellishment mal- promenade fuq street lighting , fejn bdew jeħlu arbli ġodda tad-dawl.

Knisja ta’ Santa Katerina fiż-Żejtun – xogħlijiet tar-restawr taz-zuntier

Question

Jista’ l-Ministru jelenka fiex waslu l-preparamenti fuq ix-xogħlijiet tar-restawr taz-zuntier ta’ isfel tal-Knisja ta’ Santa Katerina taż-Żejtun?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li beda l-proċess għas-sejħa tal-offerti li mistennija tiġi ppublikata għal Ġunju 2017. Ix-xogħol mistenni jibda kif pjanat, għal Novembru 2017.

San Ġwann – bini ta’ uffiċini tal-kunsill lokali, ġnien pubbliku u l-klabb tal-boċċi — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jelenka fiex waslu l-preparamenti fuq ix-xogħlijiet f’San Ġwann għall-bini ta’ uffiċini tal-kunsilli lokali, ġnien pubbliku u l-klabb tal-boċċi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-permess tax-xogħlijiet ġie approvat mill-bord tal-Awtorità ta’ l-Ippjanar f’Jannar li għadda. Bdew il-preparamenti biex titlesta s-sejħa għall-offerti. Din is-sejħa għall-offerti tiġi ppublikata meta jkollna l-konferma li ġew provduti l-fondi neċessarji għal dan ix-xogħol.

Birżebbuġa – football ground u l-pitch tal-waterpolo — proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jelenka fiex waslu l-proġetti tal-football ground ta’ Birżebbuġa u l-pitch tal-waterpolo u fiex jikkonsistu dawn iż-żewġ proġetti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif ġej: Dawn iż-żewġ proġetti qed isiru skont kif assenjati mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol taħt is-sorveljanza teknika, kordinament u proċessi tal-akkwist immexxija mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet. Il-proġett tal-grawnd tal-futbol ta’ Birżebbuġa jikkonsisti f'bini ta' training ground ta' daqs 190 x 50 metru li fuqu tqiegħed turf artifiċjali u ġie fornut bi floodlights biex ikun jista' jintuża filgħaxija ukoll. Inbnew ukoll changing rooms u sala kbira taħt dan il-grawnd. Ix-xogħlijiet jinsabu fi stat avvanzat ħafna. Ix-xogħol li fadal isir huma xi rettifikazzjonijiet zgħar fil-bini. Dan mistenni jitlesta għal April 2017. Il-proġett tal-pixxina ta’ Birżebbuġa kien jikkonsisti f’bini ta’ pixxina ġdida u ta’ Club House li fiha hemm ic-changing rooms, kamra tal-kumitat, gym u restaurant. Il-proġett jinsab fl-aħħar stadji tiegħu fejn qed jiġu mlestija xi żoni fil-Club House bil-ħsieb li jibda jintuża fix-xhur li ġejjin. Għad baqa’ xi xogħol ta’ rettifikazzjoni, li wara li saret talba mill-Klabb, ġie maqbul li dawn ix-xogħlijiet isiru wara li jagħlaq l-istaġun ta’ l-għawm għal din is-sena.

Pont tal-Mistra – rapporti dwar ħsarat

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kwalunkwe rapport li sar min-nies tekniċi dwar il-ħsarat/kundizzjonijiet tal-istat li jinsab fih il-pont tal-Mistra?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qatt ma rreferiet għal rapporti imma għal investigazzjonijiet li dejjem kienu ta’ natura viżwali u li s’issa indikaw li ma hemm l-ebda periklu imminenti. Intant, Transport Malta qiegħda fil-proċess li tipprepara tender sabiex jitneħħew is-siġar minn mal-istruttura u b’hekk ikun jista’ jsir studju iktar profond fuqha.

Transport Malta — Quadbikes

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif kemm hu n-numru ta' quad bikes li huma reġistrati ma’ Transport Malta? Kemm minn dawn huma reġistrati bħala li jistgħu jinkrew? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta tagħmilx spezzjonijiet partikulari dwar dawn il-quad bikes?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-ammont ta’ quad bikes li huma rreġistrati ma’ Transport Malta huwa ta’ 605. Minn dan l-ammont hemm 151 irreġistrati li jistgħu jinkrew. Fuq il-quad bikes issir spezzjoni normali.

Junction tal-Marsa – rilokazzjoni tal-fabbriki li ser jitwaqqgħu

Question

Jista' l-Ministru jgħid sa meta għandhom jiġu rilokati l-fabbriki li ser jitwaqqgħu minħabba l-Junction tal-Marsa?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Transport Malta – Applikazzjoni għall-finanzjament ta’ toroq fil-kampanja minn Fondi tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta hux ser tkun qiegħda tapplika, jew jekk hux diġà applikat għall-finanzjament ta' toroq fil-kampanja skont l-iskema li tħabbret mis-Segretarju Parlamentari Ian Borg għall-finanzjament ta' xogħol fit-toroq fil-kampanja, mill-fondi tal-Unjoni Ewropea?

Response (MIZZI, JOE)

Ninfoma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta bħalissa qiegħda fl-istadju ta’ applikazzjoni sabiex jiġu ffinanzjati numru ta’ toroq rurali madwar Malta.

Bus shelters imwaħħla madwar Malta u Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar fejn twaħħlu bus shelters madwar Malta u Għawdex, bejn l-2013 u llum? Fejn twaħħlu, lokalità b’lokalità? Liema bus shelters oħra huma mistennija li jitwaħħlu, fejn u meta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li minn Marzu 2013 twaħħlu żewġ canopies kbar fejn wieħed ikun jista’ jistkenn mill-elementi waqt li jkun qiegħed jistenna l-karrozzi tal-linja. Dawn il-canopies twaħħlu ġewwa l-Isptar Mater Dei u fil-Ferry Terminal taċ-Ċirkewwa. Infurmat ukoll li twaħħlu 17-il bus shelter ġdid fil-lokalitajiet sussegwenti: Fgura 2 Marsaskala 2 Marsa 1 Qawra/ Buġibba 1 Birkirkara/ Fleur De Lys 3 Sliema 4 Ta’Xbiex 1 Mtarfa 1 Qrendi 1 Rahal Ġdid 1 Hekk kif kont aċċennajt drabi oħra, Transport Malta kienet qed tiltaqa’ ma’ diffikultajiet mal-kuntrattur eżistenti sabiex jiġu installati bus sheltersġodda. Għaldaqstant Transport Malta, fl-aħħar tas-sena li għaddiet, ħarġet Request for Proposal ġdida sabiex tkun tista’ twaħħal numru ta’ bus sheltersġodda madwar Malta u Għawdex. Jien infurmat li din ir-Request for Proposals qiegħda fi stat avvanzat ta’ aġġudikazzjoni. Huwa ppjanat li jitwaħħlu 60 bus shelters ġodda fil-lokalitajiet sussegwenti: Lokalita’ Numru ta' Bus Shelters Triq il-Kosta St. Paul’s Bay, Naxxar (Salina and Baħar iċ-Ċagħaq) 9 Fgura 3 Buġibba/ Qawra 2 Naxxar 2 Triq Aldo Moro, Marsa 1 Luqa 3 Mosta 2 San Ġwann 3 Msida 1 Tal-Qroqq 2, Msida 1 Siġġiewi 3 Xgħajra 2 Birżebbuġia 1 Balzan 1 Attard 2 Gudja 2 Mtarfa 2 Marsaskala 1 Mġarr 2 Tarxien 2 Żejtun 4 Għajnsielem 2 Xgħara 1 Għarb 1 Munxar 1 Żurrieq 1 Qormi 3 Ħaż-Żebbuġ 2

Reviżjoni tal-ħinijiet tal-karozzi tal-linja

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li ssir ir-reviżjoni tal-ħinijiet tal-karozzi tal-linja, wara li l-kumpanija tat-trasport pubbliku li qed topera llum, issa ilha ċertu żmien taħdem? Liema rotot ġodda huma mistennija li jibdew joperaw, u meta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2015 kien ġie introdott in-network il-ġdid tat-trasport pubbliku fejn dan in-network kien fisser żieda medja ta’ 400 vjaġġ kuljum, l-introduzzjoni ta’ 24 rotta ġdida kif ukoll modifiki f’43 rotta eżistenti. Dan it-tibdil kien żied il-kilometraġġ tan-network b’madwar 2.5 miljun kilometru fis-sena. Is-sena li għaddiet komplejna nirfinaw dan in- network billi immodifikajna jew estendejna ċertu rotot, daħħalna rotot ġodda kif ukoll għamilna modifiki fuq il-frekwenza ta’ rotot oħra. Fis-sajf konna wkoll immodifikajna frekwenzi fuq ċertu rotot sabiex dawn jirriflettu aħjar id-domanda li jġib miegħu dan l-istaġun. Bl-introduzzjoni tat-transport card, magħrufa aħjar bħala t-Talinja Card, issa qed ikollna għad-dispożizzjoni tagħna stampa aktar ċara tan-numru ta’ passiġġieri li jkunu qed jagħmlu użu mis-servizz tat-trasport pubbliku. Sabiex l-analiżi ta’ din l-informazzjoni tkun aktar eżatta, wieħed irid janalizza din l-informazzjoni fuq perjodu ta’ żmien. B’din l-informazzjoni wieħed jkun jista’ jidentifika rotot fejn il-frekwenza hija adekwata, għandha bżonn li tiżdied jew saħansitra titnaqqas f’ċertu ħinijiet jew perjodi minħabba nuqqas ta’ patrunaġġ. Fil-ġranet li ġejjin huwa wkoll mistenni li jitħabbru xi tibdil f’ċertu rotot.

Għajnuna minn CSD għat-tindif fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-għajnuna li ngħatat mill-Cleansing Service Directorate (CSD) fejn jidħol tindif fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar? Kemm hi stmata li tiswa din l-għajnuna? Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-għajnuna fis-snin 2015 u 2016?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għat-Tindif jagħti għajnuna kontinwa matul is-sena kollha lill-lokalita’ ta’ San Pawl il-Baħar. Ta’ kuljum isir ġbir ta’ skart u knis ta’ toroq tul il-promenade kollha, l-pjazza ta’ Buġibba, Triq it-Turisti kif ukoll fiż-żona tal-Bus Terminus. Dan ix-xogħol isir ta’ kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd, is-sena kollha. Apparti hekk jiġu offruti diversi servizzi ta’ emergenza f'kull ħin tal-ġurnata, ġbir ta’ annimali mejta kif ukoll ħasil ta’ toroq matul ix-xhur tas-Sajf. Dan ix-xogħol huwa stmat li jiġi jiswa lid-Direttorat għat-Tindif iktar minn €200,000 fis-sena. L-ispiża konnessa mal-lokalità fl-2015 kienet ta’ €183,365 filwaqt li matul is-sena 2016 ġiet tiswa €209,654.

Tindif ta’ bajjiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet ta’ tindif hemm fejn jirrigwarda tindif ta’ bajjiet għal matul is-sajf li ġej?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li fil-ġranet li għaddew sar pjan estensiv sabiex titneħħa l-ammont ta’ alka rekord li telgħet fuq il-bajjiet ramlin fix-xhur li għaddew, b'konsegwenza ta’ diversi maltempati li laqtu lill-pajjiżna. Dan ser isir bi pjan organizzat, u li ser ikun lest fil-ħin għal meta jibda l-istaġun tas-Sajf. Iktar minn hekk din is-sena għall-ewwel darba il-ħaddiema kollha tas-sezzjoni tal-bajjiet ser ikunu qed jaħdmu b'shift. Wara li kien sar proġett pilota, permezz ta’ introduzzjoni ta’ shift fil-bajja tal-Mellieħa matul is-sena li għaddiet, dan irriżulta fil-pożittiv u għalhekk ġie estiż dan il-proġett għal fuq il-bajjiet kollha ta’ pajjiżna. Bħalissa ninsabu fil-fażi konklusiva tal-manutenzjoni ta’ slielem u għamara oħra tal-baħar, li matul din is-sena din l-infrastruttura sofriet madwar €25,000 permezz ta’ irjieħat qawwija li laħqu lill-pajjiżna. Infakkar ukoll li matul is-sena li għaddiet sar investiment f'opra tal-baħar għall-ewwel darba, u dan ser ikun l-ewwel Sajf li din l-opra tal-baħar ser tkun qed tintuża mill-bidu tal-istaġun. Ser jiżdiedu ukoll l-ammont ta’ kontenituri tal-iskart f'diversi bajjiet, sabiex il-pubbliku jkollu fejn jiddisponi mill-iskart tiegħu.