Jista' l-Ministru jgħid kemm kien is-sussidju li ngħata f'ċifra ta' flus lill-produtturi tal-ġbejniet friski matul dawn l-aħħar erbgħa snin, sena b'sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li ma kien hemm ebda sussidju lill-produtturi tal-ġbejniet. L-Għaqda tal-Produtturi tal-Ġbejniet ngħatat sa Lm1,000 biex jirranġaw l-ippakjar u jsir reklamar ħalli dan il-prodott ikollu suq u prezzijiet aħjar. Minn dawn Lm1,000 għadhom intefqu biss Lm235.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien is-sussidju li ngħata lill-għasara ta' l-inbid lokali matul dawn l-aħħar erbgħa snin, sena b'sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li ma kien hemm l-ebda sussidju lill-għassara ta' l-inbid fl-aħħar erba' snin. Għal din is-sena (2002) se jingħata sussidju ta' 4 Euros għal kull tunnellata ta' għeneb impurtat għall-għasir kif ukoll għall-għeneb ta' kwalita' prodott lokalment.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 37401 jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-kamra kopja tal-programm tax-xogħlijiet fil-biċċerija u cioe' meta bdew u meta għandhom jispiċċaw? Kemm fil-fatt swew s'issa x-xogħlijiet u kemm tħallsu minn dawn l-ispejjeż?
Response (ZAMMIT, NINU)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'seduta oħra.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 37366, jista’ l-Ministru jgħid x’sar minnhom is-siġar u l-pjanti imsemmija? Kemm kienu fil-fatt il-bdiewa li ingħataw s-siġar miċ-ċentru mis-sena 2000 ‘il hawn ?
Response (ZAMMIT, NINU)
Matul is-sena 2001 ingħataw 3,360 GF677 u 6,300 Myrobalan 29C lid-Dipartiment ta' l-Agrikultura filwaqt li 3,770 GF677 u 540 Myrobalan 29C ngħataw lill-bdiewa. 900 Myrobalan 29C inżammu fiċ-Ċentru biex isiru esperimenti fuqhom.
Matul is-sena 2002 (sa l-aħħar ta' Ottubru) ngħataw 9,731 GF677 u 7,134 Myrobalan 29C lid-Dipartiment ta' l-Agrikultura (SVDPN), filwaqt li 541 GF677 u 137 Myrobalan 29C ngħataw lill-bdiewa. 420 GF677 u 6,580 Myrobalan 29C kienu lesti biex jiġu trasferiti għall-SVDPN.
Fis-sena 2000 ma kinux jinżammu rekords dettaljati ta' kif tqassmu l-pjanti. Mill-irċevuti jidher li matul dik is-sena miċ-Ċentru għall-Bioteknoloġija tal-Pjanti nbiegħu 548 GF677 u 1,498 Myrobalan 29C.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 37388, jista' l-Ministru jinformani liema kienu l-għaqdiet/kooperattivi tal-bdiewa li qablu u dawk li ma qablux mal-kalkoli ta' Lm80 qliegħ mill-bejgħ tal-prodotti li jipproduċu l-bdiewa?
Response (ZAMMIT, NINU)
M'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 37388.
Jista' l-Ministru jaġġornani dwar il-mistoqsija parlamentari 37365 u cioe, meta se jsiru x-xogħlijiet pendenti skond ma jirriżulta u jekk l-ispejjeż imsemmija jkoprux il-ħlas ta' l-inġinier/konsulent?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li fi ftit jiem oħra se jsir "pressure test" fuq is-sistema u wara li l-konsulenti dentifika l-aħjar sistema għat-tkomplija tax-xogħlijiet, tinħareġ sejħa għal kwotazzjonijiet biex ix-xogħol jinbeda.
Infurmat ukoll li n-nefqa ikkwotata f'mistoqsija parlamentari numru 37365 ma kinitx tkopri l-ħlas ta' l-Inġinier. Il-ħlas għall-inġinier kien ta' Lm 55.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' laqgħat li saru separatament mill-bordijiet differenti li jaqgħu taħt ir-responsabilita` tal-Ministeru matul din is-sena?
X'proposti ġew rikmandati u liema ġew milquha u liema miċħuda u/jew għadhom pendenti.
Response (ZAMMIT, NINU)
Sakemm ma ningħatax raġuni konvinċenti 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li nitlob li jinħela ħafna ħin biex tinġabar l-informazzjoni dettaljata mitluba mill-Onor Interpellant fl-ewwel parti u, iżjed u iżjed, fit-tieni parti tal-mistoqsija.
Kemm fil-fatt ingħata sussidju lill-produtturi (industrija) tal-fniek sabiex jimmodernizzaw matul dawn l-aħħar erba' snin sena b'sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
Peress li min ikabbar il-fniek fuq bażi kummerċjali l-attrezzaturi tagħhom huma ta' standard għoli, ma kienx hemm il-ħtiġa ta' sussidju biex dawn jimmodernizzaw.
F'ċifra ta' flus mill-1999 sal-lum kemm huwa kkalkulat li żdiedu l-ispejjes tal-produtturi tal-ħalib frisk u ċanga friska? Kemm fil-fatt hija kkalkulata ż-żieda tal-prezz sabiex tagħmel tajjeb għall-ispejjes ta' dawn il-produtturi ħalli l-attivita ekonomika tagħhom trendi?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-parti l-kbira ta' l-ispiża tal-produtturi tal-ħalib frisk u ċanga friska hija dik tal-ġwiez. Mis-sena 1999 il-prezz tal-ġwiez ma żdiedx għaliex dan jaqa' taħt Avviz Legali li jikkontrolla l-prezzijiet.
F'ċifra ta' flus mill-1999 sal-lum kemm huwa kkalkulat li żiedu l-ispejjes tal-produttri tat-trobbija tal-majjal? Kemm fil-fatt jikkalkula l-Ministru li għandu jiżdied il-prezz tal-laħam li jipproduċu sabiex l-attivita' ekonomika tibqa trendi?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirriferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija numru 37496.
Kemm żdiedu n-numri ta' karozzi, vetturi, etc mikrija u jew ġodda mill-1996 l'hawn sena b'sena sal-lum fil-Ministeru, dipartimenti, korporazzjonijiet etc, li jaqgħu taħt id-dikasteru tal-Ministeru?
Response (ZAMMIT, NINU)
Kopja tat-tagħrif mitlub mill-Onor Interpellant qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Tajjeb li nfakkar li fis-sena 1996 taħt dan il-Ministeru kien hemm ukoll is-settur tad-djar.
F'ċifra ta' flus, mill-1999 sal-lum kemm huwa kkalkulat li żdiedu l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-bdiewa part time u full time. Kemm fil-fatt hija kkalkulata ż-żieda fuq il-prezz tal-prodotti tal-ħxejjex u frott sabiex tagħmel tajjeb ħalli l-attivita tagħhom trendi ta' dħul ġust għall-familji tagħhom?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor Membru ma tinżammx mill-Ministeru ta' l-Agrikultura u s-Sajd. L-Onor Interpellant imissu jaf tajjeb li l-prezzijiet tal-prodotti huma marbuta mal-produzzjoni u mad-domanda.
Kemm fil-fatt ingħataw sussidji lil produtturi tal-għasel sabiex jimmodernizzaw u jkabbru din l-industrija matul dawn l-aħħar erba snin sena b'sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li f'dawn l-aħħar erba' snin ma kien hemm l-ebda sussidju dirett lill-produtturi tal-għasel, iżda l-Gvern għen lil dan is-settur billi ġab tliet esperti - Dr. Krell mill-FAO, Mr. Bew mir-Renju Unit u Mr. Liang Min Feng mir-Repubblika taċ-Ċina - biex jgħinu billi jagħtu pariri tekniċi kemm lit-Taqsima ta' l-Agrikultura tal-Ministeru kif ukoll lill-produtturi tal-għasel. Il-produtturi ta' l-għasel apprezzaw din l-għajnuna teknika u din għenet mhux ftit biex issaħħaħ il-produzzjoni tal-għasel f'pajjiżna.
Kemm huma kkalkulat l-żdiedu l-ispejjeż għall-produtturi tal-ġbejniet friski matul dawn l-aħħar erba snin, sena b'sena? Kemm hija kkalkulata ż-żieda fuq il-prezz tal-ġbejniet friski sabiex l-attivita tal-produtturi tibqa trendi?
Response (ZAMMIT, NINU)
Huwa kkalkulat li f'dawn l-aħħar erba' snin l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-ġbejniet żdiedu b'madwar 1c5-il waħda. Il-prezzijiet tal-ġbejniet għall-konsumatur ukoll telgħu b'dan l-ammont.
Is-suq għal dan il-prodott qiegħed dejjem jikber u dan jawgura tajjeb biex il-produtturi jkollhom qligħ xieraq.
Kemm fil-fatt żdiedu l-ispejjes għall-bdiewa li jesportaw il-patata matul dawn l-aħħar snin skond l-analiżi li għamel il-Ministeru f'dan ir-rigward?
Response (ZAMMIT, NINU)
Matul dawn l-aħħar snin l-ispejjeż rikorrenti nvoluti fl-esportazzjoni tal-patata ta' Malta prattikament ma żdidux, tant li saħansitra l-prezz tal-patata taż-żriegħ impurtata mid-Dipartiment baqa' l-istess.
Liema kienu dawk il-prodotti ta' ħxejjex u frott li l-bdiewa ġew imħajra u mejgħuna jesportaw matul dawn l-aħħar erba' snin u kemm fil-fatt ġew esportati sena b'sena u x'prezzijiet ġabu?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni qed tinġabar u tweġiba tingħata f'seduta oħra.
X'inhija r-raġuni li ħaddiema li marru mal-konsorzjum li qed imexxi l-Urban Rural landscaping ma jistgħux jiġu trasferiti ma sezzjonijiet oħra u jew dipartimenti oħra tal-Gvern?
Response (ZAMMIT, NINU)
Kif intqal drabi oħra, il-ħaddçma ġew deployed bl-istess kundizzjonijçt li kçnu jaħdmu bihom qabel. M'hemm xejn li jżomm dawn l-impjegati milli japplikaw għal xi sejħa għal applikazzjoni għall-postijiet li għalihom dawn l-impjegati huma eliġibbli.