Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarjiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili – safar — nefqa

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 29615 u tgħid x’kienu n-nefqiet f’safar (Travel) fl-2014, fl-2015 u fl-2016 ?X’safar għamlet il-Ministru f’dawn is-snin? Minn min kienet akkumpanjata? Minn fejn inxtraw il-biljetti tas-safar? X’kienu n-nefqiet f’ikel matul dan is-safar? X’kienu n-nefqiet f’xorb matul dawn is-safar? X’kienu n-nefqiet fl-użu ta’ vetturi wżati waqt iż-żjajjar f’dawn il-pajjiżi?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ħruġ ta’ request for information mill-Uffiċċju

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30455 fejn il-Ministru qalet li f’każ wieħed intbagħtu tlieta u erbgħin (43) talba (request for information), tista’ l-Ministru tgħid meta dan il-każ ġie rreġistrat mal-Uffiċċju, id-dati ta’ meta ntbagħtu r-request for information u meta ġie deċiż il-każ? Liema settur tas-suq dan il-każ kien jikkonċerna?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-każ ġie rreġistrat nhar is-6 ta’ Diċembru 2013 u magħluq nhar it-28 ta’ Lulju 2015. Is-settur konċernat kien dak finanzjarju. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella bid-dati ta’ meta intbagħtu r- request for information .

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni — laqgħat

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30454 fejn il-Ministru qalet li f’każ wieħed saru tlieta u erbgħin (43) laqgħa, tista’ l-Ministru tgħid meta dan il-każ ġie rreġistrat mal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni, id-dati ta’ meta saru l-laqgħat u meta ġie deċiż il-każ? Liema settur tas-suq dan il-każ kien jikkonċerna?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li bi żvista ittieħed l-istess numru tar-request of information li kien hemm fil-mistoqsija 30455. It-total ta’ 57 laqgħa għall-każijiet kollha kien korrett u n-numru kellu jkun ta’ 18 il-laqgħa għal dan il-każ partikualari. Infurmata li l-każ ġie rreġistrat nhar is-6 ta’ Diċembru 2013 u magħluq nhar it-28 ta’ Lulju 2015. Is-settur konċernat kien dak finanzjarju. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dati ta’ meta saru it-18 il-laqgħa.

Direttur Ġenerali – deċiżjonijiet li mhumiex skont kif kontemplat fl-Att dwar il-Kompetizzjoni — laqgħat

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30454 fejn il-Ministru qalet li kien hemm tnax (12)-il każ li fihom ma saret l-ebda laqgħa mal-partijiet konċernati biex tiġi riżolta l-kwistjoni, tista’ l-Ministru tgħid meta ġew reġistrati dawn il-każijiet mal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni, liema artikolu tal-Att dwar il-Kompetizzjoni dawn kienu jikkonċernaw u x’inhuma r-raġunijiet li l-Uffiċċju għażel li ma jagħmilx laqgħat? Tista’ tgħid x’deċiżjoni l-Uffiċċju ħa għal kull wieħed minn dawn it-tnax (12) il-każ? Tista’ l-Ministru wkoll tgħid liema swieq dawn il-każijiet kienu jikkonċernaw?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-każijiet ġew reġistrati wieħed (1) fl-2012, tnejn (2) fl-2013, wieħed (1) fl-2014 u tmienja (8) fl-2015. Dawn jikkonċernaw l-allegat ksur ta’ Artikoli 5 u/jew 9. Ir-raġuni għalfejn ma tkun saret l-ebda laqgħa hija għax il-fatti tal-każ kienu tali li ma kienx jeħtieġ li ssir laqgħa jew l-Uffiċċju talab li ssir laqgħa u min għamel l-ilment baqa’ ma attendiex jew ikun talab għal xi kjarifika u din baqgħet ma waslitx. Seba’ każijiet inagħlqu taħt Artiklu 14 (2) , tnejn kienu advocacy , tnejn għax min għamel l-ilment ma weriex aktar interess u wieħed fejn informa l-intrapriża li l-prattiċi kkontemplati jistgħu ikunu suġġetti minn ilmenti minn terzi. Dawn kienu jikkonċernaw is-swieq tal-enerġija, transport, parkeġġ, ambjent u edukazzjoni.

Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur – artikli

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm inkitbu artikli fuq il-gazzetti u mezzi oħra mill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur sabiex jinforma l-konsumaturi dwar il-kwalità ta’ servizz li l-konsumaturi għandhom jistennew mid-distributuri taċ-ċilindri tal-gass minn Marzu 2013 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk dawn l-artikli nkitbu, tista’ tpoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra u jekk dawn ma nkitbux tista’ tgħid il-għaliex dawn ma nkitbux? Tista’ tgħid jekk f’dan il-perjodu l-Uffiċċju talabx lir-regolatur tal-enerġija sabiex jissottometti artikli f’dan ir-rigward għall-pubblikazzjoni fir-rivista “L-Għażla”? Jekk dan sar tista’ tgħid meta dan sar u jekk ma sarx tista’ tgħid għaliex?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li minn Marzu 2013 sal-lum ma nkitbux artikli mill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur dwar il-kwalità ta’ servizz li l-konsumaturi għandhom jistennew mid-distributuri taċ-ċilindri tal-gass u dan peress li dan is-suġġett huwa amministrat mir-Regulatur tas-Servizzi għall-Enerġija u Ilma u preċedentement mill-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi. Mill-2013 sal-lum kien hemm biss żewġ ilmenti reġistrati mal-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur u dawn ġew solvuti b’sodisfazzjon tal-konsumaturi kkonċernati. Madankollu waqt programmi fuq il-midja, Uffiċċjali tal-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur minn dejjem taw tagħrif dwar is-servizz li l-konsumatur għandu jistenna mid-distributuri tal-gass. Din l-informazzjoni tingħata wkoll permezz tat-telefon meta konsumaturi jċemplu dwar dan it-tagħrif.

Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur — Standard Operating Procedures

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-iStandard Operating Procedures li jsegwi l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur f’investigazzjonijiet li għandu x’jaqsam ma' reklamar fuq ġurnali, rivisti u mezzi ta’ medja oħra?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra flow chart tal-proċeduri li jistgħu jittieħdu taħt proċeduri amministrattivi u flow chart li tindika l-iStandard Operating Procedures (SOPs) fir-rigward tal-leġislazzjoni sussidjarja 378.09 rigward prezzijiet indikati.

Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur – spezzjonijiet fis-suq rigward ir-regolamenti dwar kreditu lill-konsumatur

Question

Tista’ l-Ministru tgħid, sena b’sena, kemm wettaq spezzjonijiet fis-suq l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur rigward ir-regolamenti dwar kreditu lill-konsumatur minn Marzu 2013 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista' wkoll tgħid f’kemm-il okkażjoni nstab li kien hemm xi infrazzjoni kontra dawn ir-regolamenti?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li fil-perjodu indikat mill-Onorevoli Interpellant ma sarux spezzjonijiet fis-suq rigward ir-regolamenti msemmija. Minkejja dan l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur jixtieq jirrimarka li dan ma jfissirx li s-settur finanzjarju li jforni kreditu lill-konsumatur mhuwiex segwit mill-istess Uffiċċju. L-ilmenti f’dan ir-rigward huma limitati għal ammonti żgħar ħafna li fir-rigward tal-banek jiġu riferuti lill-Awtorita’ għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta. . Fil-perjodu indikat fil-mistoqsija parlamentari ma ġewx reġistrati lmenti fl-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fir-rigward ta’ dan is-settur speċifiku. In-nuqqas ta’ lmenti f’dan is-settur huwa rifless fil-Consumer Markets Scoreboard fejn is-suq tal-Loans, credits u credit cards f’Malta huwa fost l-aqwa ħames setturi meta komparat mal-Membri Stati tal-Unjoni Ewropea.

MCCAA – ħatra ta’ Chairperson

Question

Tista' l-Ministru tgħid għalfejn il-ħatra taċ-Chairperson attwali tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) saret biss għal sena? Ma taħsibx li terminu daqstant qasir jista’ jimpinġi fuq l-awtonomija taċ-Chairperson liema persuna għandha r-responsabilità tad-direzzjoni tal-MCCAA?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-ħatra tac-Chairperson tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) kienet tkun għal sena anke fil-każ tac-Chairperson preċedenti.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — kiri/xiri ta’ karozzi għall-użu uffiċjali

Question

Tista' l-Ministru tagħti dettalji dwar karozzi mixtrija jew mikrija u li qegħdin għall-użu tal-uffiċjali fil-Ministeru tagħha, inkluż l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtha? Kemm kienet l-ispiża fuq dan ir-rigward mill-Ministeru u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtha ta' kull sena għas-snin 2013, 2014, 2015 u 2016?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Direttur Ġenerali – ħruġ ta’ ordni ta’ tħaris

Question

Tista’ l-Ministru tgħid, sena b’sena, kemm-il ordni ta’ tħaris ħareġ id-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) minn Marzu 2013 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li ma nħargitx ordni ta’ tħaris fiż-żmien in kwistjoni.

Direttur Ġenerali — ilmenti minn entitajiet kwalifikati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid, sena b’sena, kemm-il ilment irċieva d-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) minn Marzu 2013 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari minn entitajiet kwalifikati?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li minn Marzu 2013 id-Direttur Ġenerali ma irċieva l-ebda ilment minn entitajiet kwalifikati.

Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur – analiżi dwar is-suq tal-proprjetà

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur huwiex qed jagħmel analiżi dwar is-suq tal-proprjetà mikrija f’Malta u l-impatt tagħha fuq il-konsumaturi?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li preżentament l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur mhuwiex jagħmel analiżi ta’ dan is-suq jew fuq l-impatt tiegħu fuq il-konsumaturi.

Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur – Artikolu 25(3) – infurzar tad-deċiżjoni tat-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumatur

Question

Tista’ l-Ministru tgħid, sena b’sena minn Marzu 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm kienu dawk il-konsumaturi li kellhom jużaw il-proċedura msemmija f’Artikolu 25(3) tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur sabiex jenforzaw id-deċiżjoni tat-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumatur? F’dan ir-rigward kemm kien hemm konsumaturi li kellhom suċċess wara li ntużat din il-miżura?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li filwaqt li l-konsumaturi kkonċernati għandhom id-dritt li jesegwixxu d-deċiżjoni tat-Tribunal għal Talbiet ta’ Konsumaturi, huma ma għandhom l-ebda obbligu li jinformaw lill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur dwar tali għażla tagħhom u għalhekk l-informazzjoni mitluba fil-mistoqsija parlamentari mhijiex disponibbli. Inoltre tali azzjoni eżekuttiva da parti tal-konsumaturi hija kompletament independenti u awtonoma mill-funzjonijiet ta’ dan l-Uffiċċju.

Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur – standard operating procedures

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 30458 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29148, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-iStandard Operating Procedures li jsegwi l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur f’investigazzjonijiet ta’ prattiċi fis-suq?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li kif spjegat fit-tweġiba parlamentari 29148, meta ma jintlaħaqx rimedju jew ftehim amikevoli, jinbdew proċeduri amministrattivi jew kriminali, skont il-leġislazzjoni miksura. Proċeduri amministrattivi jiġu implimentati fejn hemm ksur tal-Att għall-Affarijiet tal-Konsumatur (Kapitlu 378) u l-leġislazzjonijiet sussidjarji li jaqgħu taħtu, ħlief għall-leġislazzjoni sussidjarja rigward prezzijiet indikati fejn il-proċeduri huma kriminali.

Direttur Ġenerali – deċiżjonijiet li mhumiex skont kif kontemplat fl-Att dwar il-Kompetizzjoni – ħruġ ta’ request for information mill-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30455 tista’ l-Ministru tispjega l-għala fir-rigward ta’ 26 każ riferuti fit-tweġiba ma ntbagħtu l-ebda request for information? Liema swieq dawn kienu jikkonċernaw?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li r-raġuni għalfejn ma tkun intbgħatet l-ebda request for information hija għax jew tkun saret laqgħa jew il-fatti tal-każ kienu tali li ma kienux jeħtieġ li tintbgħat request for information. Dawn kienu jikkonċernaw is-swieq tal-enerġija, transport, parkeġġ, ambjent, benessere tal-persuna, edukazzjoni u stationery .

Kummissarju tad-Data – Sentenza — Notifika

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta s-sentenza tal-Kummissarju tad-Data tal-21 ta’ Lulju 2016 kontra l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, ġiet notifikata lilha?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30523.

Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data — sentenza

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta s-sentenza tal-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data tal-21 ta’ Lulju 2016 kontra l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, ġiet innotifikatha lilha?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li mhijiex l-prassi tal-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data li jiżvela pubblikament din it-tip ta’ informazzjoni li tirrigwarda terzi persuni. Madankollu jingħad illi, permezz ta’ email datata 30 ta’ Jannar 2017, l-Kummissarju diġa` pprovda l-informazzjoni mitluba lill-persuna li għamlet l-ilment, u dan sar esklussivament fuq is-saħħa tal-premessa illi, bħala persuna parti mid-deċiżjoni, għandu interess leġittimu li jsir jaf meta l-parti l-oħra ġiet notifikata bid-deċiżjoni.

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – każijiet li għamlu ilmenti jew laqgħa u wara ma wrewx interess

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30451 fejn qalet kien hemm disa’ (9) każijiet li wara li l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni kien kiteb lil min għamel l-ilment jew għamel laqgħa dan ma weriex interess aktar, għal kull każ tista’ l-Ministru tgħid: meta dawn l-ilmenti ġew sottomessi, meta l-Uffiċċju kiteb il-persuna konċernata fuq il-każ, u meta saret il-laqgħa? Tista’ tgħid jekk il-persuni konċernati tawx spjega il-għaliex ma komplewx juru interess?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-ilmenti u d-data meta l-Uffiċċju kkuntattja lill- persuna kkonċernata kien kif ġej: Data tal-ilment Data meta l-persuna ġiet ikkuntattjata 07/01/2012 05/03/2015 11/05/2012 13/09/2013 28/08/2013 07/10/2013 05/06/2014 29/07/2014 31/10/2015 04/11/2015 30/03/2011 09/06/2015 13/01/2009 07/11/2011 24/01/2006 09/06/2011 15/07/2011 18/08/2011 M’hux f’kull każ inagħtat spjegazzjoni.

Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur – każijiet li ġew riżolti permezz ta’ parir

Question

Minn meta twaqqfet l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, tista’ l-Ministru tgħid, sena b’sena, kemm kien hemm każijiet li ġew riżolti permezz ta’ parir (advocacy) taħt l-Artikolu 14 tal-Att dwar l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni se tingħata f'xi seduta oħra.