Kemm fil-fatt huwa n-numru ta’ ħaddiema, diretturi, konsulenti fil-MDD u Marsaship Building fil-preżent separatament? Jista` il-Ministru jipprovdi l-istess informazzjoni għall-dawn l-aħħar 5 snin, sena b’sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista` il-Ministru jinfurmani kemm huwa l-ħlas tal-GATT Licence li jridu jħallsu l-importaturi Maltin fuq il-laħam li jkun ġej minn New Zealand wara li Malta ssir membru sħiħ ta’ l-UE?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju waslet l-applikazzjoni li għamlu l-persuni li d-dettalji tagħhom qegħdin jingħataw separatament sabiex jixtru l-propjeta' li qegħdin jokkuppaw, liema propjeta hi tal-gvern skond skema ta' l-awtorita' tad-djar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar qed tistenna tirċievi nformazjoni mitluba lill-Kummissarju ta' l-Artijiet dwar il-propjeta' in kwistjoni biex tkun tista' tkompli tipproċessa l-applikazzjoni li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li jsir lift fil-bitħa ta' 156 Triq il-Punent, Valletta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar ma rċeviet ebda applikazzjoni mir-residenti tal-fond indikat biex jiġi nstallat lift. L-Awtorita' rċeviet applikazzjoni għal installar ta' lift mir-residenti tal-fond 157 fl-istess triq, iżda nstab li t-tromba tat-taraġ hi dejqa wisq biex takkomoda lift.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew approvati working permits biex jiġu impjegati barranin fil-casinos Maltin tul l-aħħar sentejn? Jista' jgħid x'tip ta' xogħol għamlu jew qed jagħmlu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
B'riferenza għall-mobile phones li l-awtorita' tad-djar għaddiet lill-impjegati u l-uffiċjali, jista' il-Viċi prim Ministru jgħid:
i) kemm-il wieħed ġie mibdul mill-impjegat/uffiċjal tul dawn l-aħħar erba' snin;
ii) kemm kien il-valur li l-awtorita' tad-djar nefqet f'mobile cards?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar nefqet is-somma ta' Lm110 f'mobile cards. F'dawn l-aħħar erba' snin l-Awtorita' tad-Djar bidlet tlett mobile phones.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'dawn l-aħħar erba' snin fuq advertising, inkluż il-posters li jidhru fit-toroq mill-ETC?
Lil min ingħata l-kuntratt u f'kull każ jekk ħarġitx offerta?
Jista' jgħid mingħand min ġew ordnati l-posters?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li n-nefqa fuq reklamar u billboards mill-Korporazzjoni għall-Impjieg u Taħriġ f'dawn l-aħħar erba' snin kien kif ġej:
Sena Reklamar Billboards
LM LM
1998-1999 3,868 Xejn
1999-2000 6,093 Xejn
2000-2001 11,865 230
2001-2002 9,662 600
Il-Korporazzjoni m'għandiex kuntratt ma' aġenzija għar-reklamar filwaqt li l-billboards għas-sena 2001-2002 saru mill-kumpannija Billboard Advertising Ltd wara sejħa għall-offerti. Rigward il-billboards li saru fis-sena 2000-2001, il-Korporazzjoni tat Lm230 lill-iskola li magħha kienet ser tagħmel it-taħriġ biex saru tliet billboards.
Jista' il-Ministru jispjega x'inhi l-proċedura biex inkwilini fi blokk ta' appartamenti tal-gvern japplikaw għall-istallazzjoni ta' lift? X'jiġri f'każ li:
i) mhux l-inwilini kollha jaqblu fuq il-
lift
?
ii) jekk xi appartamenti m'għadhomx tal-gvern għax inxtraw mill-inkwilini?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita' tad-Djar tilqa' applikazzjonijiet taħt Skema V għall-installazzjoni ta' lift fi blokki ta' appartamenti li huma proprjeta' tal-Gvern, f'Malta u Għawdex li fihom tgħix xi persuna li għandha diżabilita' ta' mobilita'. L-applikazzjoni tiġi eżaminata b'konsultazzjoni mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita'. Wara dan, issir spezzjoni biex jiġi stabbilit jekk hux teknikament possibbli li jiġi nstallat lift fil-partijiet komuni tal-blokk.
Jekk l-inkwilini mhux kollha jaqblu li jridu l-lift, l-Awtoirta' tad-Djar xorta waħda tikkonsidra t-talba ta' dawk ir-residenti li jixtiequ li jsir il-lift. Jekk fl-istess blokka jkun hemm ukoll sidien ta' appartamenti li jridu jagħmlu użu mill-lift, dawn jintalbu joħorġu sehem mill-ispiża nvoluta.
Jista` l-Ministru jgħid jekk hemm regolamenti li jirregolaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ħlas tal-cleaners li jaħdmu fl-uffiċċji u fid-djar privati fil-parti l-kbira tagħhom fuq bażi part-time ? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jinforma l-Parlament b'dawn ir-regolamenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema li jaħdmu bħala cleaners fl-uffiċċji w fid-djar privati huma regolati kif ġej:
1) Cleaners fl-uffiċċji privati
Il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' dawn huma regolati minn AL 15/2001 (l-Ordni ta' l-2001 biex Jirregola l-Pagi mill-Kunsill tal-Pagi għas-Settur li jipprovdi Servizz ta' Tindif.)
2) Cleaners fi djar privati
Il-kundizzjonijiet huma regolati minn AL 7/76, kif emendat (l-Ordni li Jirregola l-Pagi għas-Servizz Domestiku.)
Jista` l-Ministru jgħid x'kienu l-iżviluppi li kien hemm mill-istqarrija tiegħu dwar it-Tarzna fir-rigward ta' l-iskema ta' l-irtirar kmieni mix-xogħol u tal-prospetti ta' xogħol għat-Tarznari u kemm-il darba t-Task Force għadha tiffunzjona, x'inhuma issa l-għanijiet u l-miri li trid tasal għalihom.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jiena nfurmat li tlesta l-eżerċizzju ta' analiżi li kellu jsir malli ngħalqu l-iskemi. Għaldaqstant il-pass li jmiss huwa li dan l-eżerċizzju jiġi preżentat lill-membri tat-Task Force bl-iskop li jitkompla jkun implimentat il-Pjan ta' Ristrutturazzjoni.
Jista` l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' single parent families li b'xi mod jew ieħor hu magħruf lill-Gvern (forsi minħabba għajnuna li jirċievu mingħandu), kemm huma rġiel u nisa, u minn liema lokalitajiet huma?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista` l-Viċi Prim Ministru jgħid f'hiex waslu d-diskussjonijiet li l-Gvern qed ikollu ma' l-Union Ħaddiema Magħqudin dwar l-Assistenti Każwali fir-rigward tal-kontribuzzjoni soċjali li jridu jħallsu u fin-nuqqas ta' kundizzjonijiet ta' xogħol u benefiċċji li m'humiex intitolati għalihom bħal ħaddiema oħra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Billi d-diskussjonijiet dwar l-Assistenti Soċjali Każwali issa daħlu f'fażi finali u kruċjali ħafna, naħseb li mhux opportun li tingħata xi nformazzjoni fil-preżent.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara illi xi ħadd mid-dipartiment tas-sigurta` soċjali jmur ġo marina home Imsida fejn persuna, li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li ma toħroġ, tixtieq tapplika għall-SKA peress li m'għandhiex qraba?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-District Manageress ta' l-Imsida ġiet mgħarrfa b'isem il-klijenta li tixtieq tagħmel applikazzjoni ta' l-Għajnuna Medika u ġa marret tapplikalha.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jinforma lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament hijiex intitolata għal xi kumpens talli din ġarrbet 5% permanent disability waqt korriment fuq ix-xogħol fis-16 ta' Ottubru 1983?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-każ tagħha.
Billi l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament offriet id-dawl lill-kuntrattur li bena l-lift f'appartament tiegħu, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk din il-persuna hijiex se tkun kompensata għad-dawl li tat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
La darba l-persuna konċernata ftiehmet direttament mal-kuntrattur biex juża d-dawl minn tagħha, u l-Awtorita' tad-Djar ma kinitx involuta f'dan l-arranġament, ovvjament ma tistax tindaħal fuq il-kwistjoni ta' kumpens. F'dan il-każ, il-partijiet kkonċernati iridu jonoraw kwalunkew ftehim li sar bejniethom meta ġie offrut l-użu tad-dawl.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara u jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji tagħha qed nibgħat separatament, u li ma tistax taħdem minħabba diżabilita' mhix qed tieħu ebda għajnuna soċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali qed jinvestiga l-każ tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant.
Aktar il-quddiem id-Dipartiment ser jinforma bl-eżitu tal-każ direttament lill-persuna konċernata.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-persuna li qed insemmi separatament hijiex intitolata għal sussidju fuq il-kera u fuq il-meter tad-dawl u l-ilma?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali qed jinvestiga l-każ tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant.
Aktar il-quddiem id-Dipartiment ser jinforma bl-eżitu tal-każ direttament lill-persuna konċernata.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta il-persuna li d-dettalji tagħha qed nibgħat separatament se tingħata dar xierqa, peress li d-dar fejn toqgħod hija żgħira u hemm ħafna umdita' u fiha ħsarat kbar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jiena nfurmat illi l-persuna ndikata m'għandha l-ebda applikazzjoni pendenti mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qed nibgħat separatament hijiex intitolata għal xi pensjoni wara li sfat boarded out l-Awstralja?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali qed jinvestiga l-każ tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant.
Aktar il-quddiem id-Dipartiment ser jinforma bl-eżitu tal-każ direttament lill-persuna konċernata.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qed nibgħat separatament, hijiex tieħu l-pensjoni ġusta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali qed jinvestiga l-każ tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant.
Aktar il-quddiem id-Dipartiment ser jinforma bl-eżitu tal-każ direttament lill-persuna konċernata.