Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #8497 Sitting 180 2004-11-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA — Studju tar-Riżorsi Umani

Question

Jista' il-Ministru jara li l-awtorita' Maltija tat-turiżmu tagħmel studju tar-riżorsi umani fl-industrija tat-turiżmu f'Malta u f'Għawdex fil-livelli kollha, x'inhuma l-ħiliet li għandhom in-nies tagħna u fejn hemm defiċjenzi f'dawn il-ħiliet biex jiġu indirizzati?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-Awtorita` Maltija għat-Turiżmu tagħmel numru ta' studji fuq aspetti differenti ta' riżorsi umani fl-industrija tat-turiżmu. Bħalissa, l-Awtorita` għat-Turiżmu qed tagħmel studju dwar il-ħiliet, kapaċitajiet u l-kompetenzi tan-nies li jaħdmu fil-lukandi u r-ristoranti f'Malta u Għawdex. L-iskop ta' dan l-istudju hu: 1) li nsiru nafu l-possibilajiet ta' nuqqas ta' kompetenza fost dawk li qed iffitxu x-xogħol u li jistgħu jiġu mpjegati (skill shortages) kif ukoll in-nuqqas ta' kompetenza fost il-ħaddiema attwali (skill gaps). L-istudju jara ukoll il-bżonnijiet ta' taħriġ għall-impjegati fl-industrija tat-turiżmu; 2) it-tieni parti ta' l-istudju tiffoka fuq in-numru ta' ħaddiema lli l-industrija tat-turiżmu sa jkollha bżonn fil-ħames snin li ġejjin (2004-2008). Parti mill-fondi ta' dan il-proġett kienu allokati minn fondi ta' l-Unjoni Ewropea. Ir-rapport għandu joħroġ fl-ewwel tliet xhur tas-sena li ġejja.
Leg 10 PQ #8498 Sitting 180 2004-11-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

ITS/MTA/Universita'

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kordinazzjoni teżisti bejn l-istitut għall-istudji turistiċi, l-awtorita' Maltija tat-turiżmu u l-universita' biex jaħdmu flimkien ħalli jtejbu l-kwalita' tal-ħiliet tal-persuni li jaħdmu fit-turiżmu? Jista' jagħti eżempji konkreti ta' koperazzjon flimkien minn dawn l-entitajiet pubbliċi għall-ġid tat-turiżmu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-ko-ordinazzjoni li teżisti bejn l-Istitut għall-Istudji Turistiċi u l-Awtorita` Maltija għat-Turiżmu tikkonsisti f'liaison sabiex jiġu milqugħa l-ħtiġijiet ta' taħriġ fis-settur turistiku. Xi wħud minn dawn l-inizjattivi jinkludu t-Tourism Competence Guidelines bl-għan li jitjiebu s-service standards fis-settur turistiku. Inizjattiva oħra tinkludi l-programm TIPS (Tourism Induction for Professional Service), li huwa mmirat sabiex dawk kollha li jidħlu fl-industrija tat-turiżmu ikunu preparati biex jilqgħu l-ħtiġijiet tat-turist. Barra minn hekk, l-Awtorita' ittella programm ieħor bl-involviment ta' l-ITS. Dan iħares lejn il-promozzjoni tal-karrieri fis-settur turistiku fl-iskejjel sekondarji. Ma' l-Universita, il-BA Tourism Course huwa parzjalment sponsorjat mill-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu. Ma' l-Universita, isir ukoll il-programm ta' tagħrif u taħriġ immirat għat-tourism frontliners taħt it-titlu "Malta, Int u t-Turist". Diversi ħaddiema professjonali fi ħdan l-Awtorita` Maltija għat-Turiżmu jagħtu lectures fuq it-turiżmu lill-istudenti universitarji, kif ukoll tutoring u supervision fuq it-teżijiet. Dan l-aħħar ġie introdot seminar taħt it-titlu "Bridging the Gap". L-għan tiegħu huwa li jagħti t-tagħrif lill-istudenti universitarji dwar it-turiżmu, sabiex jifhmu aktar id-differenza bejn it-teorija u d-dinja tax-xogħol. Dan is-seminar ġie milqugħ tajjeb ħafna u hemm il-ħsieb li dan isir regolarment.
Leg 10 PQ #8545 Sitting 180 2004-11-02 Oral · Final From: RODERICK GALDES To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Postijiet kulturali — Żjajjar

Question

Jista' il-Ministru jgħid min qed jieħu ħsieb li jorganizza ż-żjajjar lill-postijiet kulturali li kienu jsiru mid-dipartiment tal-kultura? Jista' jgħid għaliex m'għadhomx jiġu organizzati minn dan id-dipartiment? Jista' jgħid kemm qed ikunu l-fees relatati ma' dawn iż-żjarat?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi ż-żjajjar kulturali li kien jorganizza id-Dipartiment tal-Kultura ma tkomplewx wara Mejju 2003. Dan għal żewġ raġunijiet, ċioe: a) id-dħul minn dawn iż-żjarat kien jammonta għal mhux aktar min nofs l-ispiża; u b) żjarat kulturali bdew jiġu organizzati mis-settur privat.
Leg 10 PQ #7083 Sitting 179 2004-11-01 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Tas-Sliema — Paviment ta' Għar id-Dud

Question

Jista' il-Ministru jindika jekk jaqbilx li wasal iż-żmien li l-paviment ta' Għar id-Dud f'Tas-Sliema, speċjalment fil-parti tax-Chalet, jinbidel u jsir wieħed iktar modern u attraenti?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli kollega jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 10 PQ #8341 Sitting 179 2004-11-01 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Palazz Presidenzjali — Armerija

Question

Il-gvern għandu xi pjani dwar ir-riallokazzjoni ta' l-armerija fil-palazz presidenzjali?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li m'hemmx pjani immedjati biex l-Armerija tiġi riallokata, pero` naturalment jekk kemm il-darba l-Parlament jopera fil-futur minn bini differenti, isir dak kollu meħtieġ biex terġa' tkun riallokata l-armerija għas-sede oriġinali tagħha.
Leg 10 PQ #7761 Sitting 178 2004-10-27 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Żjarat f'mużewijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm żaru persuni lid-diversi mużewijiet din is-sena u jagħti breakdown ta' dawk li żaru d-diversi mużewijiet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli interpellant.
Leg 10 PQ #7762 Sitting 178 2004-10-27 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Serq minn mużewijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm saru serqiet mid-diversi mużewijiet li hawn f'dawn l-aħħar ħames snin, x'insteraq u x'instab?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li fis-sena 2000 insterqet statwa żgħira ta' anġlu, magħmula mill-irħam mill-Mużew ta' l-Arti u li din għada ma nstabitx. Fl-2001 insteraq kwadru tal-Granmastru De Rohan, xogħol Giuseppe Grech mill-Mużew ta' l-Arti. Dan għadu ma nstabx. Fit-22 ta' Mejju 2003 fis-sagħtejn ta' wara nofsinhar minn waħda mis-swali ta' l-Armerija (Palace Armoury) insteraq 16th century steel lance head. Dan ġie rappurtat lill-pulizija u saru investigazzjonijiet. Dan ma ġiex irritornat. Fit-18 ta' Mejju 2004 il-moon rock insterqet mill-Mużew ta' l-Istorja Naturali (Palazzo Vilhena). Dan ġie rappurtat lill-pulizija u saru investigazzjonijiet. Dan ma ġiex irritornat. F'Ġunju - Lulju 2004 insterqet Airforce World War II Bicycle Headlamp li għandha ftit valur storiku, u kienet imlaqtha minn diversi spare parts. Sar rapport lill-pulizija. Din ma ġietx lura.
Leg 10 PQ #8240 Sitting 178 2004-10-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Numru ta' Lukandi

Question

Jista' il-Ministru jgħid sena b'sena kemm għalqu u kemm fetħu lukandi u ta' liema kategorija u x'numru ta' sodod kellhom f'Malta u f'Għawdex fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004 s'issa?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li n-numru ta' lukandi li għalqu u li fetħu bejn is-snin 2000 u 2004 huwa kif ġej: 2000 Għalqu 3 lukandi, tnejn ta' tliet stilel (443 sodod) u waħda ta' żewġ stilel (150 sodod). Fetħu 2 lukandi, it-tnejn ta' erba' stilel (482 sodod). 2001 Għalqu 6 lukandi, tnejn ta' tliet stilel (198 sodod) u erbgħa ta' żewġ stilel (387 sodod). Fetħu 3 lukandi, tnejn ta' erba' stilel (982 sodod) u waħda ta' tliet stilel (56 sodod). 2002 Għalqu 5 lukandi, kollha ta' tliet stilel (1236 sodod). Fetħu 3 lukandi, kollha ta' erba' stilel (589 sodod). 2003 Għalqu 6 lukandi, tnejn ta' erba' stilel (526 sodod), tnejn ta' tliet stilel (202 sodod) u tnejn ta' żewġ stilel (135 sodod). Fetħu 3 lukandi, waħda ta' ħames stilel (902 sodod) u tnejn ta' tliet stilel (324 sodod). 2004 Għalqu 4 lukandi, waħda ta' erba' stilel (80 sodod) u tlieta ta' tliet stilel (304 sodod). Fetħet lukanda waħda ta' erba stilel (88 sodod).
Leg 10 PQ #8284 Sitting 178 2004-10-27 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Ministeru għat-Turiżmu u Kultura — Transfers

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw transfers fil-ministeru tiegħu u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu mill-1 ta' Lulju 2004 sal-lum?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li mill-1 ta' Lulju 2004 sal-lum kien hemm b'kollox 6 transfers. Ħamsa minnhom saru jew fuq talba tal-persuna konċernata, jew għax ħadu promozzjoni, jew għax ġew redeployed. Fil-każ l-ieħor għalliem li kien misluf liċ-Ċentru Malti għar-Restawr reġa mar lura id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni.
Leg 10 PQ #8187 Sitting 177 2004-10-26 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

European Tourism Forum

Question

Jista' il-Ministru jgħid fejn waslu l-isforzi tal-gvern biex il-European Tourism forum li jsir fi ħdan l-Unjoni Ewropea jiġi organizzat f'pajjiżna?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-European Tourism Forum għas-sena 2005 huwa pjanat li jsir fir-Renju Unit peress li dak il-pajjiż, fit-tieni nofs tas-sena, se jkollu l-Presidenza tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea. Peress illi din is-sena l-Olanda, li kellha d-dritt torganizza l-Forum, ċedietu lill-Ungerija, aħna ħassejna li stajna nagħmlu talba simili lir-Renju Unit. Fil-fatt aħna diġa` avviċinajna uffiċjali tad-Department of Culture, Media and Sport ta' dak il-pajjiż iżda, peress li t-turiżmu fir-Renju Unit huwa wkoll suġġett għall-Gvernijiet devoluti ta' dak il-pajjiż, il-proċess ta' konsultazzjoni min-naħa tagħhom qed jieħu ċertu żmien.
Leg 10 PQ #8189 Sitting 177 2004-10-26 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Vapuri tal-Passiġġieri

Question

Peress li għas-sena d-dieħla hemm prospetti tajbin għal żjajjar fil-Port il-Kbir ta' vapuri tal-passiġġieri, tant li f'ċerti jiem se jkun diffiċli jinstab post fejn jitrakkaw, jista' il-Ministru jgħid x'passi se jieħu biex f'dawk il-jiem il-problema ma ssirx iżjed akuta b'xi żjajjar fostna ta' vapuri tal-gwerra li mhijiex l-ewwel darba li ngħataw iżjed importanza mill-vapuri tal-passiġġieri fl-użu tal-faċilitajiet tal-Port il-Kbir?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob l-Onororevoli interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lil Ministru koncernat.
Leg 10 PQ #8266 Sitting 177 2004-10-26 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Gozo Tourism Association

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 8060 u 8059 jekk il-gvern diġa' jirrikonoxxi lill-Gozo Tourism Association, għaliex dak ir-rikonoxximent ma jiffigurax f'Kap. 409 tal-Liġijiet ta' Malta senjatament artikolu 3(2)(a)? Ma jaħsibx il-Ministru li ormai jekk il-Gozo Tourism Association hija rikonoxxuta dan għandu jiġi rifless fil-Liġi dwar is-Servizzi ta' l-iVjaġġar u t-Turiżmu (Kap. 409)?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninforma lill-Onor Membru li hemm bosta aktar għaqdiet u assoċazzjonijiet li huma wkoll rikonoxxuti u li mhumiex membri ta' l-Awtorita` għat-Turiżmu ta' Malta. L-istess liġi tipprovdi għar-rikonoxximent ta' Għawdex bħala tali. Inżid ngħid li r-rapport imħejji minn Deloitte & Touche dwar l-Awtorita` jaħseb ukoll biex Għawdex ikollu rappreżentanza xierqa billi jitqies bħala segment għalih.

Valletta Tattoo — Scaffolding għas-Seating fil-Pjazza

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-iscafolding li ntuża għas-seating għall-attivita' Valletta Tattoo fi Pjazza San Ġorġ, Valletta kienx approvat mill-awtorita' dwar saħħa u sigurta', għax kien jidher perikoluż ħafna għal persuni li poġġew fuqu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li f'każ ta scaffolding ma jinħtieġx il-permess mill-Awtorita` tas-Saħħa u Sigurta`. Madankollu, uffiċjali ta' din l-Awtorita` xorta waħda żaru l-post darbtejn waqt l-għarmar ta' l-iscaffolding u ma għamlu ebda kumment negattiv. Ta' min jgħid li fl-għarmar ta' scaffolding fil-Pjazza San Ġorġ, il-Belt, għal okkażjoni tal-Valletta Tattoo, is-sistema addotata hi waħda ibbażata fuq speċifikazzjonijiet internazzjonali.
Leg 10 PQ #8183 Sitting 176 2004-10-25 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

EU — Qasam Turistiku Malti

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi strutturi u x'nies għandu l-ministeru u strutturi oħra li jaqgħu taħtu biex jieħdu ħsieb jimmoniterjaw u jieħdu l-passi meħtieġa dwar dak kollu li fl-Unjoni Ewropa b'xi mod jew ieħor jolqot il-qasam tat-turiżmu f'pajjiżna?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Fil-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura hemm Direttorat dwar l-Affarjiet ta' l-Unjoni Ewropea, Żvillup ta' Policy u Implimentazzjoni ta' Programmi li għandu d-doveri msemmija mill-Onorevoli interpellant.
Leg 10 PQ #8185 Sitting 176 2004-10-25 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

EU — Settur turistiku

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk fil-ministeru jew f'xi struttura li taqa' taħtu hemmx persuna/persuni li xogħolhom biss hu li jaraw x'fondi hemm fl-Unjoni Ewropea li b'xi mod jew ieħor jistgħu jinkisbu għas-settur turistiku f'pajjiżna, kemm mill-gvern innifsu kif ukoll mis-settur privat?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Fil-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura u fl-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu hemm strutturi li jieħdu ħsieb affarjiet relatati ma' l-Unjoni Ewropea li għandhom x'jaqsmu mat-turiżmu. L-istrutturi li jeżistu mhux biss jieħdu ħsieb jaraw x'fondi hemm fl-Unjoni Ewropea li jistgħu jinkisbu għas-settur, iżda jieħdu ħsieb ukoll materji oħra ta' l-Unjoni Ewropea. Fil-fatt permezz ta' dawn l-istrutturi diġa` nkisbu fondi għall-qasam turistiku.
Leg 10 PQ #8188 Sitting 176 2004-10-25 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

San Ġiljan — Bollards

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk saritx talba biex jitwaħħlu bollards fil-bajja ta' San Ġorġ f'San Ġiljan? Jekk fil-pożittiv, jista' jipproduċi kopja ta' l-applikazzjoni? Jista' jgħid min kienet il-kumpannija ta' periti li għamlet l-applikazzjoni u jekk intużax timbru uffiċjali tal-kumpannija f'din l-applikazzjoni? Jekk fil-pożittiv, jista' jipproduċi kopja ta' dan?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli interpellant.
Leg 10 PQ #8192 Sitting 176 2004-10-25 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Bajja ta' San Ġorġ — Project management services

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm differenza bejn il-logo li biha saret it-talba minn Med Design Consultants għal Project Management Services għall-proġett tal-bajja ta' San Ġorġ f'April ta' din is-sena u l-logo li biha saret talba fix-xhur ta' wara għall-ħlas għall-istess xoghol li twettaq? Jista' jipproduċi kopja tal-logos li ntużaw? Jista' jipproduċi kopja ta' l-invoices u receipts li saru u li huma relatati ma' Med Design Consultants?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli interpellant.
Leg 10 PQ #8193 Sitting 176 2004-10-25 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Bajja ta' San Ġorġ — Storm water infrastructure

Question

Jista' il-Ministru jgħid min kienet il-kumpannija ta' periti li ċċertifikat ix-xogħol li twettaq minn Polidano Brothers għal storm water infrastructure fil-bajja ta' San Ġorġ f'San Ġiljan, xogħol mitlub mill-Malta Tourism Authority? Jista' jgħid kemm-il ċertifikat inħareġ u f'liema dati? Jista' jipproduċi kopja ta' dawn iċ-ċertifikati?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li Med Design Consultants iċċertifikaw ix-xogħol li twettaq minn Polidano Brothers għall-istorm water system fil-bajja ta' San Ġorġ. Nħarġu tliet ċertifikati, tnejn interim u wieħed finali.Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopji ta' dawn iċ-ċertifkati.
Leg 10 PQ #8214 Sitting 176 2004-10-25 Oral · Final From: RODERICK GALDES To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Ħal-Luqa — Fdalijiet Megalitiċi

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 7907, jista' il-Ministru jgħid jekk saritx purchase order sabiex jinbeda x-xogħol fuq it-tiswija ta' dawn il-fdalijiet megalitiċi? Jista' jgħid xi proċeduri legali qed jirriferi għalihom fit-tweġiba tiegħu? Jista' jagħti data preċiża ta' meta se jsiru dawn it-tiswijiet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ix-xogħlijiet imsemmija fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 7907 għadhom fil-proċess ta' twettieq. Fil-preżent inġabru quotations għat-twettieq ta' dan ix-xogħol ta' restawr u il-purchase order se toħroġ fil-jiem li ġejjin. Ix-xogħol ta' restawr għandu jseħħ f'Novembru ta' din is-sena. Il-proċeduri legali msemmija fl-istess mistoqsija huma meħtieġa sabiex jinġabru l-ispejjeż ta' dan ir-restawr mingħand il-persuni li kkaġunaw il-ħsara permezz ta' aċċident tat-traffiku. Dawn il-proċeduri nbdew bl-assistenza tal-Pulizija wara li ttieħed il-parir ta' l-Avukat Ġenerali.
Leg 10 PQ #7061 Sitting 175 2004-10-20 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Ministeru għat-Turiżmu — Applikazzjoni għall-fondi mill-UE

Question

Jista' il-Ministru jkun daqstant ġentili u jgħid liema kienu dawk l-entitajiet, dipartimenti jew awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li applikaw għal xi forma ta' fondi mill-Unjoni Ewropea mill-1 ta' Jannar 2004 sal-lum (kemm pre-accession u accession funds)? Għal liema fondi applikaw? Kemm-il proġett ġie sottomess? X'kien l-eżitu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli interpellant.