Billi f'diversi lokalitajiet qed ikun hemm klieb jiġru barra, jew għaliex slavaġ, inkella għaliex is-sidien tagħhom iddeċidew li jħalluhom għal riħhom, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif qed jinġabru dawn l-istess klieb, mis-sezzjoni tal-Animal Welfare? Kemm inġabru klieb minn din is-sezzjoni, matul l-aħħar 12-il xahar? Jista’ jara li numru ta’ klieb li hemm jiġru bejn il-bypass ta' San Pawl il-Baħar u l-inħawi tal-Veċċja jiġu miġbura?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li matul is-sena 2016 inġabru 580 kelb. Id-Direttorat ta’ Trattament Xieraq tal-Annimal jiġbor biss dawk l-annimali li huma morda jew feruti. Dawn jittieħdu l-Isptar fejn jiġu kkurati. Skond il-proċeduri stabbiliti tad-Direttorat, klieb li huma b’saħħithom ma’ jinġabrux.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — person of trust u position of trust
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il person of trust u position of trust, elenkati separatament hemm fil-Ministeru tiegħu sal-jum li fih tkun imwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-key experts tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li għadhom kemm ingħataw tender bl-isem: MSDEC212/2016 Service tender for the collation of primary and secondary data on regular breeding and wintering bird species in the Maltese islands and compilation of Article 12 report (Birds Directive) for the 2013-2018 reporting period, including Malta Breeding Bird Atlas (2018)?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-ismijiet tal-esperti in kwistjoni.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 29500, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt dawk li għandhom tipi differenti ta' negozji indikati fir-risposta, humiex dejjem huma responsabbli mill-ħlas li jrid isir biex l-iskart tagħhom ikun fil-fatt meħud lejn id-destinazzjoni finali tiegħu? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar kemm huma l-persuni awtorizzati mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex jiġbru dan l-istess skart, kif ukoll jagħti tagħrif dwar jekk kull kollettur awtorizzat, hux awtorizzat li jiġbor kull tip ta' skart? Jekk le, kemm hemm kolletturi awtorizzati li jiġbru skart skont it-tip ta' skart li huma awtorizzati jiġbru, għal kull tip differenti?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li it-tipi differenti ta’ negozji indikati fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 29500 huma responsabbli mil-ħlas li jrid isir biex l-iskart tagħhom ikun fil-fatt meħud lejn id-destinazzjoni finali tiegħu, apparti minn dak l-iskart li minħabba n-natura u l-kompożizzjoni tiegħu huwa simili għal dak iġġenerat mid-djar u li allura jiġi miġbur fil-borża s-sewda.
L-Awtorita’ għall-Ambjent u ir-Riżorsi tirreġistra u tawtorizza vetturi sabiex jiġbru, jġorru u jiddisponu minn skart iġġenerat minn kwalinkwe settur. Ir-reġistrazzjoni hija maqsuma f’diversi klassijiet skont it-tip ta’ skart li jkun permess jinġarr. Il-vettura tiġi rreġistrata fi klassi partikolari skont jekk għandiex il-miżuri sabiex iġorr it-tip ta’ skart li għalih is-sid jkun applika. Għalhekk vettura partikolari tista’ tkun reġistrata għal tipi diversi ta’ skart.
Qed inpoġġi tabella fuq il-Mejda tal-Kamra rigward bl-informazzjoni tal-5118 reġistrazzjoni valida ma’ l-ERA.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29399, li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u ċjoè: Billi fl-20 ta' Diċembru u fil-jiem ta' qabel kien hemm riħa qawwija f'diversi partijiet ta' Għawdex, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'investigazzjoni għamel il-Ministeru, u minn fejn irriżulta li kienet ġejja din l-istess riħa? X'passi ttieħdu biex dawn l-irwejjaħ jinqatgħu?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li billi dan kien każ singulari u l-ERA ma ġietx infurmata fil-ħin propizju u anki minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni sabiex ikun identifikat bi preċiżjoni minn fejn kienu qed joriġinaw dawn l-irwejjaħ, investigazzjoni ma setgħetx issir. Iridj ingħad ukoll illi dakinhar li ġara l-każ ittieħdu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji sabiex tiġi ssalvagwardjata s-saħħa u sikurta’ tal-persuni kollha kkonċernati. L-irwejjaħ li qed jissemmew bl-ebda mod ma kellhom x’jaqsmu mal-operat tal-Wasteserv.
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 29137, jista’ l-Ministru jgħid meta se jiġi fi tmiemu l-perjodu ta’
testing and commissioning?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-perjodu ta’ 'testing u commissioning' huwa pjanat li jitlesta sa nofs is-sena 2017.
Peress li f’Diċembru 2014, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima kien iddikjara li sal-aħħar tal-2015 il-Gvern kien se jestendi Kennedy Grove fis-Salina bi 3,000 metri kwadri, liema estensjoni se jkollha fiha playground u picnic facilities, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti ta’ tali estensjoni u meta tlestiet din l-estensjoni?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta li turi l-estent tax-xogħolijiet li saru fuq il-parti ta’ Kennedy Grove.
Attachments:PQ 29972 - Tabella (Salina Block Plan - Showing Extension Zone Area).pdf
Jista’ l-Ministru jgħid jekk qattx ġie studjat l-impatt ambjentali tal-junk mail f’pajjiżna? Jekk iva, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tali studju/i?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa issa għadu ma seħħx studju biex jevalwa l-impatt ambjentali tal-junk mail. Pero’, skond il-Waste Management Plan din l-analiżi hija programmata. F’Jannar tas-sena 2016 kien inbeda dan il-proċess permezz ta’ konsultazzjoni pubblika u wara nġabret xi data li għad trid tkun analizzata ġaladarba jitwettqu prijoritajiet oħra mill-istess pjan.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux biħsiebu li jibda jirregola l-junk mail li jirċievu r-residenti Maltin u Għawdxin u jekk iva b’liema mod?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 29515 fejn tfiehem għalfejn għadu prematur li wieħed jitkellem fuq ir-regolamentazzjoni ta’ dan is-settur.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — Personal Emoluments - nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa proġettata (budgeted) fuq Personal Emoluments sena b’sena mill-2013 sal-2016? Jista’ jgħid kemm kienet in-nefqa reali (actual) għal kull sena?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fid-dokumenti tal-Estimi Ġenerali li jigu ppubblikati kull sena u jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra fil-jum tal-Bagit.
Fir-rigward tan-nefqa għas-sena 2016 din l-informazzjoni għadha mhix konkluża u tkun ippubblikata fid-dokument tal-Estimi Ġenerali li jmiss.
Sajjieda Part-timers – użu ta’ diesel għad-dgħajjes
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex sajjieda part-timers Maltin qed jingħataw sussidju fuq l-użu tad-diesel għad-dgħajjes tagħhom filwaqt li sajjieda Għawdxin part-timers mhux qed igawdu minn dan is-sussidju? Ma jaħsibx li din id-diskriminazzjoni għandha tiġi rimedjata?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li ma teżisti l-ebda diskriminazzjoni, sempliċiment għax ma jeżisti l-ebda sussidju fuq id-diesel użat mis-sajjieda, kemm jekk huma sajjieda full-time jew part-time, kemm jekk huma Maltin kif ukoll jekk huma Għawdxin.
Jista’ l-Ministru jgħid kif suppost għandhom jiddisponu mill-iskart li jkollhom x'jarmu bosta negozji, kemm jekk dan l-iskart ikun riċiklabbli, kif ukoll jekk ma jkunx riċiklabbli?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma l-Onor. Interpellant li t-tip ta’ skart ġġenerat minn negozji jiddependi fuq l-attività tan-negozju. Għaldaqstant in-natura u l-kompożizzjoni ta’ skart tvarja minn negozju għal ieħor u għalhekk il-mod ta’ kif jiġi mmaniġjat ivarja wkoll peress li dan jiddependi fuq in-natura u l-kompożizzjoni tal-iskart inkwistjoni.
B’referenza għar-regolament 12 fuq dmir ta’ kura stipulat fl- L.S. 549.63, Regolament dwar l-Iskart, negozji għandhom jiżguraw li l-iskart iġġenerat minnhom ikun immaniġġjat skont il-paragrafi 2 u 3 tal-iskeda 5 dwar il-ġerarkija tal-iskart u ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent rispettivament. F’dan il-kuntest, negozji għandhom jiddisponu mill-iskart tagħhom, kemm dak riċiklabbli kif ukoll dak li mhux, bi ftehim ma’ kollettur privat jew pubbliku ta’ skart u jassiguraw li l-iskart jasal u jkun immaniġġjat minn stabbilimenti jew negozji li jagħmel proċess ta’ trattament ta’ skart awtorizzati mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.
Fir-rigward ta’ skart riċiklabbli ġġenerat minn negozju bħal skart tal-ippakkjar, skart minn apparat elettriku u elettroniku u skart ta’ batteriji u akkumulaturi, in-negozjanti jistgħu jagħmlu użu minn sistemi ta’ ġbir u riċiklaġġ iffinanzjati mill-produtturi ta’ tali materjali skont il-liġijiet ta’ Malta. Negozji li jiġġeneraw skart li ma jkunx riċiklabbli u li n-natura u l-kompożizzjoni tiegħu mhux simili għal dak iġġenerat mid-djar, għandhom jagħmlu l-arranġamenti neċessarji ma’ kolletturi u faċilitajiet awtorizzati mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi sabiex jiddispondu minn tali skart.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — persuni f'position of trust
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni fuq position of trust minn Marzu 2013 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza? Minn dawn, kemm saru tal-post għax ġew assorbiti fis-Servizz Pubbliku u b'hekk ma baqgħux fuq position of trust?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Marzu 2013 ġew maħtura dsatax-il (19) persuna f’position of trust mal-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima. Bħalissa fil-Ministeru fadal tnax (12) f’position of trust. Ħadd minn dawn ma kellu għalfejn jiġi assorbit fis-Servizz Pubbliku għax biex persuna tkun f’position of trust trid tkun fis-settur pubbliku.
Billi wara l-maltemp li kellna matul l-2016, il-Menqa tas-sajjieda San Pawl il-Baħar, ħdejn il-knisja ta' San Pawl Nawfragu sofriet bosta ħsarat, u l-ġebel li waqa fl-istess menqa qed jagħmilha diffiċli għal dawk li kienu jorbtu d-dgħajjes tagħhom biex jagħmlu dan mingħajr periklu, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta se issir it-tiswija neċessarja biex ma ssirx iktar ħsara, kif ukoll biex dawn l-inkonvenjenzi jitneħħew?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 28399.
Programm Leader – proġetti minn fondi Ewropej – ex/post on-site inspection
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-kriterji li jintużaw sabiex jintgħażlu l-benefiċċjarji ta’ proġetti minn Fondi Ewropej taħt il-programm Leader għal-Ex/Post on-site inspections? Jista’ wkoll jagħti lista ta’ liema proġetti saritilhom ex/post on-site inspection tal-proġetti taħt il-programm Leader, xahar b’xahar mis-sena 2013 ‘l hawn?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kontrolli li jsiru ex post fuq progetti taħt mizuri tal-investment fill-fond agrikolu għall-iżvilupp rurali huma dawk meħtieġa skont Article 71 tar-Regolament (EU) No 1303/2013 of the European Parliament and of the Council, li jgħoddu għal ħames snin mid-data pagament finali sabiex jiġi żgurat li qed jinżammu r-rekwiżiti ta’ durabilita’.
Dawn il-kontrolli isiru skont kif maħsub taħt l-artiklu 52 tal- Commission Implementing Regulation 809/2014, u ċioe’ fuq kampjun magħżul fuq bażi ta’ analiżi tar-riskju li miegħu jiġu miżjuda l-ispezzjonijiet li jsiru kull darba li l-Aġenzija tal-Pagamenti tirċievi senjalazzjoni ta’ ksur potenzjali, kif ukoll fuq kampjun aleatorju.
Mill-2013 sal-lum saru 3 kontrolli ‘ex-post’ fuq il-proġetti taħt il-programm Leader, b’numru t’applikazzjoni NGO00002, NGO00020 u 1286-1403. Waqt li l-ewwel żewg kontrolli ġew iffinalizzati, l-kontroll fuq l-aħħar applikazzjoni ma ġiex finalizzat minħabba li l-benefiċarju ma kkonfermax l-appuntament sabiex issir l-ispezzjoni necessarja.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28319, jista' l-Ministru jagħti rendikont dettaljat ta’ kif intefqu €19,100 ta’ meta ġie inawgurat il-ftuħ taċ-Ċentru San Franġisk mill-Ministru ta’ dak iż-żmien u fuq isem min inħarġu l-pagamenti?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jagħti dettaljatament x'kienet in-nefqa li saret biex ġiet organizzata l-inawgurazzjoni ta' dak li kien l-Isptar San Franġisk f'Ta' Qali?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Ministeru ma’ daħal fl-ebda spiża biex sar il-ftuħ tal-Isptar tal-Annimali f’Ta’ Qali (li qabel kien il-klinika tal-annimali San Frangisk), ħlief ghall-kiri ta’ sistema tal-awdjo għall-okkazjoni, bi spiża ta’ €466.10.
Dan kuntrarju għal dak li gara fl-2010, taħt l-amministrazzjoni preċedenti, meta nfethet il-klinika ta’ San Frangisk. Jien infurmat li l-ispiża, għall-Ministeru tal-MRRA, f’dik l-okkażjoni kienet tleħħaq is-somma eċċessiva ta’ €19,107.65.
Skema One to One u skemi oħra — għajnuna lir-raħħala
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna hemm għal raħħala simili ta' one to onejew xi skemi oħrajn ta' għajnuna?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Programm għall-Iżvilupp Rurali ta’ Malta 2014-2020, jinkludi numru ta’ skemi ta’ fondi li minnhom jistgħu jibbenefikaw il-bdiewa u r-raħħala Maltin. Fost dawn l-iskemi, hemm il-Miżura 4.1, li hija dik li hi l-iżjed qrib ta’ dik li kienet l-iskema 121 taħt il-Programm preċedenti 2007-2013, għalkemm m’humiex identiċi.
Il-Miżura 4.1 li tħabbret nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Novembru tipprovdi għajnuna finanzjarja għal total ta’ 25 miljun Ewro lill-benefiċjarji diversi, inklużi r-raħħala, għal investimenti fl-irziezet tagħhom, u tkopri sa 50% tal-ispejjeż eliġibbli. L-investimenti jridu jkunu f’proġetti ġodda u mhux f’proġetti li jkunu diġa’ twettqu L-informazzjoni dettaljata dwar din l-iskema, u skemi oħrajn huma pubblikati fil-Programm innifsu filwaqt li l-linji gwida għall-applikanti ser jiġu mnedija mill-Awtorita’ ta’ Ġestjoni fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej, l-Implementazzjoni tal-Manifest Elettorali fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-volum trattat kull ġimgħa fl-autoclave tal-Marsa minn meta beda jitħaddem?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Autoclave Rendering Plant qiegħed fil-fażi ta’ "testing and commissioning" u għadu taħt it-tmexxija tal-kuntrattur. Waqt dan il-perjodu l-impjant ma jitħaddimx kontinwament fuq l-istess program u għaldaqstant m'hemmx volum fiss ta’ materjal li jigi trattat fil-gimgħa. Jista jigi kwotat il-volum totali ta’ materjal trattat f'dawn l-aħħar xhur, li jammontaw għal 339 tunellata.