Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pensjonijiet — Pensjoni tat-Tarzna

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li dawk l-anzjani li għandhoni il-pensjoni tat-Tarzna, ikunu jistgħu jibbenefikaw minn titjib fil-pensjoni kif ġara fil-każ ta' l-ex-servicemen?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-miżuri li daħlu fis-seħħ fl-4 ta' Ottubru 1997 rigward pensjonijiet tas-servizz ma kienux ristretti biss għall-pensjonanti tas-servizz Ingliż. Dawn il-miżuri ġew applikati l-istess għal kull każ ta' pensjonanti tas-sigurta' soċjali fejn qed titħallas ukoll pensjoni tas-servizz, inkluż dawk li għandhom pensjoni tat-tarzna. Fl-aħħar diskors tal-Budget, il-Gvern wera d-determinazzjoni tiegħu biex is-sitwazzjoni tal-pensjonijiet f'pajjiżna tiġi studjata. Aħna nemmnu li wara diskussjoni miftuħa minn dawk kollha kkonċernati, u b'konsensus nazzjonali, ikunu jistgħu jittieħdu dawk il-miżuri li jiżguraw li d-drittijiet tal-pensjonanti tagħna jiġu salvagwardjati bl-aħjar mod fl-interess ta' kulħadd. 26.4.99

Ċentru ta' Taħriġ għall-Adulti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm: a) studenti b'diżabilita' li jattendu regolarment; b) studenti b'diżabilita' li jattendu irregolarment; c) kapijiet u assistenti kapijiet; d) senior careworkers; e) careworkers; f) assistant careworkers; g) professjonisti oħrajn; h) skrivana/i; i) purtinara/i; u j) ħaddiema oħra fiċ-Ċentri ta' Taħriġ għall-Adulti li għandu l-Ministeru għall-Politika Soċjali? Kemm minn dawn il-ħaddiema huma full time jew part-time?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. 26.4.99

Anzjani — Pensjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn anzjani li ma jieħdu l-ebda tip ta' pensjoni mil-Gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li taħt il-liġi tas-Sigurta' Soċjali ta' Malta, persuna jista' jkollha dritt kemm għal pensjoni Kontributorja jew Mhux Kontributorja. Fost kundizzjonijiet oħra, mhux bilfors li persuna jkollha cittadinanza Maltija jew tgħix Malta biex tikkwalifika għal pensjoni Kontributorja u l-anqas li tkun reġistrata fuq ir-reġistru elettorali ta' Malta. F'dawn iċ-ċirkostanzi jkun diffiċli li wieħed iżomm l-istatistika kif qed jitlob l-Onor. Membru. 29.3.99

Persuni nieqsa mid-dawl — Sussidju fuq it-telephone

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li persuni li huma nieqsa mid-dawl (għomja) jieħdu sussidju fuq it-telephone?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Naħseb li l-possibilta' ta' dan it-tip ta' benefiċċju għandha tiġi kkunsidrata fuq il-bażi tal-bżonn u mhux fuq il-kawża tad-diżabilita'. Jien infurmat li, fil-passat, il-Korporazzjoni Telemalta u l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' kienu waqqfu Kumitat Konġunt sabiex jiddiskuti flimkien kif jistgħ joffru dejjem aktar opportunitajiet indaqs lill-persuni b'diżabilita'. Dan il-Kumitat ma kienx baqa' jiltaqa' u l-Kummissjoni għandha talba pendenti lill-Maltacom Ltd. sabiex dan il-Kumitat jerġa' jibda jopera. 29.3.99

Impjieg — Żieda fil-qgħad

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm żdied il-qgħad mil-5 ta' Settembru sal-lum? Jista' jagħti l-etajiet ta' dawn il-persuni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mill-aħħar ta' Awissu 1998 sa l-aħħar ta' Ottubru 1998 il-qgħad żdied b'177 persuna. L-etajiet tal-persuni fejn kien hemm żieda huma kif ġejjin: Taħt it-18 26 bejn it-18 u d-19 77 l-25 u d-29 20 it-30 u l-34 19 il-35 u d-39 32 l-40 u l-44 40 l-50 u l-54 2 u l-55 u d-59 sena 1 29.3.99

Sigurta' Soċjali — Pensjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuwa l-ħsieb tal-Gvern dwar il-futur tal-pensjonijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif tħabbar fid-Diskors tal-Budget għas-sena kurrenti, il-Gvern jirrikonoxxi l-fatt li fi żmien għoxrin sena l-pajjiż ser jiffaċċja problema fil-qasam tal-pensjonijiet minħabba li ser jkollna numru akbar ta' anzjani sostnuti minn numru iżgħar ta' ħaddiemajikkontribwixxu fl-iskema nazzjonali tas-sigurta' soċjali. Din il-problema rridu niffaċċjawha bis-serjeta'. Għalhekk kif tħabbar mill-Onor. Ministru tal-Finanzi il-Gvern beħsiebu jwaqqaf kummissjoni nazzjonali li preferibilment tkun magħmula minn membri mill-partiti kollha politiċi, korpi kostitwiti, rappreżentanti tal-pensjonanti, u rappreżentanti ta' l-assoċċjazzjoni ta' l-assikurazzjoni. L-għan ta' din il-kummissjoni jkun biex tiġi riveduta s-sistema tal-pensjoni u biex isiru rakkomandazzjonijiet għal-liġi ġdida aktar sempliċi, ekwa u sostenibbli. 29.3.99

Impjiegi — Korrimenti fuq il-post tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' korrimenti fuq il-post tax-xogħol matul ix-xhur ta' Jannar u Frar? Kemm kien in-numru ta' inċidenti fatali fuq il-post tax-xogħol? Kemm saru spezzjonijiet fuq azjendi f'fabbriki sabiex ikun assigurat li dawn ikunu konformi ma' l-istands neċesarji tas-sigurta' fuq il-post tax-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' korrimenti f'Jannar, 1999 kien ta' 313, waqt li fi Frar, 1999 kien ta' 375. Matul il-perjodu msemmi, d-Dipartiment tax-Xogħol kien infurmat b'żewġ inċidenti fuq il-post tax-xogħol li rriżultaw f' żewġ fatalitajiet. Saru mija u erbgħa u erbgħin (144) spezzjoni f'postijiet tax-xogħol minn Spetturi tas-Saħħa u Sigurta'. 29.3.99

Sigurta' Soċjali — Għajnuna

Question

Jista' l-Ministru jara li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, jibda jirċievi l-pensjoni li suppost hi dovuta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata verbalment dwar il-każ tagħha u deheret sodisfatta bl-ispjegazzjoni mogħtija mid-Dipartiment. Minkejja dan kollu ser tingħata wkoll tweġiba uffiċjali bil-miktub dwar il-każ tagħha. 29.3.99

ETC — Self-Employed

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni reġistrati bħala self-employed matul il-perijodu ta' Jannar u Frar għas-snin 1999,1998,1997,1996 u 1995? Kemm minn dawn kienu nisa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' persuni reġistrati bħala "self employed" fil-perijodi msemmija huma kif ġejjin: SENA JANNAR FRAR ---- ------ ---- 1995 15,850 15,992 Nisa 1,916 1,910 Rġiel 13,934 14,012 1996 15,870 15,865 Nisa 1,935 1,929 Rġiel 13,935 13,936 1997 15,574 15,596 Nisa 1,919 1,923 Rġiel 13,655 13,673 1998 15,392 15,426 Nisa 1,939 1,941 Rġiel 13,453 13,485 1999 15,267 Għada qed tinġabar Nisa 1,926 -- Rġiel 13,341 -- 29.3.99

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' l-Ministru jara kif l-omm ta' tlett itfal bil-file numru H 13604 mad-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali, tista' tingħata post fejn tgħix? Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-possibbiltajiet li persuni bi problemi serji, kif jistgħu jixhdu rapporti ta' l-istess social workers, ikunu jistgħu jintegraw aħjar u jgħixu b'mod aħjar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-każ tal-persuna ndikata qed jiġi kkunsidrat, iżda postijiet fil-pjan terran, kif għandha bżonn hi ma tantx ikun hemm disponibbli. 29.3.99

KMĦ — Membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi kwalita' ta' membri fadlilha l-Koperattiva Maltija tal-Ħalib, jiġifieri l-KMĦ? Għal-liema sena l-aħħar li rċevew l-imgħax fuq l-ishma l-membri tal-ħalib li kellha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jekk l-Onor. Membru qed jirreferi għall-"Malta Milk Producers Co-operative Society Limited" kif kienet reġistrata taħt l-ordinanza ta' l-1946, din illum qegħda reġistrata bħala Koperattiva Produtturi tal-Ħalib, skond l-Att ta' l-1978 dwar l-Għaqdiet Koperattivi. Il-membri ta' din il-koperattiva huma raħħala (Maltin u Għawdxin) li jipproduċu ħalib għall-ippasturiżżar. Is-sehem ta' membru f'din il-koperattiva hi ta' Lm1 u bħala regola ma jiġix dikjarat "dividend" għal sehem ta' Lm1. Iżda l-koperattiva tqassam kull sena benefiċċji kbar lill-membri - bħal servizz ta' veterinarju b'xejn, skonti, apparat u gaġeġ, u benefiċċji oħra li f'sena jammontaw eluf kbar ta' liri. 29.3.99

Research Development Centre — Rapport

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport maħruġ mir-Research Development Centre ta' l-ETC f'Settembru 1997 bit-titolu "Employment and Unemployment within the Cottonera area"?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport maħruġ mir-Research Development Centre ta' l-ETC f'Settembru 1997 bit-titolu 'Employment and Unemployment within the Cottonera Area'. 29.3.99

Djar — Appartamenti tal-gvern - Lift

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm għall-introduzzjoni ta' lift f'appartamenti tal-gvern fejn joqogħdu ħafna anzjani fis-sulari ta' fuq bħal, per eżempju, l-appartamenti fi Triq Sant'Anna fil-Furjana u dawk f'2, Melita Str, Valletta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kif aktarx jaf l-Onor. Interpellant, ftit tal-ġimgħat ilu ħabbart li l-Awtorita' tad-Djar ser tniedi skema ta' stallazzjoni ta' "lifts" f'bini tal-Gvern fil-Kottonera, il-Belt u l-Furjana. Għandi pjaċir ninfurmah ukoll li d-dettalji ta' din l-iskema ser jitħabbru fil-futur qarib. 29.3.99

Benefiċċji — Maltin li jagħmlu xogħol ta' missjunarji

Question

Jikkonsidra l-Ministru li jibdew jingħataw exemptions lil dawk il-Maltin miżżewġin u bit-tfal li jwettqu xogħol missjunarju barra minn Malta għal perijodu twil ta' żmien sabiex ma jibqgħux jiġu mċaħħda mic-Childrens' Allowance li jkunu ntitolati għalih waqt il-ħidma missjunarja volontarja barra minn Malta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Membru li l-informazzjoni qegħda tinġabar u tingħata f'xi Seduta oħra. 29.3.99

SVPR/Ħas-Serħ — Impjegati

Question

Jista' l-Minitsru jgħid kemm tħallsu overtime il-ħaddiema kollha ta' San Vinċenz de Paule/Ħas-Serħ xahar b'xahar, minn Settembru, 1998 sa Frar, 1999?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bejn Settembru 1998 u Frar 1999 il-ħaddiema kollha ta' San Vinċenz de Paule tħallsu ta' dan l-overtime. Settembru 1998 Lm25,352.968 Ottubru 1998 Lm41,137.255 Novembru 1998 Lm33,206.465 Diċembru 1998 Lm35,648.409 Jannar 1999 Lm38,025.173 Frar 1999 Lm30,571.347 29.3.99

Akkomodazzjoni Soċjali — Post alternattiv - Bormla

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra t-talba ta' familja minn Bormla bil-File No. H.0311 li ilhom jitolbu għal post alternattiv għal dawn l-aħħar 40 sena? Jista' l-Ministru jibgħat għal din il-familja biex jikkonferma t-talba ta' dawn l-anzjani in vista tal-fatt li dawn lanqas jistgħu jinżlu t-taraġ minħabba diżabilita' kaġun ta' problemi ta' mard?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-każ tal-familja ndikata qed jiġi kkunsidrat, fil-fatt id-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali ġa offrilhom żewġ postijiet fil-pjan terran, kif jgħidu li għandhom bżonn, iżda rrifjutawhom għax kienu fil-lokal li joqgħodu huma stess, ġewwa Bormla. 29.3.99

Impjiegi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' nies li biddlu l-impjieg tagħhom minn Ottubru 1998 sa Frar 1999, xahar b'xahar maqsumin f'irġiel u nisa u bl-etajiet? Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu nies jaħdmu mingħajr permess minn Ġunju 1998 'l hawn? Kemm minn dawn kienu barranin? Kemm minnhom kienu jieħdu r-relief jew jirreġistraw għax-xogħol? Kemm minnhom għadhom ma għalqux is-16-il sena? Jista' jagħti l-informazzjoni xahar b'xahar, maqsuma f'irġiel u nisa u bl-etajiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'xi Seduta oħra. 29.3.99

Pensjonijiet — Telecare

Question

Jista' l-Ministru jara li min jgħix bil-pensjoni tal-bord u huwa marid u jkun taħt is-60 sena, it-telecare jingħatalu b'xejn bħalma jieħdu b'xejn min ikollu 'l fuq minn 60 sena, jgħix waħdu u għandu l-Karta r-Roża biex b'hekk nimxu pass 'il quddiem fuq ġustizzja soċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Din it-talba ta' l-Onor. Interpellant qed tiġi kkunsidrata. 24.3.99

Djar

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-file li n-numru tiegħu qed jintbagħat separatament dwar housing li huma mhedda li jiġu mkeċċija peress li m'għandhomx u ma jridux jagħmlulhom il-ktieb tal-kera?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-applikazzjoni indikata qed tiġi kkunsidrata flimkien mal-oħrajn kollha li hemm pendenti, u fid-dawl tan-numru limitat ta' postijiet li jkollu d-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali. 24.3.99