Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar ta' l-anzjani — Anzjani residenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inġabru flus mingħand anzjani residenti f'homes tal-gvern kull sena, għal dawn l-aħħar għaxar snin? Kemm kien in-numru ta' residenti affettwati kull sena?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar , risposta titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi seduta oħra.

Swieqi — Tindif ta' għalqa fi Triq it-Terz

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 15542 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu, jista' il-Ministru jara li jittieħdu l-passi kollha meħtieġa u urġenti biex tiġi mnaddfa għalqa li tinsab fi Triq it-Terz, Swieqi peress li din l-għalqa hija mimlija bi ġrieden li qed joħolqu periklu ta' saħħa għar-residenti li joqogħdu fit-toroq ta' l-inħawi u saħansitra qed jidħlu fid-djar tan-nies?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li saret spezzjoni minn uffiċċjali ta' dan id-Dipartiment, fl-għalqa li tinsab ġewwa Triq it-Terz kantuniera ma' Triq G. Bessiera u Triq il-Keffa, Swieqi. Waqt din l-ispezzjoni ġie nnutat skart u qed jittieħedħu l-passi neċessarji sabiex jitneħħa. Rigward l-ilment, li l-għalqa inkwestjoni hija infestata bil-ġrieden, ninforma lill-Onor. Interpellant illi dan id-Dipartiment rċieva ħames ilmenti matul din is-sena ta' infestazzjoni ta' ġrieden mir-residenti ta' din l-istess żona, għalkemm l-ebda lment ma kien jindika li l-infestazzjoni kienet f'xi residenza privata, saru erba' trattamenti għal kontra l-ġrieden fiż-żona msemmija. Dawn it-trattamenti saru fl-4 ta' Lulju, fis-6 ta' Settembru kif ukoll fit-3 u l-15 ta' Novembru ta' l-2005, filwaqt li se nkomplu nsegwu l-ilment perjodikament sakemm il-problema tal-ġrieden tiġi kkontrollata.

Saħħa — Infermiera

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jibda jdaħħal nurses S.R.N. u S.E.N. u kemm se jdaħħal?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li d-Diviżjoni tas-Saħħa se timpjega numru ta' infermiera fil-Grad ta' Staff Nurse hekk kif jiġi pubblikat ir-riżultat tal-proċess ta' l-għażla mill-PSC. Id-Diviżjoni tas-Saħħa m'hiex bi ħsiebha timpjega infermiera fil-Grad ta' Enrolled Nurse.

Sptar Mater Dei — Fawran ta' drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jara għalfejn qiegħed ifur id-drenaġġ mit-toilets ta' l-isptar il-ġdid Mater Dei għal ġo dar privata li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant fuq il-Mejda tal-Kamra.

EU — Direttiva 2001/20/EC

Question

Jista' il-Ministru jġħid jekk id-direttiva ta' l-Unjoni Ewropea 2001/20/EC ġietx imdaħħla fil-liġi Maltija?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li d-direttiva tal-Unjoni Ewropeja bin-numru 2001/20/EC ġiet implimentata fis-26 ta' Novembru tas-sena 2004 permezz tar-Regolamenti tal-2004 dwar Provi Kliniċi skond l-avviż legali numru 490 tas-sena 2004.

Health ethics committee

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-health ethics committee huwiex kompst fuq bażi statutorja legali jew fuq bażi ad hoc?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Health Ethics Committee hu kompost fuq bażi statutorja legali, bl-avviż legali No.490 tas-sena 2004.

Spiżeriji tal-gvern — Pilloli out of stock

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema kienu l-pilloli out of stock fl-ispiżeriji tal-gvern matul Jannar, Frar, Marzu, April, Mejju, Ġunju, Lulju, Awissu, Settembru, Ottubru u Novembru 2005?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant fuq il-Mejda tal-Kamra.

SVPR — Pilloli out of stock

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-pilolli out of stock ġewwa r-residenza San Vincenz?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-lista ta' pilloli li preżentament huma out of stock ġewwa l-ispiżerija tar-Residenza San Vinċenz huma kif ġej Albendazole 400mg Awaiting delivery shortly Benztropine 2mg Substitute available Cyproheptadine 4mg Substitute available Glyceryl Trinitrate 0.5mg Local agent late in delivery. To be delivered by the end of the week Risperidone 1mg Substitute available Trifluoperazine 2mg Manufacturing problems Trifluoperazine 10mg Manufacturing problems Trifluoperazine 15mg Manufacturing problems

EU — Fondi

Question

Jista’ il-Ministru jgħid liema kienu dawk l-entijew dipartimenti fid-dekasteru tiegħu li applikaw għal xi forma ta' fondi mill-Unjoni Ewropea din is-sena, għal liema fondi applikaw u x'kien l-eżitu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2005 ma saret l-ebda applikazzjoni għal fondi mill-Unjoni Ewropeja.

Ċumnija ta' l-isptar San Luqa

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi dwar it-tinġis ikkawżat għar-residenti ta' Tal-Pieta', l-Imsida u Ta' Xbiex miċ-ċumnija ta' l-isptar San Luqa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif intqal ħafna drabi t-tneħħija tal-inċineratur tal-Isptar San Luqa u ċ-ċumnija tiegħu hija prijorita assoluta tad-Diviżjoni tas-Saħħa. Madankollu dan il-pass ma jistax isir qabel ma jiġi stallat impjant ekwivalenti sabiex jiddisponi minn skart kliniku. Impjant ta' dan it-tip kien diga ġiet aċċettat fl-2003 iżda ma ġiex stallat minħabba nuqqasijiet tat-tenderer. Kien għalhekk li kellu joħroġ tender li diġa għaddiet l-ewwel fażi tiegħu ta' pre-qualification liema fażi ġiet mtawwla minħabba oġġezzjonijiet minn xi tenderers. Il-proċeduri għat-tieni fażi bdew u huwa ttamat li dawn jieħdu l-anqas żmien possibbli. Malli jiġi stallat l-impjant il-ġdid l-inċineratur tal-Isptar San Luqa jingħalaq darba għal dejjem.

Laser ta' l-għajnejn

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi kwotazzjonijiet saru biex jingħata s-servizz tal-laser ta' l-għajnejn? Kemm kienet kull kwotazzjoni? Kull ġimgħa, kemm se jsiru interventi tal-laser fuq l-għajnejn mill-klinika li ntgħażlet? Meta mistenni li laser ta' l-għajnejn ġdid se jibda jiffunzjona fl-isptar San Luqa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-Diviżjoni talbet kwotazzjonijiet mill-Isptarijiet Privati għas-servizz tal-laser. Minnhom intażlet l-irħas waħda. Is-servizz tal-Laser ta' l-għajnejn li qiegħed jinxtara mill-Isptarijiet Privati qed jiġi utiliżżat biss għall-emerġenzi. Bejn wieħed u ieħor qed jintbagħat każ fil-ġimgħa għat-trattament. Huwa maħsub li l-Laser il-ġdid jasal għall-aħħar tax-xahar.

Dipartiment tas-Saħħa — Ħlas ta' kontijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu l-valur tal-kontijiet u ħlasijiet oħra li għadhom ma tħallsux f'kull vot tad-dipartiment tas-saħħa u tal-ministeru tas-saħħa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar, risposta ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi seduta oħra.

Inkjesti dipartimentali rigward pazjenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm saru inkjesti dipartimentali rigward pazjenti u/jew kura li ngħataw pazjenti mill-1 ta' Jannar 2005 sal-lum? F'kull każ, x'kienet ir-raġuni ta' l-inkjesta?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar, risposta ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi seduta oħra.

Dipartiment tas-Saħħa — Vetturi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm karozzi tad-dipartiment u/jew ministeru tas-saħħa li huma jew bil-ħsara jew m'għadhomx jintużaw? F'kull każ, x'marka hi l-karozza u kemm ilha wieqfa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar, risposta ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi seduta oħra.

Tender

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex waslet it-tender li l-partikolaritajiet dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-dawl tas-sistema tal-catering li hi proposta li ħa tiġi introdotta fl-Isptarijiet Governattivi, imsemmija Tender ġiet miżmuma.

Pandemic flu

Question

Jista' il-Ministru jgħarraf it-tobba xi proċedura se tkun f'postha biex persuni morda bil-pandemic flu jingħataw b'xejn l-antivirals li ser ikollu stokkjati l-gvern?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għadu ż-żmien biex wieħed jiddikjara din il-proċedura li hija inkluża fil-pjan ta' kontinġenza. It-tobba jiġu mgħarrfa fil-mument opportun.

Mediċina ZAMTEC

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga ilment ta' kostitwenta li l-mediċina ZAMTEC ilha żmien out of stock mill-berġa tal-Għargħur?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern waqgħu out of stock mill-pilloli Ranitidine 150mg minħabba li l-aġent lokali li miegħu d-dipartiment għandu kuntratt ġabhom tard. Pero ta min jgħid li issa s-sitwazzjoni ġiet għan-normal għax l-aġent onora l-ordnijiet kollha u dawn qegħdin jiġu mqassmin lill-Ispiżeriji tal- Gvern.