Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sigħat ta'Overtime — Ħlas ta' Overtime

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-grad tal-persuni li isimhom qed jingħata separatament u meta ħadu l-aħħar promotion u ma liema dipartiment? Kemm ħadmu sigħat f'overtime u kemm tħallsu fil-ġranet imsemmija hawn taħt u ma liema dipartiment twettaq dan l-overtime? 6-10-2001, 7-10-2001, 13-10-2001, 14-10-2001, 20-10-2001, 21-10-2001, 27-10-2001, 28-10-2001, 3-11-2001, 4-11-2001, 10-11-2001, 11-11-2001, 17-11-2001, 18-11-2001, 24-11-2001, 25-11-2001, 1-12-2001, 2-12-2001, 8-12-2001, 9-12-2001, 15-12-2001, 16-12-2001.

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hi kif tidher hawn taħt: L-ewwel persuna msemmija: Grad Senior Tradesman (Plumber) L-aħħar promotion 30 ta' April 1999 Dipartiment Drenaġġ It-tieni persuni msemmija: Grad General Water Fitter L-aħħar promotion 1 ta' Jannar 1991 Dipartiment Drenaġġ It-tielet persuna msemmija Grad Senior Technical Officer L-aħħar promotion 11 ta' April 2002 Dipartiment Building Construction Industry Department Ninsab infurmat li dawn il-persuni ma ħadmux overtime fil-ġranet imsemmija fil-mistoqsija u għaldaqstant ma ħadu l-ebda ħlas ta' overtime in konnessjoni ma' dawn il-ġranet.

Mtarfa — Tranġar ta' Gate

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jżomm milli l-gate pubblika li riċentament inġibdet b'xi scammel u sejra taqa' u tikkawża xi inċident aktar gravi, li tinsab bejn Triq Antonio Ellul, u Triq il-Kaptan, Mtarfa, ssir it-tiswijiet fuqha?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.

Rabat — Restawr ta' arkata

Question

B'referenza għax-xogħol ta' restawr li qiegħed isir ta' l-arkata li hemm mal-ġenb tal-kappella tal-Kunċizzjoni l/o Rabat, jista' il-Ministru jara li tinqala' s-siġra li hemm ma' l-arkata peress li l-għeruq ta' din is-siġra qegħdin jagħmlu l-ħsara fil-pedament ta' l-arkata?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħol ta' restawr li qed isir fuq l-arkata li hemm mal-ġenb tal-kappella tal-Kunċizzjoni l/o Rabat, jinkorpora wkoll it-tneħħija ta' l-għeruq tas-siġra li tinsab ma' ġenb il-pedamenti ta' l-arkata.

Gżira — Pumping station tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jagħmel il-verifiki oppożiti billi r-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 35851 tidher li hija skorretta u dan billi l-ħaddiema tal-pumping station tal-Gżira bilfors iridu jkollhom kuntatt dirett mad-drenaġġ?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Jekk l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal pump attendants tal-Gżira Pumping Station, dawn m'għandhom l-ebda kuntatt dirett mad-drenaġġ. Kull meta tiżviluppa xi ħsara f'din il-pumping station, din tiġi rranġata min-nies li hemm stazzjonati ġewwa l-workshops fil-Marsa. Madankollu, ta' min wieħed iżid illi s-sena d-dieħla, il-ħsieb tagħna huwa illi din il-Pumping Station tiġi rranġata kemm bħala apparat mekkaniku u elettriku, kif ukoll bħala embellishment. Dan ta' l-aħħar huwa maħsub li jinkludi bini ta' kwartieri ġodda għall-ħaddiema kollha li hemm ġewwa din il-Pumping Station u li allura jinkludi wkoll faċilitajiet sanitarji aħjar milli hemm bħalissa.

Ħ'Attard — Xogħol ta' Kostruzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ta' kostruzzjoni li qiegħed isir proprju fil-wied ta' Ħ'Attard quddiem l-isptar Monte Carmeli hux kopert bil-permessi meħtieġa għax dan ix-xogħol se jimblokka l-wied u joħloq problemi ta' għargħar kbar fl-inħawi tal-madwar?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Impjegati — Abbużi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu mpjegati matul l-aħħar tnax-il xahar 1) li ma kinux f'posthom waqt il-ħin tax-xogħol 2) li abbużaw mis-sick leave F'liema gradi kienu dawn l-impjegati? X'passi ttieħdu kontra dawn l-impjegati?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li, matul dawn l-aħħar tnax-il xahar kien hemm 180 każ fejn ħaddiema ma nstabux f'posthom waqt il-ħin tax-xogħol u 29 każ fejn ħaddiema nstabu jabbużaw mis-'sick leave. Il-gradi tal-ħaddiema huma: General Hand, Health Attendant, Labourer, Hospital Auxiliary, Bookbinder, Operative, Senior Operative, Tradesman, Senior Tradesman, Heavy Plant Driver, Motor Transport Driver, Technical Officer, Watchman, Part-Time Instructor, Marbler, Supervisor, Messenger, Quarryman, Assistant Technical Officer u Security Guard. Il-passi dixxiplinarji li ttieħdu kontra dawn l-impjegati kienu ħruġ ta' 'charges', twissijiet bil-miktub u tlett ijiem sospensjoni bla paga. Hemm xi każi oħra li għadhom pendenti u oħrajn li ma nstabux ħatja.

Dipartiment tad-drenaġġ — Drainage allowance

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħata persentaġġ ta' drainage allowance il-ħaddiem li jaħdem fid-dipartiment tad-drenaġġ li dettalji tiegħu qegħdin jingħataw separatament kull xahar f'dawn l-aħħar erba' snin?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-persentaġġ ta' drainage allowance mogħti lill-uffiċjal imsemmi, f'dawn l-aħħar snin kien ta' 20%.

Ħaż-Żebbuġ — Manhole

Question

Jista' il-Ministru jara li manhole tad-drenaġġ li jemm fil-parti mhux asfaltata ta' Triq Ġanni Bonniċi, Żebbuġ titbaxxa peress li ħafna karozzi qegħdin jieħdu l-qiegħ mal-cover tal-manhole b'konsegwenza li jikkawżaw ħsarat kbar?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-manhole ser tiġi rranġata fil-ġranet li ġejjin, mill-ħaddiema tad-Dipartiment tad-Drenaġġ.

Bormla — Knisja ta' San Pawl

Question

Jista' il-Ministru jgħid x' xogħol sar u x-xogħol huwa prevvist li jsir fil-Knisja ta' San Pawl, Bormla?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li wara li tlesta r-restawr tal-faċċata tal-Knisja ta' San Pawl, Bormla, issa beda x-xogħol fuq ġewwa tal-Knisja. Ix-xogħol fuq il-faċċata tħallas kollu mill-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera waqt li x-xogħol fuq ġewwa qiegħed isir bi sħab bejn il-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera u l-Knisja Parrokjali.

Birgu — Xoġol - faċċata Każin tal-banda San Lawrenz

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta huwa previst li jinbeda x-xogħol tal-faċċata tal-Każin tal-banda ta' San Lawrenz Birgu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-proġett għadu fl-ewwel fażi ta' preparazzjoni.

Dipartiment tad-drenaġġ — Masterplan

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm intefqu flus mid-Dipartiment tad-drenaġġ mill-1999 sal-lum f'estenzjonijiet tad-drenaġġ u f'xogħlijiet għall-implimentazzjoni tal-masterplan kull sena separatament?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li n-nefqa kapitali fuq il-proġetti tal-Master Plan tad-Drenaġġ mis-sena 1999 'l hawn huwa kif ġej: SENA NEFQA KAPITALI 1999 Lm461,241. 2000 Lm367,999. 2001 Lm539,596. 2002 Lm416,220.

Restawr — Mina ta' Sant Anna

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif inhu sejjer ix-xogħol tar-restawr fil-mina ta' Sant'Anna u jista' jiġi ndikat kemm flus huma proġettati li jintnefqu fuq dan? Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hemmx il-ħsieb li dan ikun aċċessibbli għall-pubbliku u jekk l-aċċess għat-torri ta' l-arloġġ hux ser jsir ukoll?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-proġett tal-Bieb ta' Sant'Anna fl-Isla issa wasal fit-tieni fażi tiegħu. Fl-ewwel fażi, ħaddiema tal-Gvern kienu nadfu s-soqfa u ppavimentawhom. Fit-tieni fażi, li se ssir minn kuntrattur, ser isir ir-restawr tal-mina kif ukoll l-inħawi tal-ġenb, se ssir sistema tad-dawl u tiġi pavimentata d-daħla tal-mina. Dan il-proġett huwa stamt li jiswa mal-Lm140,000. Il-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera qiegħed ukoll jistudja l-possibilta' li l-area tkun aċċessibli għall-pubbliku.

Magħtab — Kostruzzjoni ta' Control Room

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid għalfejn il-kuntrattur tat-tender numru 211/01 li kien jinvolvi l-kostruzzjoni ta' control room fil-Magħtab twaqqaf f'nofs ix-xogħol, għal-ebda raġuni bi ksur ta' l-istess kuntratt? Min awtoriżża li x-xogħol imsemmi ma jitkompliex? X'kienet ir-raġuni?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-kuntrattur imsemmi kien waqa' xi ftit lura fuq ix-xogħol u d-Dipartiment ħass li seta' jintervjeni bir-riżorsi tiegħu stess biex il-proġett jitlesta fl-iqsar żmien possibbli.

Baħrija — Fawran ta' drenaġġ

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 36549 jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopji ta' l-analiżi li saru fuq l-spejjer ta' l-ilma fl-inħawi? Jista' ukoll il-Ministru jgħid jekk kienx il-każ li nqerdu kwantitajiet ta' granċijiet ta' l-ilma ħelu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li ma saru l-ebda analiżi fuq spejjer ta' l-ilma fl-inħawi tal-fossa tal-Baħrija mid-Dipartiment tad-Drenaġġ għaliex id-Dipartiment ma rriżultalux illi far xi kwantita' ta' drenaġġ u li dan ikkontamina xi spejjer. Id-Dipartiment lanqas ma kellu xi rapporti illi nqerdu kwantitajiet ta' granċijiet ta' l-ilma ħelu minħabba xi fawran ta' drenaġġ.

Kumitati tar-Rijabilitazzjoni — Infiq ta' flus

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm intefqu flus mill-kumitati tar-rijabilitazzjoni mill-1999 sal-lum, kull kumitat u kull sena separatament?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li n-nefqa tal-Kumitati tar-Riabilitazzjoni mill-1999 sa llum hija kif tidher hawn taħt: Sena Kumitat Kumitat Kumitat għar-Riabilitazzjoni għar-Riabilitazzjoni għar-Riabilitazzjoni tal-Belt u l-Floriana tal-Kottonera ta' l-Imdina ______________________________________________________________ 1999 Lm269,671. Lm 85,417. Lm 30,330. 2000 Lm251,797. Lm165,668. Lm156,555. 2001 Lm286,899. Lm144,729. Lm221,910. 2002* Lm193,824. Lm 77,894. Lm185,269. * sa l-aħħar ta' Ottubru 2002

Xogħol ta' restawr — Infiq ta' flus

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm intefqu flus għal-xogħol ta' restawr mill-1999 sal-lum kull sena separatament?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li mill-1999, intefqu dawn il-flus fuq xogħol ta' restawr: SENA NEFQA 1999 Lm624,787. 2000 Lm584,585. 2001 Lm448,652. 2002* Lm397,159. * sa l-20 ta' Novembru 2002

Parks Nazzjonali — Infiq ta' flus

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemmintefqu flus fuq il-parks nazzjonali mill-1999 sal-lum, kull sena separatament?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-flus li ntefqu fuq il-parks nazzjonali mill-1999 sa l-2002 (sal-21 ta' Novembru) huwa kif jidher hawn taħt: SENA NEFQA 1999 Lm 37,678. 2000 Lm 64,309. 2001 Lm206,535. 2002 Lm 96,245.

Waste Oils Company Ltd

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet tal-gvern għat-trattament taż-żejt maħruq u xaħmijiet? Il-kumpanija Waste Oils Company Ltd hi parti minn dan il-pjan? Jekk fl-affermattiv, din il-kumpanija hi waħda parastatali u min huma l-azzjonisti u d-diretturi tagħha?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-pjanijiet tal-Gvern għat-trattament taż-żejt maħruq u xaħmijiet huma ddettaljati fid-dokument ta' l-Istrateġija u l-Immaniġjar ta' l-Iskart li kien ippubblikat f'Ottubru 2001. Il-kumpanija Waste Oils Company Ltd. tispeċjalizza fir-riċiklar ta' l-iskart miż-żjut u tista' tifforma parti minn dan il-pjan bħal kumpaniji oħra. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura — Karozzi ġodda

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inxtraw karozzi ġodda mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul dawn l-aħħar sena u nofs? Jista' jgħid minn min qed jintużaw dawn il-karozzi? Jista' jgħid x'marka huma dawn il-karozzi u kemm ġew jiswew?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni mitluba hija kif tidher hawn taħt: MARKA VALUR TINTUŻA MINN VW Passat Lm11,500. Chairman - M.R.A. Ford Focus Lm 7,000. Director - W.M.S.I.D. Renault Megane Lm 5,525. Director - Office of Review VW Polo Passat Lm 7,000. ex-Director - Finance & Administration Renault Megane Lm 5,535. Director - Finance & Administration

Wied il-Fiddien — Ħofra fit-triq

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga l-ħofra li żvilluppat f'nofs it-triq fejn Wied Tal-Fiddien limiti tar-Rabat peress li tindika li hemm xi mina żgħira għall-aċċess ta' l-ilma li xpakkat? Jista' il-Ministru jinfurmani fid-dettal u forsi anke jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti li jindikaw minn fejn jinsab għaddej l-kanal li nkixef minħabba din it-toqba fit-triq?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li għalkemm il-ħofra li żviluppat fit-triq imsemmija hija fil-konfini tal-Kunsilli Lokali, saret spezzjoni fuq il-post u tqiegħdu road barriers bil-flushers biex ma jkunx hemm periklu. Sadanittant, ħaddiema mit-Taqsima tax-Xogħlijiet marru fuq is-sit imsemmi u għamlu x-xogħol neċessarju.