Jista' l-Ministru jgħid b'referenza għall-applikazzjoni 00387/01 quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, x'inhuma r-rakkomandazzjonijiet tal-Heritage Advisory Comittee?
Jistgħu jittieħdu passi biex Villa Fieres tiġi priservata fl-istat li hi biex jiġi salvagwardjat il-wirt storiku u kulturali tant marbut mal-komunita ta' San Ġiljan?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant ghat-tieni parti tat-twegiba li jien tajt ghall-Mistoqsija Parlamentari Nru.24474 f'din l-istess seduta.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhija l-posizzjoni tal-Ministru fid-dawl ta' l-informazzjoni li qed nibgħat separatament dwar il-golf course tal-Verdala?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi, minkejja dak li hemm miktub fl-informazzjoni li ssottometta l-Onorevoli Interpellant, l-applikazzjoni għall-iżvilupp ta` korsa tal-golf fiż-żona magħrufa bħala t-tafal ta` l-Imdina taħt il-Hotel Verdala hija suġġetta għal Studju dwar l-Impatt Ambjentali u deċiżjoni dwar dan l-iżvilupp ma tistax tittieħed qabel dan il-proċess jitlesta.
L-Istudju dwar l-Impatt Ambjentali kien ġie sottomess mill-applikant lill-Awtorita` ta` l-Ippjanar u Dipartimenti u Aġenziji tal-Gvern oħrajn (Dipartiment għall-Ħarsien ta` l-Ambjent, id-Dipartiment ta` l-Agrikoltura u l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta` l-Ilma). Dawn l-entitajiet qegħdin jevalwaw l-informazzjoni pprovduta u meta l-Awtorita` ta` l-Ippjanar tirċievi l-kummenti ta` l-agenziji l-oħra kollha tkun tista` tifformola rapport dwar x`emendi jkunu jridu jsiru, jekk ikun hemm bżonn, għal dan l-istudju. Meta l-Istudju jkun approvat fil-kontenut tiegħu, dan jiġi miftuħ għal skrutinju pubbliku. F`dan il-perjodu kulħadd ikollu d-dritt li jikkummenta dwar l-iżvilupp propost u l-impatt ambjentali, ekonomiċi u soċjali tiegħu. Wara dan il-proċess biss tista` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar tieħu deċiżjoni dwar il-proposta ta` korsa tal-golf u dan wara li tiżen il-kummenti kollha u l-informazzjoni pprovduta fl-istudju dwar l-impatt ambjentali.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi konkreti ħa s'issa ċ-chairman ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar l-ilmenti mqajma f'ittra ta' Mario Deguara (26 ta' Frar 2001) dwar il-Palazzo Pescatore (Puschka Palace)
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fl-ittra li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant tqajmu dawn il-punti prinċipali, ċioe`:
a. Xogħol li sal-lum qiegħed isir mingħajr permess
b. Xogħol fuq il-faċċata tal-post
c. Imbarrar tat-twieqi fuq il-faċċata
d. L-Awtorita` qatt ma ħarġet permess biex il-post ikun konvertit minn Bar & Restaurant għall-diskoteka
B`referenza għall-ewwel punt, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 23685.
Dwar it-tieni punt, ix-xogħol li qiegħed isir preżentament fuq il-faċċata jikkonsisti f`tikħil u tibjid. Dan ix-xogħol ta` manutenzjoni ma jinħtieġ l-ebda permess ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar.
Rigward it-tielet punt, l-imbarrar tat-twieqi fuq il-faċċata ilu li sar minn 1995, tant li kien inħareġ Avviż ta` Twettieq fis-7 ta` Settembru 1995 fuq referenza ECF 688/95 (dan l-Avviż kien jinkorpora illegalitajiet oħra). Dan il-każ qiegħed fuq il-lista ta` każi għall-azzjoni diretta.
Rigward l-aħħar punt, l-użu tal-post ilu regolat b`permess u kundizzjonijet relattivi tal-pulizija.
Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed isir biex titjieb il-qgħada tar-residenti fl-area ta' Handaq Road, Ħal Qormi li qed ibatu minn inkonvenjenzi, u anke minn nuqqas ta' sigurta', minħabba parking ta' containers li jsir f'din l-area?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi għalkemm il-Pulizija ma kelliex ilmenti f`dan is-sens, ser isiru spezzjonijiet u tittieħed azzjoni meħtieġa fejn jirriżulta li jkun hemm ksur ta` liġi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux rapporti lill-pulizija minħaba klieb perikolużi li jinsabu jiġġerrew fit-toroq tal-Fgura?
Jekk iva, x'passi qed jittieħdu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-ewwel tas-sena l` hawn il-Pulizija ma kelliex rapporti dwar xi klieb perikolużi jiġġerrew fit-toroq tal-Fgura.
Jista' l-Ministru jagħti statistika ta' kemm inqabdu klieb li kienu qed jiġġerrew mat-toroq tagħna? Kemm kien l-ammont fis-snin 1999/2000 u fil-2000 s'issa?
Kemm minhom ġew imraqda biex imutu u x'sar mill-bqija tal-klieb l-oħra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika ta` dawn il-każijiet.
Jista' l-Ministru jgħid x'isir wara li jkun hemm rapporti ta' klieb jiġġerrew mat-toroq li jkunu perikolużi għall-pubbliku?
Kemm għandna persuni available li jmorru jagħmlu dan ix-xogħol u kemm għandna vetturi addattati biex jaqbdu dawn il-klieb?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi meta l-Pulizija jkollha rapporti ta` klieb jiġġerrew barra, tkun infurmata l-S.P.C.A. peress li bis-saħħa ta` l-artikolu 12 ta` Kapitlu 312, l-S.P.C.A. kienet ġiet awtorizzata li tieħu ħsieb il-qbid ta` klieb li jkunu jiġġerrew barra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhija l-qagħda legali dwar l-art li kienet ingħatat mill-Gvern fi Plots u li fuqhom inbnew djar privati fi Triq il-Għasel, Ħal Qormi? Dawn il-familji qegħdin f'qagħda li jekk iridu jbiegħu d-dar li bnew jew għad hemm diffikultajiet dwar it-titolu ta' l-art?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tal-Artijiet qiegħed jagħmel dak kollu possibli biex l-art imsemmija mill-Onorevoli Interpellant tiġi akkwistata b`kuntratt mill-Gvern. Dan għadu s`issa ma sarx peress illi qegħdin jinstabu diffikultajiet biex jiġi redatt il-kuntratt relattiv.
Ninsab infurmat ukoll li malli dan il-kuntratt isir, l-art tiġi mgħoddija lill-Awtorita` tad-Djar biex din tkompli bil-proċeduri neċessarji.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm milli jinfeda ċ-ċens mill-familja li tgħix fuq plot 48, Triq l-Għenieq, Naxxar li d-dettalji qed jintbagħtu separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-enfitewta tal-plot li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant għandha tagħmel talba bil-miktub lill-Uffiċċju Konġunt biex tkun tista` tifdi skond kif stipulat fil-kuntratt.
Jista' l-Ministru jinfurmani fjen waslet it-talba tad-deletanti Mostin sabiex jiżviluppaw range tal-plattini għalihom? Liema siti qed jiġu proposti fil-fatt u x'progress sar dwarhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li saret xi talba lill-Awtorita` ta` l-Ippjanar mid-'dilettanti Mostin', jew minn xi għaqda oħra mill-Mosta, sabiex jiżviluppaw range tal-plattini għalihom. L-anqas ma saru rappreżentazzjonijiet għal ranges tal-plattini fit-tħejjija tal-Pjan Lokali fir-rigward tal-Mosta. Fil-fatt m`hemm l-ebda proposta li saret lill-Awtorita` jew mill-Awtorita` għal range tal-plattini f`din il-lokalita`.
Jista' l-Ministru jgħid fhiex wasal il-każ pendenti L853/76/6 ta' l-estate management department tad-dipartiment tal-ministeru ta' l-intern dwar 13A, Fl6, Misraħ Ċentwarija, San Ġwann?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi wara li ġie aċċertat li l-ħsarat fi flat numru 6 Blokk XIIIA, Misraħ Ċentawrja, San Ġwann huma kkaġunati minn 'leakage' fis-sistema tad-drains tal-flat sovrappost bin-numru 8 fl-istess Blokk, id-Dipartiment ilu aktar minn disa` (9) xhur jagħmel kull sforz possibbli biex ix-xogħlijiet neċessarji jsiru mill-kerrej tal-flat sovrappost.
Ninsab infurmat ukoll illi peress li l-kerrej tal-flat numru 8 baqa` m`għamilx ix-xogħlijiet neċessarji, ser jittieħdu passi legali biex jiġi aċċertat li dawn ix-xogħlijiet jitwettqu mill-aktar fis possibli.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-aħħar regolamenti aġġornati dwar in-numru minimu ta' residenti li għandu jkun hemm f'distanza stabbilita' meta jinħareġ permess tan-nar konness ma xi festi? Tistax tikkonferma jekk fil-każ tal-Imsida humiex qed jiġu applikati l-istess kriterji li ġew applikati f'zoni u bliet u irħula oħrajn?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi r-regolamenti li qiegħed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant huma r-Regolamenti ta` l-1998 dwar il-Kontroll ta` Xogħlijiet tan-Nar u Esplożivi oħra (A.L. 243 ta` l-1998) kif emendat b`Avviżi Legali 122 u 125 ta` l-1999. Ninsab infurmat ukoll illi l-permessi jinħarġu skond dawn ir-Regolamenti.
Jista' l-Ministru jgħid, filwaqt li jagħmel referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 24004, 22861 u 22609, jgħid meta ser tingħata risposta u dan kif qal hu stess fi qasir żmien?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ li qed jirreferi għalih issa ġie konkluż u l-persuna konċernata ser tiġi informata bid-deċiżjoni meħuda.
Jista' l-Ministru jara li l-inkwilini ta' 57, Spinola Rd, San Ġiljan jitħalla jifdi ċ-ċens tal-fond tiegħu kif tħallew persuni oħra fl-istess inħawi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-korrezzjoni fil-lista ta` proprjeta` li ġiet trasferita lill-Gvern mill-Entijiet Ekklesjastiċi (Annex 8) fir-rigward tal-fond li rrefera għalih l-Onor. Interpellant ġiet approvata fit-28 ta` Frar 2001. Din il-proprjeta` ser tiġi reġistrata fir-Reġistru ta` l-Artijiet u wara jkun jista` jsir il-kuntratt tal-fidi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ilhom miżmuma l-permessi għall-ftuħ ta' spiżeriji ġodda? Meta kien li fetħet l-aħħar spiżerija? Jista' jgħid jekk din l-istess kondizzjoni, ċioe rifjut ta' permessi ġodda, tgħoddx wkoll għall-ftuħ ta' clinics ġodda?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jassigura biex jittieħdu l-passi kollha meħtieġa fil-konfront ta' numru ta' bars li jinsabu fi Triq il-Kbira, San Ġiljan faċata tan-neptunes pitch u biswit Triq il-Bajja peress li dawn qed ikunu ta' inkonvenjent kbir għar-residenti, speċjalment dawk anzjani bl-istorbju ta' mużika u xorta oħra li jdum sejjer sa kmieni filgħodu?
Jista' jassigura li dawn josservaw il-liġijiet u joperaw biss skond il-permess li għandhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija kienet u ser tibqa` tissorvelja sabiex ma jkunx hemm abbużi mis-sidien tal-ħwienet fil-lokalita` msemmija mill-Onorevoli Interpellant. Ninsab infurmat ukoll illi kull meta nstab li kien hemm xi abbuż, ittieħdu passi skond il-liġi.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti ta' enfitewsi temporanja jew ta' lokazzjoni jew konċessjonijiet b'titoli oħra ta' beach establishment jew beach concession li saru fuq siti fl-Għadira l-Mellieħa mill-1992 sal-lum?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-1992 sal-lum, ma sarux konċessjonijiet taħt ebda titolu fl-Għadira l-Mellieħa biex jintużaw bħala 'beach establishment' jew 'beach concession'.