Legislature:
Category:
Reset
Active:

Telefon

Question

Jista' l-Ministru jgħid billi t-telefon li n-numru tiegħu qed jintbagħat separatament qed jikkawża inkonvenjent kbir lill-anzjana in kwistjoni; għax qed jċemplu fuqu matul il-lejl, jista' d-dipartiment konċernat jinvestiga l-każ u jżomm lill-anzjana mgħarrfa bil-miżuri li tista' tieħu sabiex tirrimedja għall-dan l-inkonvenjent?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Mosta — Triq iċ-Ċinju

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex Triq iċ-Ċinju l-Mosta li r-road contibution għaliha ilha mħallsa mir-residenti għall-aktar minn 10 snin, la fiha bankina, la asfalt, jew tarmac u lanqas dawl adegwat? Jista' l-Ministru jara li din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata bil-kordinament tax-xogħolijiet meħtieġa mmedjatament u dan b'rispett lejn ir-residenti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq flimkien mal-Kunsill Lokali qed jimplimenta programm għal asfaltar ta' toroq simili ma' Malta kollha, u x-xogħol fil-lokalita' isir skond il-prijoritajiet li jkunu qegħdin jirriżultaw minn żmien għal żmien.

Mosta — Triq l-Alwetta

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex Triq l-Alwetta l-Mosta li r-road contibution għaliha ilha mħallsa mir-residenti għall-aktar minn 10 snin, la fiha bankina, la asfalt, jew tarmac u lanqas dawl adegwat? Jista' l-Ministru jara li din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata bil-kordinament tax-xogħolijiet meħtieġa mmedjatament u dan b'rispett lejn ir-residenti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal mistoqsija parlamentari Nru. 31238 li tapplika wkoll f'dan il-każ.

Qormi — Qormi Raod

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-dipartiment tat-toroq qatt għamilx studju biex jistabbilixxi l-bżonn kbir ta' xi xorta ta' faċilita' ta' pedestrian crossing f'Qormi road, Ħal Qormi, ħdejn Posta Ltd? Jekk iva, x'ġie stabbilit? X'azzjoni se tittieħed? Meta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li tħejjew il-pjanti mid-Direttorat għat-Toroq sabiex isiru pelican lights fil-lokal u l-pjanti qegħdin għall-approvazzjoni tad-Direttorat għat-Toroq u ta' l-Immaniġjar għat-Traffiku.

Qormi — Triq in-Nassab

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir Triq in-Nassab Ħal Qormi? Ma jidhirlux li mhux sew li ċittadini li jkunu ilhom is-snin li ħallsu l-ispejjeż biex issir it-triq jibqgħu mingħajr is-servizz għal snin kbar?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq u l-Kunsill Lokali qegħdin jagħmlu spezzjonijiet f'diversi toroq tal-lokal biex jiġi stabbilit liema toroq jista' jsir xogħol fihom, u Triq in-Nassab hija waħda minn dawk li ser ikunu spezzjonati.

Qormi — Qormi Road

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-bus shelter li kien hemm f'Qormi road Ħal Qormi, jiġifieri ħdejn Posta Ltd tneħħa u ma ġiex sostitut għad-detriment ta' mijiet ta' residenti li jgħixu fuq in-naħa l-oħra tat-triq? Jista' jgħid jekk hux se jsir wieħed flok dak li kien hemm? Fejn? Meta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-bus shelter li qed tirreferi għalih l-Onor. Interpellanta tneħħa wara li dan tkisser kaġun ta' inċident tat-traffiku. Fil-fratemp twaħħal bus stop sabiex ikomplu jinqdew ir-residenti ta' l-akwata. Tajjeb wieħed ifakkar li t-twaħħil ta' bus shelters issa huwa responsabilta' tal-Kunsilli Lokali.

Qormi — Triq il-Kanun

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-dipartiment tat-toroq għamilx studju fuq il-bżonn ta' xi tip ta' pedestrian crossing għal Triq il-Kanun Ħal Qormi, jiġifieri qrib is-showroom tal-kumpanija Flamingo? Jekk iva, x'irriżulta? X'passi se jittieħdu biex jingħeleb il-perikolu li hemm gċal kull min jgħix u jaħdem f'din l-area? Meta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq m'għandu l-ebda studju speċifiku dwar faċilitajiet għal biex jaqsmu pedestrians f'din it-triq. Għalkemm ġew osservati nies jaqsmu din it-triq minn żmien għal żmien, dan mhux lokal fejn il-qsim tat-triq għandu jiġi nkoraġġit peress li barra li jgħaddi ħafna traffiku, hemm diżlivell bejn il-karreġjati, iktar u iktar meta jidher li hemm mezzi oħra ta' kif persuni f'dawn l-inħawi jistgħu jaqsmu. Madankollu tajt struzzjonijiet lid-Direttorati għat-Toroq u dak ta' l-Immaniġjar għat-Traffiku biex jaraw xl-aħjar li jsir biex ikun evitat il-periklu f'din it-triq.

Qormi — Triq M A Vassalli

Question

Jaf l-Ministru li l-mina faċċata ta' Triq M A Vassalli u l-isfel mit-Triq Aħwa Żammit f'Ħal Qormi u li suppost hija mezz sigur biex pedestrians li jkollhom bżonn jaqsmu għan-naħa ta' Sta. Venera, tinsab bla dawl u għalhekk l-użu tagħha huwa mxekkel? Jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru l-faċilitajiet meħtieġa biex din il-mina tkun tista' tintuża b'mod kif suppost?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq fil-preżent qed jagħmel l-arranġamenti mad-Dipartiment tal-Manutenzjoni u Servizzi fid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet biex isir id-dawl f'din il-mina u wara tingħata tindifa u facelift.

Road Construction Works

Question

B'referenza għall-PQ 32708 jista' l-Ministru jgħid jekk l-item road contruction works tinkludiex fiha l-ispejjeż minfuqa fl-asfaltar tal-first course u l-wearing course ukoll?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-item road construction works tinkludi fiha l-ispejjeż tax-xogħol li sar, jiġifieri Base Course.

Triq Sir Hildebrand Oakes — Gzira

Question

Jista' l-Ministru jgħid jistgħux isiru arranġamenti biex Triq Sir Hildebrand Oakes, il-Gżira, tiġi one way bit-traffiku jinżel mill-parti ta' fuq flok jitla minn isfel għal fuq? Jista' jikkunsidra wkoll li il-bus stop li hemm ħdejn Gasan Enterprises f'Rue D'Argens, il-Gżira jitmexxa qrib l-uffiċini ta' Laferla Insurance, aktar il-fuq fit-triq fejn illum hemm traffic island?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku għadda t-talba ta' l-Onor. Interpellant lill-Kunsill Lokali u s-suġġeriment ser jiġi diskuss fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill susegwentament jintbagħtu lid-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku għad-deċiżjoni finali.

Pulizija — Sleeping Policeman

Question

Jista' l-Ministru jgħid jistax isir sleeping policeman fil-parti ta' fuq ta' Triq Madonna tal-Ġebla, il-Gżira, minħabba l-ispeed li bih jitla' t-traffiku f'din it-triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku approva talba tal-Kunsill Lokali biex issir road hump kif ġie mitlub mill-Onor. Interpellant u x-xogħol relattiv ser isir fil-pjan ta' ħidma għas-sena finanzjarja (tal-Kunsill Lokali) li bdiet f'April 2002.

Gżira — Triq Madonna tal-Ġebla

Question

Jista' l-Ministru jgħid tistax tiġi kkunsidrata l-possibilita' li Triq Madonna tal-Ġebla, il-Gżira ssir one way, l-aktar fil-parti qrib l-iskola tal-gvern?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku għadda t-talba ta' l-Onor. Interpellant lill-Kunsill Lokali u s-suġġeriment ser jiġi diskuss fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill sussegwentament jintbagħtu lid-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku għad-deċiżjoni finali.

Toroq — Petizzjoni - Triq ix-Xemx u l-Qamar

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra in vista tal-petizzjoni preżentata minn numru ta' residenti ta' Triq ix-Xemx u l-Qamar, Fgura fhiex waslet din it-talba u jistgħax wkoll jintbgħat f'kull każ rappresentant tad-dipartiment tat-toroq sabiex jara u jagħmel rapport fuq l-ilmenti?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi għar-risposta għal Mistoqsija Parlamentari Numru 30891.

St Peter's — Żabbar

Question

B'referenza għad-domandi parlamentari preċedenti jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'passi qed jittieħdu fuq t-toroq li għadhom mhux fi stat tajjeb ġewwa l-area magħrufa bħala ta' St. Peter's Żabbar senjatament Triq il-Farfett tal-Fejġel u l-Għakrux?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li qed jitħejja rapport rigward il-kundizzjoni tat-toroq li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant li huma kollha fl-istess żona.

Triq iż-Żarżarell — Żabbar

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ġiet tiswa t-triq magħrufa bħala Triq iż-Żarżarell Żabbar fil-formazzjoni u asfaltar tagħha?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li f'din it-triq għadu ma sarx xogħol ta' formazzjoni jew asfaltar. Peress li din tinsab fl-istess żona ta' toroq, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għal mistoqsija parlamentari Nru. 32869.

Triq Ġiuseppi Gravina — Għaxaq

Question

Għar-rigward tal-parti ġewwa ta' Triq Ġiuseppi Gravina Għaxaq, jista' l-Ministru jara li din il-parti żgħira tat-triq issir ukoll bħal kumplament tat-triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq ħa nota ta' din it-triq biex tiġi nkluża fil-programm ta' asfaltar aktar 'il quddiem.

Triqat — Għaxaq

Question

Jista' l-Ministru, għar-rigward tat-Triq il-Barbazzal u San Ġużepp Ħal għaxaq, jara li dawn jiġu mogħtija wiċċ ġdid?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta għal Mistoqsija Parlamentari Numru 32885.

Triq Leonardo Abela — Ħal Tarxien

Question

Jista' l-Ministru jintervjeni sabiex Triq Leonardo Abela f'Ħal Tarxien tiġi asfaltata mill-aktar fis peress li qatt ma ġiet asfaltata u qed toħloq mhux bis inkonvenjent għar-residenti iżda periklu serju għal saħħithom?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li qed isir xogħol preparatorju minn naħa tad-Direttorat għat-Toroq biex din it-triq tkun tista' tiddaħal fil-programm tax-xogħlijiet.

Qormi — Triq 10 ta' Settembru

Question

B'referenza għal mistoqsija parlamentari nru. 30795 dwar Triq l-10 ta' Settembru f' Ħal Qormi, u għat-tweġiba għaliha, fid-dawl tal-fatt li l-problema tal-għargħar f'din it-triq mhix kwistjoni tal-livell mal-wied kif indikat, iżda kwistjoni ta' kif taqleb it-triq minħabba li għadha mingħajr tarmac?

Response (GALEA, ĊENSU)

Waqt li nirreferi lill-Onor. Interpellanta għar-risposta parlamentari Nru. 30795, tajt struzzjonijiet lid-Direttorat għat-Toroq biex fil-każ li din it-triq tista' tiġi rranġata mingħajr ma jiġu kkaġunati aktar problemi ta' għargħar fl-akwati, jittieħdu l-passi neċessarji biex ix-xogħol meħtieġ fiha jitwettaq.

Vetturi — Plates

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 31851 dwar jekk jistax l-Ministru jgħid x'qed isir minn number plates tal-vetturi li jiġu scrapped?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li n-Number Plates tal-vetturi li jiġu scrapped jitqattgħu f'dik il-ġurnata li jiġu rritornati fid-Direttorat. Dan, naturalment igħodd għal dawk il-każi fejn min jiskrappja vettura, jinforma lid-Direttorat.