Legislature:
Category:
Reset
Active:

Vapuri reġistrati f'pajjiżna

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn vapuri reġistrati Malta u jagħti t-tunnellaġġ tagħhom? Jista' jgħid ukoll fil-kemm-il post qiegħda Malta bħala numru u tunnellaġġ ta' vapuri?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi sa l-aħħar tas-sena 2003 kien hemm 3361 bastiment reġistrat Malta b'tunellaġġ gross totali ta' 25,994,108. Skond l-aħħar statistika ppublikata minn Lloyd's Register Fairplay fl-aħħar tal-2002, Malta kienet tidher bħala l-ħames l-ikbar reġistru tal-bastimenti għal dak li huwa tunnellaġġ gross totali.

Awtorita' marittima — Reġistrazzjonijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid matul l-2003 kemm ġew kanċellati reġistrazzjonijiet ma' l-awtorita' marittima għal reġistrazzjoni? Jista' jagħti n-numru ta' postijiet ta' irmiġġ f'Malta u f'Għawdex u jagħti d-dettalji tagħhom?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi matul is-sena 2003 ġew effetwati 371 kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni ta' bastimenti taħt l-Att dwar il-Bastimenti Merkantili. In-numru ta' rmiġġi f'Malta u Għawdex,skond ir-Rapport Annwali 2002-2003 ta' l-Awtorita` Marittima li għandu jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fil-futur qarib, huwa ta' 1635. Dawn l-irmiġġi huma mqassmin hekk: Msida / Ta' Xbiex 815 Mġarr, Għawdex 210 Portomaso 110 Manoel Island Marina 250 Grand Harbour Marina 250

Irmiġġ — applikazzjonijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għall-irmiġġ? Jista' jgħid kemm għandna vapuri single hull?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti għall-irmiġġi huwa ta' 389. Sa l-aħħar tas-sena 2003 kien hemm 165 tanker li jistgħu jitqiesu bħala single hull reġistrati Malta.

Inċident tal-bastiment Erica

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'miżuri qed jieħu l-gvern rigward l-investigazzjonijiet ta' l-inċident ta' l-Erica? Hemm rappreżentanti Maltin fi Franza li qed isegwu l-investigazzjonijiet? Jista' jgħid kemm hemm impjegati ma' l-awtorita' marittima?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi peress li l-bastiment Erika kien reġistrat Malta, l-Awtorita` Marittima ta' Malta għamlet l-investigazzjonijiet tagħha dwar l-inċident li kien fih involut dan il-vapur fl-1999. Ir-rapport relatat ħareġ f'Settembru 2000 liema rapport kien ukoll magħmul pubbliku. Rappreżentanti legali ta' l-Awtorita` Marittima ta' Malta qegħdin isegwu l-azzjoni tal-Maġistratura Franċiża fir-rigward ta' l-Awtorita` Marittima ta' Malta u l-uffiċċjali Maltin. In-numru ta' mpjegati ma' l-Awtorita` Marittima huwa ta' 219.

Ħamrun — Asfaltar ta' toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk intlaħaqx ftehim bejn l-awtorita' Maltija tat-trasport u l-kunsill lokali tal-Ħamrun biex ikunu jistgħu jsiru x-xogħlijiet meħtieġa fit-toroq tal-Ħamrun? Jekk dan il-ftehim għadu ma ntlaħaqx, jista' jara kif il-lokalita' tal-Ħamrun tista' mill-aktar fis possibbli jkollha dan il-ftehim biex aktar toroq fil-Ħamrun jiġu rranġati?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport kellha approvazzjoni biex tagħmel 20 ftehim ta' din ix-xorta fit-2003, u dawn kollha saru kif ipprogramat. Kuntratti oħra jkunu jistgħu jsiru aktar 'l quddiem wara li l-Awtorita' tlesti l-evalwazzjoni ta' l-iskema preżenti.

Ħamrun — Traffic lights

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiġu stallati traffic lights f'salib it-toroq bejn Triq il-Kappillan Mifsud u Triq Villambrosa, fil-Ħamrun ħdejn il-kunvent San Franġisk? Jekk fl-affermattiv, meta se jitwaħħlu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li ftit snin kienu saru studji biex tiġi kkunsidrata x'tip ta' traffic management jista jsir fil-lokalita' msemmija u rriżulta illi l-ispazju limitat li hemm f'dan il-junction ma jippermettix li ssir installazjoni ta' sistema li taħdem bi traffic lights.

Toroq — Xogħlijiet

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3520 fir-rigward tan-nefqa kapitali tat-toroq matul is-sena 2003?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li peress li l-proċess ta' reconciliation għadu għaddej mad-Dipartiment tat-Teżor, l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tkun tista' tingħata f'seduta oħra.

Awtorita' marittima — Diriġenti li xehdu quddiem il-qorti Franċiża

Question

Jista' il-Ministru jispjega jekk il-gvern irċeviex rikjesta mingħand il-maġistratura Franċiża kontra xi diriġenti ta' l-awtorita' marittima? Jista' jgħid min huma d-diriġenti ta' l-awtorita' marittima jew uffiċċju tal-gvern li xehdu quddiem il-qorti Franċiża in konnessjoni ma' l-istess inċident, meta xehdu, kemm-il darba xehdu u quddiem min?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi l-Awtorita` Marittima ta' Malta rappreżentata mic-Chairman tagħha u d-Direttur Eżekuttiv tal-Bastimenti Merkantili ġew mitluba mill-Maġistratura Franċiża biex jidhru quddiemha f'konnessjoni ma' l-inkjesta li din l-istess maġistratura qed tagħmel dwar l-inċident li kien involut fih il-Bastiment Erika fl-1999. L-ebda diriġent jew uffiċjal ta' l-Awtorita` Marittima jew ta' xi uffiċċju tal-Gvern ma ta xhieda fi Franza f'konnessjoni ma' dan l-inċident.

Inċident tal-bastiment Erica

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk saritx talba għad-danni fl-inċident li kien involut fih il-bastiment Erica?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi l-Awtoritajiet Maltin ma kellhom l-ebda talba għal danni b'konnessjoni ma' l-inċident li kien involut fih il-bastiment Erika.

Maltapost — Servizzi postali

Question

Jista' il-Minstru jgħid x'passi ħadet fis-sena 2003 u din is-sena l-awtorita' Maltija tal-Komunikazzjoni skond l-obbligi tagħha li tħares l-interessi taċ-ċittadini mis-servizz, fil-fehma tiegħi, tal-posta li qed tagħti l-Maltapost?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' ta' Malta dwar il-Kommunikazzjoni f'Ġunju tas-sena l-oħra saret l-Awtorita' responsabbli tal-Posta, bil-promulgazzjoni ta' l-Att Dwar is-Servizzi Postali f'Ġunju 2003. Malli ħadet din ir-responsabilita' l-Awtorita' bdiet taħdem bi sħiħ biex taqdi l-funzjoni tagħħa skond il-liġi. Aktar tard fl-istess xahar ta' Ġunju l-Awtorita' ħarġet dokument konsultattiv bl-għan ewlieni li tifhem aħjar is-settur, tibda konsultazzjoni mal-partijiet interessati u tħejji biex tfassal u timplimenta struttura biex tirregola dan is-settur. Din is-sena l-Awtorita' ser tagħmel eżerċizzju biex tiddetermina f'aktar dettal l-obbligu universali (universal service obligations) tal-Maltapost u biex tara li standards f'dan is-settur ikunu implimentati.

Direttorju tal-kodiċi postali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jiġi ppubblikat id-direttorju tal-kodiċi postali ġdid li l-uniku wieħed inħareġ 13–il sena ilu? Ma jaħsibx li dan huwa importanti li jiġi ppubblikat minħabba li l-awtoritajiet tal-posta jesiġu li l-kodiċi postali jitniżżel f'kull indirizz?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi dan il-Ministeru illum il-ġurnata għandu x'jaqsam mar-regolamentazzjoni tas-settur postali u m'għandux ir-responsabbilta` diretta tal-Maltapost. Għal dak li jirrigwarda l-liġi u regolamenti li jittrattaw l-aspett regolatorju, bħalissa ma hemm l-ebda obbligu fuq il-Maltapost sabiex dawn jippubblikaw dan ir-reġistru. Madankollu l-Awtorita` Maltija għal Komunikazzjoni aktar tard din is-sena ser tagħmel eżerċizzju biex tiddetermina f'aktar dettal l-obbligi universali (universal service obligations) tal-Maltapost. Wieħed jistenna li l-kwistjoni tad-direttorju tal-kodiċi postali tiġi studjata flimkien ma' aspetti oħrajn li eventwalment jistgħu jiġu determinati bħala obbligi tal-Maltapost. Għal dak li jirrigwarda l-preżent, din id-domanda għandha tiġi riferuta lill-Ministru responsabbli għall-investimenti u teknoloġija ta' l-informazzjoni.

Għajn Dwieli — Asfaltar ta' triq

Question

Jista' il-Ministru jara li jsir re-surfacing tat-triq li minn Għajn Dwieli tinżel sa barra l-mini ta' Għajn Dwieli lejn il-Kottonera, u dan għax it-triq hija mimlija ħofor kbar b'periklu għas-sewwieqa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq għadu kif għamel it-tiswijiet neċessarji f'din it-triq biex ħofor li tfaċċaw wara l-maltemp jitneħħew. Għalissa l-Awtorita' ser tkompli tagħmel dan ix-xogħol ta' manutenzjoni minn żmien għal żmien, iżda tajt struzzjonijiet biex ikun kwantifikat ix-xogħol li jkun hemm bżonn isir, biex is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant ikun jista jiġi attwat.

Toroq — Xogħol ta' asfaltar

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq li se jsiru permezz tal-fondi mil-protokoll Taljan matul din is-sena? Liema huma l-kuntratturi li tefgħu l-offerti tagħhom għal dan ix-xogħol?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' kuntratturi li tefgħu offerti għall-proġetti ta' toroq li ser jitwettqu taħt dan il-protokoll li t-tenders għalihom għalqu fil-15 ta' Jannar, kif ukoll lista tat-toroq li huma f'dawn it-tenders, liema lista tiġi estiża skond ir-riżorsi disponibli taħt dan il-protokoll.

Mosta — Triq il-Waqqaf - Asfaltar

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li Triq il-Waqqaf fil-Mosta tingħata t-tarmac? Hemm xi pjan meta din tista' issir?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport qed tipprepara programmm għall-asfaltar ta' diversi toroq madwar Malta kollha u x-xogħol fil-lokalita isir aktar 'l quddiem skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Birkirkara — Triq il-Għabex - Asfaltar

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li Triq il-Għabex, is-Swatar, Birkirkara tingħata t-tarmac? Hemm xi pjan meta din tista' issir?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport qed tipprepara programm għall-asfaltar ta' diversi toroq madwar Malta kollha u x-xogħol fil-lokalita' isir aktar 'l quddiem skond il-prijoritajiet li jirriżultaw minn żmien għal żmien.

Ħ'Attard — Triq Zragen - Asfaltar

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-aħħar parti ta' Triq Zragen f'Ħ'Attard tingħata t-tarmac? Hemm xi pjan meta din tista' issir?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trtasport qed tipprepara programm għall-asfaltar ta' diversi toroq madwar Malta kollha u x-xogħol fil-lokalita' isir aktar 'l quddiem skond il-prijoritajiet li jirriżultaw minn żmien għal żmien.

Servizz ta' trasport pubbliku

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jibda s-servizz ta' trasport pubbliku li jgħaqqad is-Siġġiewi ma' Ħaż-Żebbuġ, ma' Ħ'Attard u mal-Mosta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet ma' l-Assoċjazzjoni dwar it-Trasport Pubbliku f'dan ir-rigward. Din marbuta mar-riforma li ser issir fit-Trasport Pubbliku u mistenni li dan it-tibdil iseħħ fiż-żmien li ġej.

Testijiet tal-karozzi

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex dawk l-Għawdxin li jridu jagħmlu t-test tal-karozza jridu jitilgħu Malta? Jista' il-Ministru jara kif dan it-test jibda jsir Għawdex?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tindika dwar liema test qed tirreferi.

Servizz ta' trasport bejn Malta u Għawdex

Question

Jista' il-Ministru jgħid min kienu l-kumpanniji li offrew servizz ta' trasport bejn Malta u Għawdex u x'tip ta' trasport ġie offrut minn kull kumpannija separatament?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra lista ta' persuni/kumpaniji li offrew servizz ta' trasport bl-ajru bejn Malta u Għawdex.