Jista' l-Ministru jgħid jekk id-dipartiment ikkonċernat għandux apparat teknoloġikament adekwat biex jagħmel il-monitoraġġ ta' livelli taċ-ċomb u tossiċi oħra fl-arja? X'apparat jeżisti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi sa mill-1999 id-Direttorat għall-Protezzjoni ta` l-Ambjent beda għaddej bi programm ta` monitoraġġ tal-kwalita` ta` l-ajra billi jitkejlu livelli ta` għadd ta` gassijiet fosthom SO2 (Sulphur Dioxide), NO2 (Nitrogen Dioxide), O3 (Ozone) u CO (Carbon Monoxide). Il-livelli reġistrati jinstabu ippublikati fuq il-website tad-Direttorat (www.environment .gov.mt).
Fir-rigward ta` livelli taċ-ċomb fl-arja, id-Direttorat ikkummissjona kuntratt biex jibda jsir dan il-monitoraġġ. Dan il-monitoraġġ hu mistenni li jibda f`Mejju 2002.
B'referenza għall-permessi tal-bini biex jinbnew 62 garages u 23 apartments f'Triq G Calleja, Swatar, wara li ġejt mgħarraf li kien hemm permess biex jinbnew two storey terraced houses tistax tikkonferma li case 03393/00 li kien approvat, issa qed jintalab li jinbidel permezz ta' case 01577/02 sabiex jinbnew 64 apartament flok 23 apartament?
Il-planning authority ser tieħu nota ta' l-impatt negattiv ta' dan kollu fuq ir-residenti ta' l-inħawi kemm-il darba verament saret din it-talba?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-permess PA 3393/00 ħareġ biex jinbnew 62 garages, 23 appartament u 2 ħwienet filwaqt illi l-applikazzjoni PA 1577/02 issa qed titlob li minflok jinbnew 64 appartament u 69 garages. Din l-applikazzjoni għadha qed tiġi pproċessata, u l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ser tieħu nota ta` l-impatt fuq ir-residenti ta` l-inħawi.
Jista` l-Ministru jinfurmani bir-raġuni għaliex it-Traffic Control Board ma` żammx kuntatt mal-familja li tagħha qed nibgħat kopja tal-korrispondenza li ġiet ikkomunikata separatament?
Jista` l-Ministru jara li jintervjeni sabiex isir investigazzjoni meħtieġa qabel issir xi traġedja fi Triq Konti Ruġġieru fir-Rabat?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet il-proċedura biex tiġi esproprjata art fil-parti ta' Triq il-Belt Valletta, ħdejn il-housing estate ta' Tal-Blat 1f'Ħal Qormi, biex permezz t'hekk tiġi imwessa' t-triq?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-Dipartiment ta` l-Artijiet ma għandu l-ebda talba għall-esproprjazzjoni ta` art biex tiġi mwessa` dik il-parti tat-triq li qegħda tagħmel riferenza għaliha l-Onorevoli Membru.
Jista' l-Ministru jgħid jistgħux jittieħdu passi dwar id-diversi każi ta' serq ta' karozzi pparkjati li ġieli jkun hemm fil-parti ta' fuq ta' Triq il-Madonna tal-Ġebla, il-Gżira?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2001 kien hemm tlett rapporti ta' serq minn vetturi ipparkjati fit-triq imsemmija, filwaqt li matul din is-sena ma kien hemm xejn. Madankollu, il-Pulizija ser tibqa` tagħmel ronda regolarment kemm fil-lokalita' msemmija mill-Onorevoli Interpellant kif ukoll fit-toroq l-oħra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex fl-immigration reception centre Ħal Far fis-shifts ta' ħames pulizija li jikkonsistu f'surġent, kok, 2 pulizija tal-SAG u wieħed mid-dogs section, jingħataw allowance l-kok u ż-żewġ pulizija tal-SAG filwaqt li s-surġent u l-pulizija mid-dogs section ma jingħataw xejn?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-membri tal-Korp tal-Pulizija stazzjonati fit-Taqsima tal-Klieb u fiċ-Ċentru ta` l-Immigrazzjoni ta` Ħal Far, m`humiex intitolati għall-ispecial duty allowance, filwaqt li dawk stazzjonati fl-S.A.G. huma ntitolati għal din l-allowance. Infurmat ukoll illi l-membri tal-Korp imsemmija mill-Onorevoli Interpellant li qed jieħdu din l-allowance għadhom stazzjonati l-S.A.G., pero` fil-preżent qed jiġu utilizzati fiċ-Ċentru ta` l-Immigrazzjoni ta` Ħal Far, sakemm jinstab staff permanenti għal dan iċ-ċentru.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu - jekk qatt ittieħdu - mill-pulizija kontra sid it-take away Southern Fried Chicken li jinsab kantuniera Triq id-Duluri ma' Triq l-Ispizjar Joe Sciberras, Ħamrun biex dan jagħmel ċumnija diċenti għall-fumes u irwejjaħ li jiġġenera x-xogħol tiegħu biex ma jibqgħux ikunu ta' inkonvenjent għar-residenti, minħabba t-tieqa li hemm livel tat-triq?
Jekk qatt ma ttieħdu passi, x'inhi r-raġuni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija ser tieħu l-azzjonijiet neċessarji skond il-liġi dwar l-ilment li rrefera għalih l-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew imwettqa reati matul Marzu 2002?
Jista' l-Ministru jikklassifika r-reati?
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew solvuti reati matul Marzu 2002?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub fl-ewwel u fit-tieni tal-Mistoqsija Parlamentari huwa kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi matul Marzu 2002 kien hemm 435 persuna misjuba ħatja ta` reati kriminali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew imwettqa serqiet matul Marzu 2002?
Jista' l-Ministru jikklassifika s-serq?
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew solvuti serq matul Marzu 2002?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul Marzu 2002 il-każi ta` serq li ġew irraportati lill-Pulizija kienu kif jidher hawn taħt, filwaqt li matul l-istess xahar, il-Pulizija solviet 85 każ ta` serq.
Serqiet Rappurtati
Numru
Hold-Up
1
Pick Pocketing
18
Snatch & Grab
8
Serq minn dgħajjes
4
Serq ta` dgħajjes
-
Serq ta` karozzi
56
Serq minn karozzi
271
Serq minn barijiet/lukandi
90
Serq minn fabbriki
9
Serq minn residenzi
41
Serq minn ħwienet
54
Serq minn xtajtiet
2
Serq ieħor
237
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pulizija stazzjonati bħalissa f'Għawdex?
Ta' liema rank huma?
Dawn il-membri tal-korp kollha għandhom ir-residenza normali tagħhom f'Għawdex?
Kemm hemm għasses f'Għawdex miftuha fuq bażi taż 24 siegħa?
Kemm hemm għasses li ftit li xejn jinfetħu forsi anki biss darba fis-sena bħal matul il-festa tar-raħal?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm stazzjonati Għawdex - Supretendent 1; Spetturi 2; Surġenti 23 u Kuntistabbli 96. Dawn kollha huma residenti permanentement f`Għawdex, ħlief għas-Supretendent. Dwar l-aħħar żewġ partijiet tal-Mistoqsija, it-tagħrif mitlub huwa kif ġej:
Miftuħa l-ħin kollu
Miftuħa skond l-esiġenzi
Kemmuna
Fontana
Marsalforn
Għajnsielem
Mġarr
Għarb
Nadur
Għasri
Victoria
Kerċem
Xagħra
Munxar
Xewkija
Qala
Ramla
San Lawrenz
Sannat
Ta` Pinu
Xlendi
Żebbuġ
B'riferena għall-interpellanza nru. 14326, jista' l-Ministru jżid il-lista ta' delitti, solvuti u mhux, mis-17 ta' Frar 2000 'il hawn?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-istatistika miżmuma mill-Pulizija dwar it-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant huwa kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ninsab infurmat ukoll li l-Pulizija jinnotaw każ bħala 'solved' meta tiġi magħrufa l-identita` tal-persuna jew persuni li jkunu ikkommettew ir-reat. B`danakollu, il-Pulizija jkomplu jsegwu l-każ u jinvestigaw jekk ikun hemm żviluppi li jindikaw din il-ħtieġa.
Jista' l-Ministru jispjega għal liema raġuni l-awtorita' ta' l-ippjanar qiegħda tippermetti li jsir bini bil-bricks tal-konkos fil-proġett tal-Kottonera propju mas-swar ta' Sant' Anġlu fil-Birgu?
Response (BORG, TONIO)
Fil-kuntest tal-proġett tal-Kottonera, l-Awtorita` ta` l-Ippjanar approvat Outline Development Permits għal kull fażi tal-proġett, kif ukoll Full Development Permit għal fażi tal-proġett illi tinkludi il-bini ta` appartamenti madwar il-Menqa u fl-ajra magħrufa bħala t-Toqba.
Għal din il-fażi, kif ukoll għal numru ta` proġetti oħrajn, l-Awtorita` aċċettat il-filosofija arkitettonika ta` disinn kontemporanju li tinkorpora l-użu ta` materjali moderni, kemm għal kostruzzjoni, kif ukoll għal faċċati ta` bini kompletament ġdid, filwaqt li ma ġietx eskluża l-użu tal-ġebla.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-kuntratt li l-Gvern għamel mall-konsorzju MIDI dwar il-Proġett ta' Manoel Island hemmx speċifikat li l-Kumitati tal-Festi li sal-lum kienu jagħmlu użu min art fl-istess Manoel Island biex jisparaw in-nar tal-festa humiex ser jibqgħu ikollhom id-dritt li jibqgħu jagħmlu hekk? Jekk fin-negattiv, jista' l-Ministru jgħid x'alternativa u x'soluzzjoni l-gvern ser isib biex fil-Festi tas-Sacre Cour u Stella Maris f'Tas-Sliema jkun jibqa jista' jiġi sparat in-nar bħalma sar dejjem s'issa?
Response (BORG, TONIO)
Fil-kuntratt li l-Gvern għamel mall-konsorzju MIDI dwar il-proġett ta` Manoel Island, il-konsorzju mhux marbut li jħalli lil xi Kumitati tal-Festi jagħmlu użu mill-art mgħoddija lilu sabiex jisparaw in-nar tal-festa.
Madankollu jista` jsir sparar tan-nar minn dak il-post tax-xatt, eżatt mall-baħar li mhux parti mill-konċessjoni enfitewtika, kif ukoll minn fuq braken fil-baħar bħal ma jsir f`postijiet oħra. Dan dejjem skond id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti għall-logħob tan-nar tal-1998.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk huwiex possibbli li l-proprjeta tal-Gvern ġewwa Triq l-Arcisqof Mattei Senglea tiġi esproprijata billi l-inkwilini jridu jixtru il-proprjeta?
Response (BORG, TONIO)
Iva, dan ser ikun possibbli fil-futur qarib. Il-Gvern qiegħed bħalissa fl-istadju li jgħaddi liġi sabiex il-kera li jħallas għall-proprjeta` li ġiet esproprijata taħt it-titolu pussess u użu u dominju pubbliku tiġi ikkapitalizzata bil-1 fil-mija. Malli dan iseħħ, l-inkwilini jkunu jistgħu jixtru r-residenza tagħhom.
Peress li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ikkonfermat li mhux se jsir ebda żvilupp fejn hemm l-art agrikola fl-Għarmier fejn se jiġu żviluppati l-beach houses, jista' jassigurani li se jkun sostnut bis-serjeta u ċioe li jassigurani li fejn hemm art agrikola din ma tiġiex meqruda imma tibda tinħadem mill-bdiewa ta' l-inħawi?
Response (BORG, TONIO)
L-Awtorita` ta` l-Ippjanar taqbel bis-sħiħ mal-politika li tipprotegi r-raba saqwi li hemm fl-inhawi tal-Pjan ta` Azzjoni tal-Marfa.
L-iżvilupp tal-art agrikola, in ġenerali, huwa ikkontrollat bil-'policies' tal-pjani lokali u tal-Pjan ta` Struttura. L-Awtorita` ma tidħolx fil-kwistjoni għandhiex titkompla tinħadem mill-bdiewa tal-lokal jew ta` lokalijiet oħra.
Jaf il-Ministru li minkejja d-diversi mistoqsijiet u tweġibiet fil-pożittiv min-naħa ta' l-Ministru dwar mugrufun li joħroġ minn laundry fl-area ta' Farsina, Ħal Qormi, il-problema għadha teżisti u saħħet in-nies għadha f'riskju?
X'inhuma r-raġunijiet li ma jittiħdux il-passi meħtieġa biex din il-problema tingħeleb darba għal dejjem?
X'testijiet saru min-naħa ta' l-awtoritajiet ta' l-arja biex tiġi iċċekkjata l-arja minħabba l-emissions?
X'tip ta' modifikazzjonijiet talab li jsiru, mill-kumpanija tan-negozji indikata u kif ġie mistqarr mill-ministru fit-tweġiba?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi Spetturi tad-Direttorat għall-Ħarsien ta` l-Ambjent għamlu 7 spezzjonijiet din is-sena fl-area indikata mill-Onor. Interpellanti.
Ma jirriżultax li f`dawn il-ġranet u ħinijiet kien hemm emissjonijiet eċċessivi ta` dħaħen minn dan l-istabbiliment.
Mill-1 ta' Jannar 2002 sa llum jista' l-Ministru jgħid kemm saru ċitazzjonijiet minħabba ksur tal-liġi f'dawn il-grounds tal-football:
1 l-istadium nazzjonali
2 ic-centenary stadium
3 il-Gozo stadium
4 il-Victor Tedesco stadium
5 il-Hibernians ground f'Kordin
Lema huma l-akkużi prinċipali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-perijodu speċifikat mill-Onorevoli Interpellant, kien hemm 14-il persuna li ttieħdu proċeduri kriminali kontra tagħhom minħabba ksur ta` liġi fi grounds tal-football. Dawn kienu jinvolvu 3 persuni fl-Istadium Nazzjonali, 2 fis-Centenary Stadium, 2 fil-Gozo Stadium, 6 f`Victor Tedesco Stadium u 1 fil-Hibernians Ground. L-akkużi prinċipali kienu dwar imġieba abbużiva, kliem u ġesti oxxeni, dagħa u insulti.
Mill-1 ta' Jannar sa llum jista' l-Ministru jgħid kemm il-persuna ittellgħet il-qorti talli inqabdu ipejjpu:
1 f'karozzi tal-linja?
2 fl-isptarijiet?
3 fis-swali ta' divertiment/ċinema eċċ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-perijodu imsemmi mill-Onorevoli Interpellant kien hemm erba' (4) persuni li nqabdu jpejpu f'post fejn it-tipjip huwa projbit. Dawn kienu fl-isptar San Luqa.
Jista' l-Ministru jgħid dawk li jissejħu bouncers jew għassiesa tas-sigurta f'postijiet ta' divertiment għandhom bżonn liċenzja tal-pulizija?
Jekk le, ma jaħsibx li dawn jieħdu sehem f'xi kors organizzat mill-pulizija dwar kif jittrattaw in-nies, dwar kontroll fi ġlied, koperazzjoni mal-pulizija eċċ?