Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skejjel privati – għajnuna finanzjarja għall-ingaġġ ta’ facilitators

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet tammonta l-għajnuna finanzjarja diretta mogħtija lill-iskejjel privati sabiex dawn ikunu jistgħu jingaġġaw il-facilitators meħtieġa sabiex jgħinu lit-tfal bi bżonnijiet speċjali matul l-aħħar 24 xahar?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-għajnuna finanzjarja mogħtija lill-iskejjel privati għall-ingaġġ ta' Learning Support Assistants (qabel magħrufa bħala facilitators) fl-aħħar sentejn kienet tammonta għal: 2015 - €2,481,681 2016 - €2,295,223

Skejjel tal-Istat – Kunsill Skolastiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema skejjel tal-istat hemm Kunsill Skolastiku, skola skola? Minn min hu kompost kull kumitat ta' kull skola? Kif inhi l-proċedura preżenti biex jiġu eletti dawn il-kunsilli? X'inhuma t-terms of reference ta' dawn il-kunsilli? Kif iġibu l-fondi biex jiffunzjonaw dawn il-kunsilli? X'attivitajiet isiru minn dawn il-kunsilli? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kalendarju tal-attivitajiet ta' kull Kunsill Skolastiku għas-snin 2014/15, 2015/16 u dik preżenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li ħlief għal skola waħda hemm Kunsill Skolastiku f’kull skola tal-Istat. Fil-każ tal-ALP u l-GEM, peress li l-istudenti jagħmlu biss sena skolastika waħda dawn m’għandhomx Kunsill Skolastiku imma għandhom kunsill studentesk magħmul minn numru ta’ studenti u li jitmexxa minn Assistent Kap. Fl-iskejjel primarji u sekondarji l-Kumitat hu kompost minn tliet ġenituri u tliet għalliema flimkien ma’ President u l-Kap tal-Iskola. Fl-iskejjel post-sekondarji l-Kumitat hu kompost minn tliet studenti u tliet għalliema flimkien ma’ President u Kap tal-iskola. Kull sentejn isiru elezzjonijiet biex jiġu eletti l-membri. Jekk ikun hemm biss tliet nominazzjonijiet ma ssirx elezzjoni u min ikun nominat jiġi elett. Fil-każ tal-iskejjel post-sekondarji l-elezzjoni ssir kull sena għall-istudenti. Il-Kunsilli tal-iskejjel jimxu skont l-Avviż Legali 135 tal-1993 kif emendat bl-Avviż Legali 424 tal-2007. L-iskejjel iġibu fondi mill-attivitajiet tal- fundraising li jorganizzaw. Dawk l-iskejjel li għandhom tuckshop għandhom ukoll l-profitti minnu. L-attivitajiet huma varji. Dawn jinkludu laqgħat għall-ġenituri, ħarġiet soċjali/edukattivi, fieri tal-kotba u marathon walks fost oħrajn. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba dwar il-kalendarju tal-attivitajiet ta’ kull Kunsill Skolastiku f’dawn l-aħħar tliet snin skolastiċi tinħtieg ħafna xogħol biex tinġabar u ż-żmien huwa limitat ħafna. Madankollu, jekk l-Onor. Interpellant għandu bżonn xi informazzjoni speċifika dwar skejjel partikolari, nitolbu jindika fejn meħtieġ.

Health and Safety Teachers – risk assessments

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-affarijiet li għalihom inġibdet l-attenzjoni tal-awtoritajiet mill-Health and Safety Teachers fir-risk assessments tagħhom fil-perjodu bejn l-2013 u l-aħħar ta’ Diċembru 2016, ħaġa b'ħaġa, skola skola u sena b'sena? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-risk assessments ta' kull skola tal-Istat għall-perjodu bejn l-2013 u l-2016?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nitlob lill-Onor. Interpellant japprezza li l-informazzjoni dettaljata li qiegħed jitlob fuq medda ta’ erba’ snin tieħu x-xogħol sabiex tinġabar kollha u ż-żmien huwa limitat ħafna. Madankollu, qiegħed nitlob lista ta' risk assessments li saru u jekk ġewx attwati r-rakkomandazzjonijiet tagħhom. Fil-każ li l-Onor. Interpellant għandu bżonn xi informazzjoni speċifika dwar xi skola jew skejjel partikolari, nitolbu jindika fejn meħtieġ.

Masters/Dottorat — Sponsorships

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm se jkun hemm sponsorships għall-masters/dottorat mill-Gvern, jew xi entità tiegħu għas-sena skolastika 2016/2017? Meta se joħorġu s-sejħiet relatati ma' dawn l-isponsorships? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hux se jkun hemm xi preferenza partikolari fejn se jingħataw l-isponsorships?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li għas-sena skolastika 2016/2017 ingħataw mitejn u sitt (206) borża ta’ studju biex l-applikanti magħżula jsegwu programmi ta’ studju u riċerka li jwasslu għal kisba ta’ Masters degree jew Dottorat. Dan l-għadd mistenni jerġa’ jintlaħaq fil-każ tal-applikanti l-ġodda li se jkunu qed japplikaw taħt is-sejħiet hawn taħt indikati mis-sena akkademika li jmiss 2017/2018. Is-sejħiet tal-iskemi amministrati mill-i Scholarships Unit – Direttorat għall-Implimentazzjoni ta’ Programmi fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol mistennija jitħabbru kif ġej:- Skema Meta maħsub li jiġu mħabbra: Malta Arts Scholarships Scheme Marzu 2017 Sport Scholarships Scheme April 2017 ENDEAVOUR Scholarships Scheme – Group A Lejn l-aħħar ta’ April jew bidu ta’ Mejju 2017 ENDEAVOUR Scholarships Scheme – Group B Lejn l-aħħar ta’ April jew bidu ta’ Mejju 2017 L-applikanti prospettivi jridu jkunu qed japplikaw biex isegwu programmi ta’ studju fl-oqsma ta’ prijorità kif ġej:- Skema Qasam ta’ Prijorit à Malta Arts Scholarships Scheme Kull tip ta’ Arti espressiva Sport Scholarships Scheme Sport professjonali u l-iżvilupp tal-atleti ENDEAVOUR Grupp A – Oqsma ta’ Prijorità ENDEAVOUR Grupp B – Oqsma ta’ prijorità Advanced Manufacturing Management and Administration Creative Industries Education Financial Services Green Economy International Educational Services Health Life Sciences High Value Added Manufacturing Tourism ICT Transport & Advanced Logistics Veterinary Services Science, Technology, Engineering/ Environment and Mathematics (STEM) (Other Programme Titles may also be considered under Group B) L-applikanti prospettivi jistgħu japplikaw biex isegwu programmi ta’ studji ma’ istituzzjonijiet edukattivi kemm f’Malta kif ukoll barra basta jkunu istituzzjonijiet edukattivi rikonoxxuti fil-pajjiż ta’ oriġini kif wkoll mill-awtoritajiet kompetenti Maltin.

Kummisjoni Nazzjonali għal Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla — membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif inhu kompost il-Kummissjoni Nazzjonali għal Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla skont l-Artikolu 69 tal-Att dwar l-Edukazzjoni? Jista’ jgħid kemm hemm membri fuq din il-Kummissjoni li huma nisa u kemm minnhom huma persuni b’diżabilità?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kummissjoni Nazzjonali għal Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla tkun komposta minn mhux anqas minn seba’ u mhux aktar minn disa’ membri nominati mill-Ministru u maħtura mill-Prim Ministru għall-perjodu ta’ tliet snin u l-membri għandhom ikunu eliġibbli biex jerġgħu jiġu maħtura wara li jiskadi ż-żmien tal-ħatra tagħhom. Il-membri kollha jservu fil-Kummissjoni fil-kapaċità personali tagħhom. Fuq il-Bord tal-Kummissjoni hemm żewġ membri nisa u hemm persuna waħda b’diżabilità.

Jobsplus – Bord tad-Diretturi — membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif inhu kompost il-Bord tad-Diretturi tal-Korporazzjoni Jobsplus skont l-Att dwar is-Servizzi ta’ Impieg u Taħriġ? Jista’ jgħid kemm hemm membri fuq il-Bord li huma nisa u kemm minnhom huma persuni b’diżabilità?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, skont Kapitolu 343 Artiklu 6 (2) ta’ l-Att dwar is-Servizzi ta’ Impieg u Taħrig, il-Bord għandu jkun magħmul minn dak in-numru ta’ diretturi, li ma jkunx inqas minn tmienja, kif il-Ministru jista’ minn żmien għal żmien jaħtar. Tlieta mill-membri tal-Bord għandhom ikunu maħtura, wara konsultazzjoni xierqa mal-ministri konċernati, minn fost dawk il-persuni li l-aħjar jirrappreżentaw il-ministeri responsabbli għax-xogħol, edukazzjoni u għall-industrija. Wieħed mill-membri tal-Bord għandu jkun persuna b’diżabilità. Fuq il-Bord hemm sitt (6) membri nisa u hemm persuna waħda b’dizabilità.
Leg 12 PQ #31886 Sitting 494 2017-03-14 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Skola MA Refalo Sixth Form College — xogħlijiet ta' ristrutturar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa mistenni li se jqum ix-xogħol ta' ristrutturar tal-iskola Sir MA Refalo Sixth Form College Għawdex sabiex parti minn din l-iskola tkun tista' tintuża minn Barts Medical School? Jista' jgħid jekk dawn l-ispejjeż humiex se jitħallsu mill-Gvern jew inkella minn Vitals Global Healthcare? Kemm studenti huwa mahsub li se jagħmlu użu minn din l-iskola fl-ewwel sena tagħha?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-proġett mhux qiegħed jiġi implimentat mill-Fondazzjoni għall-iSkejjel ta' Għada u għaldaqstant il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol mhuwiex f'pożizzjoni li jagħti d-dettalji dwar l-ispejjeż involuti.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — direct orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il direct order ingħatat fl-2016 mill-Ministeru u d-dekasteru tiegħu inkluż dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt l-uffiċċju tiegħu? Jista' jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — Konsulenzi minn Avukat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk wara Marzu 2013 xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-avukat li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, jew mid-ditta legali tiegħu, u jekk iva, meta, liema entità kienet/hija, u l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat illi, wara Marzu 2013, il-persuna indikata mill-Onor. interpellant ma ngħatat ebda xogħol legali jew xogħol ta' konsulenza f'xi dipartiment jew f'xi entità pubblika li taqa' taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — Segretarjat Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport - Konsulenzi minn Avukat

Question

Jista’ l-Ministru permezz tas-Segretarjat Parlamentari jgħid jekk wara Marzu 2013 xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-avukat li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, jew mid-ditta legali tiegħu, u jekk iva, meta, liema entità kienet/hija, u l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onorevoli interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 31208.

Arretrati – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward arretrati?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-uffiċċju kkonċernat fi ħdan l-Education Logistics and Support Unit għaddej b’ħidma sabiex jinqatgħu l-arretrati. Infurmat li ħlasijiet u pagamenti qed jinħarġu b’mod regolari.

Każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward każ li għandha mal-Ombudsman?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li dwar dan il-każ se ssir laqgħa din il-ġimgħa fl-uffiċċju tal-Ombudsman.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – impjegati tal-gvern – mobile u fixed line imħallsa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi impjegati tal-Gvern, inkluż fis-segretarjat tal-Ministru, li għandhom iktar minn mobile wieħed u aktar minn fixed line wieħed imħallas mill-Gvern? Min huma dawn il-persuni u x'inhu l-ammont li tħallas kull xahar minn April 2013 sal-lum?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li ma hemm ebda impjegat tal-Gvern fis-segretarjat tiegħi u fid-direttorati u dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol li għandu iktar minn mobile wieħed u aktar minn fixed line wieħed imħallas mill-Gvern.

Skejjel – Capital Funds – xiri ta’ affarijiet marbuta ma’ Health and Safety

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif ġew utilizzati l-fondi allokati għal xiri ta' affarijiet marbutin mal-health and safety mill-capital fund allokat għal kull skola tal-Istat minn April 2013 sal-lum, skola bi skola u sena b'sena? Jista' jelenka l-oġġetti li nxtraw, skola bi skola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tan-nefqa mill-Capital Funds fuq affarijiet marbuta mal-health and safety fl-iskejjel tal-Istat fil-perjodu ta' bejn l-1 ta' Mejju 2013 u l-31 ta' Diċembru 2016. Health and Safety Equipment fosthom jinkludi CCTV, fire extinguishers, fire alarms, intercom u insectocutors. Ninforma lill-Onor. interpellant li biex tiġi elenkata lista tal-oġġetti kollha li nxtraw, skola bi skola, fuq medda ta' erba' snin tinħtieġ ħafna xogħol biex tinġabar. Għalhekk, jekk hemm xi skola partikolari jew l-Onor. interpellant għandu bżonn xi informazzjoni speċifika, nitolbu jindika fejn meħtieġ.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – ħlas ta’ fuels

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet iċ-ċifra globali għall-fuels li tħallset mill-Ministeru, dipartimenti, dekasteri/korporazzjonijiet/entitajiet li jaqgħu taħt l-Ministeru minn April 2013 sal-lum rispettivament?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Foundation for Tomorrow’s Schools — nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet in-nefqa tal-Foundation for Tomorrow’s Schools f’Malta u Għawdex separatament kull sena minn Jannar 2008 sal-lum? Fuqiex kienet kull nefqa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel tal-Kindergarten, Primarja u Sekondarja — assenteiżmu

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm tfal li ma marrux l-iskola matul is-sena skolastika attwali u f’dik ta’ qabilha fil-livell ta' kindergarten, primarja, sekondarja eċċ.? Jista' jgħid kemm ġranet dawn it-tfal ma marrux skola u r-raġuni li taw għan-nuqqas tagħhom? X'kienu r-raġunijiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat mid-Dipartiment għas-Servizzi għall-Istudent li t-tagħrif rikjest dwar in-numru ta’ studenti, kemm fil-livell primarju, kif ukoll fil-livell sekondarju, li ma attendewx l-iskola, matul is-sena skolastika attwali sal-aħħar ta’ Frar 2017 u f’dik ta’ qabilha (2015-16) hu kif jidher fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Din l-informazzjoni tkopri każijiet ta’ assenza minħabba mard, każijiet mhux ġustifikati u oħrajn fejn l-assenza kienet ġustifikata. Rigward ir-raġunijiet li jingħataw skont l- Addressing Attendance in Schools Procedures li tnedew f’Ottubru 2014 il-ġenituri obbligati jċemplu u jibagħtu nota lill-Kap tal-iSkola bi spjegazzjoni biex jiġġustifikaw l-assenza tat-tfal mill-iskola. Ir-raġunijiet li jingħataw huma varji u jinkludu: raġunijiet ta’ saħħa fil-familja, mard ta’ anqas minn 3 ijiem, imwiet ta’ membri tal-familja u funerali. Huwa l-Kap tal-iskola li jiddeċiedi jekk ir-raġuni li jipprovdu l-ġenituri hija ġustifikabbli jew le. Meta t-tfal ifallu l-iskola għal aktar minn tlett ijiem minħabba mard, il-ġenituri huma mitluba jipprovdu ċertifikat mediku.

Università ta’ Malta – studenti barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'din is-sena universitarja, kemm hemm studenti barranin fl-Università ta' Malta fil-korsijiet ta’ filgħodu u filgħaxija? Jista' jgħid minn liema pajjiżi ġejjin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #31217 Sitting 492 2017-03-08 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Aġenzija Żgħażagħ – Youth Activity Center

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il Youth Activity Center għandha miftuħa l-Aġenzija Żgħażagħ madwar Malta u Għawdex? F'liema lokalitajiet huma? Meta nfetħu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li bħalissa Aġenzija Żgħażagħ għandha żewġ Youth Activity Centres li qegħdin f’Marsaxlokk u Ħad-Dingli. Infurmat li Villa Psaigon, Ħad-Dingli reġa’ infetaħ fid-9 ta’ Ġunju 2012 filwaqt li ta’ Marsaxlokk kien diġà miftuħ qabel m’għadda taħt ir-responsabbiltà tal-Aġenzija Żgħażagħ.

Marsaxlokk – librerija pubblika — kotba

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inxtraw u ngħataw b’donazzjonijiet kotba lil-librerija pubblika f’Marsaxlokk tul is-sena li għaddiet? Jista’ jgħid kemm kotba ġew mislufa tul l-istess 2016?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li għal-librerija pubblika ta' Marsaxlokk tul is-sena 2016 inxtraw 315-il ktieb minn Libreriji Maltin filwaqt li 915-il ktieb ingħataw b’donazzjoni. Infurmat ukoll li mill-istess librerija matul l-2016 ġew mislufa 23,786 ktieb.