Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9080 u cioe' jgħid kemm hu t-tul ta' mains ġodda ta' drenaġġ li saru matul din is-sena, kull lokalita' separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9208 u cioe' jgħid jekk sarux testijiet jekk hemmx traċċi ta' asbestos fuq il-vapur Coronia li hemm fit-tarzna? Jekk fl-affermattiv, kemm saru u x'kien ir-riżultat f'kull każ? Jista', minkejja kull prekawzjoni li tittieħed, jiggarantixxi s-sigurta' tal-ħaddiema mija fil-mija?
Response (GATT, AUSTIN)
B'referenza għall-Mistoqsija Parlametnari Nru. 9208, l-eżamijiet meħtiega biex jiġi determinat l-preżenza u l-kwalita' tal-asbestos sew qabel ma jinbeda x-xogħol, kif ukoll fuq bażi regolari waqt li jkun qed isir ix-xogħol, qed isiru minn espert indipendenti li hu meqjus fuq skala internazzjonali bħala kkwalifikat fl-immaniġġjar ta' materjal perikoluż. L-ebda xogħol ma jsir fejn ikun hemm l-asbestos jekk il-ħaddiem ma jkunx libes it-tagħmir protettiv addattat kif ukoll jekk il-ħaddiem ma jkunx ingħata t-taħriġ neċessarju kif għandu jaħdem f'dak l-ambjent . Huwa għalhekk li x-xogħol relatat ma' materjal perikoluż qed isir minn kumpanija li hi ċċertifikata bħala waħda professjonali u kkwalifikata, u mhux mill-ħaddiema tax-shipyard.
Din il-kumpanija ġiet magħżula mis-sidien tal-vapur.
Jekk l-Onor. Interpellant jeħtieġ aktar informazzjoni fuq dan is-suġġett, nistiednu jagħmel kuntat mal OHSA li gew infurmati bix-xogħol li qed isir, kif fil fatt hi l-procedura noramli.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9206 u cioe' jgħid b'riferenza għax-xogħol li qed isir fit-tarzna fuq il-vapur Coronia jiggarantixxi li l-arja li qed toħroġ mill-blowers li qed jiġbdu minn fejn hemm il-postijiet ikkontaminati mhix ta' ħsara għal saħħet il-ħaddiem? X'garanzija hemm li l-arja li toħroġ fl-aħħar minn dawn il-blowers mhux ta' periklu minkejja li tgħaddi minn tliet filters?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 9275.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9204 u cioe' jgħid min qed jagħmel ix-xogħol ta' tneħħija ta' asbestos minn fuq il-vapur Coronia? Xi prekawzjoni qed jieħdu dawn il-ħaddiema? Jista' jgħid x'inhi r-raġuni li dawn il-ħaddiema qed jibqgħu bil-maskla u jgħaddu minn qalb ħaddiema oħra minn abbord sad-decontamination chamber li qiegħed l-art u meta hu fatt magħruf li din il-maskla tkun ikkontaminata minn barra?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 9275.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 9072 u cioe' jista' jara li jsir xi ħaġa fl-entratura li tagħti lejn iz-zona industrijali ta' Ħal Far u r-Race Track peress li qed ikun hemm konfużjoni ta' traffiku li jista' ikollha konsegwenzi koroh?
Response (GATT, AUSTIN)
Iż-żona li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant mhux kollha taqa' taħt ir-responsabilita' tal-Malta Industrial Parks Ltd. Dik li ser tifforma parti mill-entratura ser tagħmel parti minn programm ġenerali ta' upgrading taż-żona industrijali ta' Ħal-Far.
Dwar il-kumplament taż-żona, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 8635 u 9073 u cioe' jista' il-Ministru jgħid kemm ilu li twaqqaf il-hedging agreement li kellha l-korporazzjoni Enemalta? Meta kien sar? B'kemm kien jinxtara ż-żejt meta kellna dan il-ftehim u kemm inxtara (b'kull bidla li seħħet fil-prezz u d-data) minn meta twaqqaf sal-lum?
Response (GATT, AUSTIN)
L-Enemalta kellha żewġ Hedging Agreements. Għal perjodu ta' bejn Frar1998 u Diċembru 1998 Enemalta għamlet hedging agreement għal dawn il-prodotti:
Prodott Prezz
Gas Oil USD 142.50
Jet USD 154.50
Fuel Oil 3.5% USD 70.00
Meta skada dan l-Agreement Enemalta għamlet ieħor għal perjodu ta' bejn Jannar 1999 u Diċembru 1999 għal dawn il-prodotti:
Prodott Prezz
Gas oil USD 126.00
Fuel Oil 3.5% USD 66.50
Gasoline USD 160.00
Gasoline unleaded USD 155.00
Wara li f' Dicembru 1999 skada dan l-Hedging Agreement dan ma ġiex imġedded u l-Enemalta ma daħlitx fi ftehim ieħor.
Min dak in nhar l-Enemalta ġeneralment xtrat il-prodotti fuq average tax-xahar ta'qabel ma jkun se jinxtara l-prodott. Dawn il prezzijiet ikunu maħruga mill-Platts. Il-prezzijiet fis-swieq internazzjonali jvarjaw kuljum għaldaqstant huma impossibbli li tingħata l-informazzjonji kif intalbet.
Minn 1999 l-Enemalta ma użarx il- hedging biex tixtri ż-żejt bil-quddiem. Pero wżatt hedging instruments f'żewġ okkażjonijiet f'dak li għandu x'jaqsam ma żejt. Qabel il- gwerra tal- Golf fi 2003, l-Enemalta xtrat option ghal perjodu qasir biex tipproteġi kontra z-żieda fil prezz. Riċentament għamlet użu minn hedging instrument biex tigarantixxi qliegħ fuq xirja partikolari ta' Jet Avaition Fuel li l-Enemalta tinnegozja u tbigh bi prezzijiet internazzjonali.
Barra minn hekk saru użu ta' hedging instrument fuq il foreing currency loan li għandha l-Enemalta. Dawn jinkludu quanto cross currency swap, plain vanilla fixed rate swap u diditial interst rate swap.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 9074 u cioe' jista' jara li jkun installat dawl fit-toroq ta' madwar iz-zona industirjali ta' Ħal Far, b'mod partikolari ħdejn il-fabbrika Forsheda Dowty?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li dawn ix-xogħolijiet se jiffurmaw parti mill-istess proġett li rreferejt għalih fit-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 9072.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 9032 u cioe' jista' jara li jitwassal il-ħalib, kif kien jitwassal is-soltu, ġewwa Albert Town fil-Marsa? Jista' jara għaliex dan mhux qed jitwassal?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tinġħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jikkonferma illi se tibda titħallas il-VAT fuq il-vetturi u l-cargo li jaqsmu mal-Gozo Channel? Jekk dan huwa minnu, kemm se tkun ir-rata ta' VAT? Tista' tgħid jekk din ir-rata tal-VAT hijiex se titħallas mill-commuters jew jekk l-istess hijiex se tiġi assorbita u mħallsa mill-istess kumpannija, kif suppost se jsir fil-każ tat-tickets tal-passiġġieri?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Intepellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex drainage manhole li tinsab f'kamra magħluqa taħt it-taraġ tal-komun fi Blk E, Entrance C, Triq il-Poeta Nazzjonali, Ħal Mula, Ħaż-Żebbuġ titneħħa peress li din hija ta' inkonvenjent għas-saħħa u l-iġjene tar-residenti fl-istess block?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li l-manhole li hemm taħt Blk E, ser tingħalaq b'mod permanenti. Hemm hsieb ukoll li ssir manhole u shaft ġdida fuq il- mina tad-drenaġġ eżistenti u li jkunu barra 'l-blokk.
Jista' il-Ministru jgħid fuq liema kalkolu nħadem il-kont tad-dawl u ilma li jappartjeni l-fond Windwards No. 181, Flat 5, Tower Road, Sliema u dan peress li nħareġ kont astronomiku fuq aġġustament għall-perjodu ta' ħames snin?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li peress illi meta saret il-verifika ta' l-istatement of account mqabbel mad-dettalji tal-post imsemmi fil-mistoqsija parlametnari ma rriżultax kont astronomiku, nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jekk jogħġbu iforni lill-Kamra l-Account Number ħalli l-KSI tkun tista terġa tiċċekkja.
Ngħarraf ukoll lill-Onorevoli Interpellant li l-klijent innifsu jista' jagħmel użu mill-Customer Care Service ta' l-istess KSI.
Peress li r-residenti ta' Triq il-Mitħna, Xewkija, Għawdex għandhom problemi fis-supply ta' ilma tant li l-ilma qed ikun kollu sadid, jista' il-Ministru jara li dan l-inkonvenjent jiġi ndirizzat u jsiru x-xogħlijiet meħtieġa għall-benefiċċju tar-residenti ta' din it-triq?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li fid-dawl ta' din il-mistoqsija , il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma bdiet tinvestiga dan l-ilment fuq il-kwalita' tal-provvista ta' l-ilma f'din it-triq u anke fl-inħawi tagħha. Dan sabiex jekk jirriżulta li hemm ilma b'kontenut għoli ta' sadid kontinwu, jittieħdu l-miżuri li hemm bżonn biex dan l-inkonvenjent jispiċċa.
Billli l-Korporazzjoni riċentament ma kellhiex ilmenti bħal dawk li ssemmew fil-mistoqsija , ikun ahjar jekk l-Onor Interpellant tghaddili l-indirizzz tal-postijiet milquta sabiex il-KSI tkun tista' tivverifika il-problema hix waħda ġenerali jew partikolari.
Jista' il-Ministru jgħid meta l-ħaddiema ta' l-IPSL jiġu mibgħuta jaħdmu ma' xi dipartiment ieħor tal-gvern il-kondizzjonijiet li kellhom, bħal paga kollha, overtime bir-rata ta' siegħa u nofs u l-leave kollu jibqgħux l-istess bħal dawk li kellhom qabel ma ġew ingaġġati mal-kumpannija l-ġdida ta' l-IPSL?
Min hu responsabbli li jħallas il-paga kollha, overtime bir-rata ta' siegħa siegħa u nofs u l-leave kollu lill-ħaddiema, l-- IPSL jew id-dipartiment li miegħu l-ħaddiema jkunu mislufin?
Jista' jgħid ukoll jekk il-grad tal-ħaddiema ta' l-IPSL jibqax sostnut għall-finijiet ta' kondizzjonijiet u paga, eċċ., meta jiġu trasferiti f'dipartimenti tal-gvern?
X'se jsir minn dawk li kienu fil-middle management u huma trasferiti f'dipartimenti tal-gvern? Dawn jonqsu mill-gradi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba għal mistoqsija parlamentari tiegħu tingħata f'xi seduta oħtra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9077 u cioe' jgħid kemm ġie jiswa x-xogħol kollu li sar sabiex dik li qabel kienet is-Swan Laundry fil-Marsa takkomoda d-dipartiment tad-drenaġġ?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li x-xogħol imsemmi sar qabel ma r-responsabilta' tad-Dipartiment tad-Drenaġġ għaddiet lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma.
Għaldaqstant il-KSI m'għandhiex l-informazzjoni mitluba, u nissuġġerixxi li l-mistoqsija ssir lill-Ministru li qabel kien responsabbli għad-drenaġġ.
Jista' il-Ministru jkun daqstant ġentili u jgħid kemm tħallas overtime u allowances lill-ħaddiema tal-korporazzjoni Enemalta fis-snin 2002, 2003 u 2004 (s'issa)?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jkun daqstant ġentili u jgħid kemm tħallas overtime u allowances lill-ħaddiema fiż-żewġ tarznari fis-snin 2002, 2003 u 2004 (s'issa)?
Response (GATT, AUSTIN)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Jista' il-Ministru jkun daqstant ġentili u jgħid kemm kien id-dħul u l-infiq tat-Tarzna fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena u fl-ewwel sitt xhur tas-sena l-oħra?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm impjegati ma' kumpanniji/entitajiet/awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li għandhom iktar minn 61 sena? Min huma? Kemm hemm minnhom li qegħdin b'xi forma ta' kuntratt jew huma konsulenti? X'remunerazzjoni u/jew allowance għandhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f'xi seduta oħra.