Legislature:
Category:
Reset
Active:

Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ konsulenti li jaħdmu mas-Segretarjat għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-ewwel parti tal-Mistoqsija Parlamentari numru 4388.

Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali – konsulenti – pakkett finanzjarju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti li jaħdmu mas-Segretarjat għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali? X'inhu l-pakkett finanzjarju ta' dawn il-konsulenti inkluż paga, allowances u perkaċċi oħra?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif mogħti lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Pitkalija – kontribuzzjoni tal-bdiewa, pitkala u xerrejja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li jgħolli l-kontribuzzjoni tal-bdiewa, pitkala u xerrejja bħala persentaġġ mill-valur ta' bejgħa li jbiegħu fi prodotti agrikoli mill-Pitkalija biex tmur għal ħasil, irranġar u bdil fejn meħtieġ tal-kaxxi tal-Pitkalija? Kemm se tiġi tiswa din il-kontribuzzjoni? Jista’ jgħid jekk hux se jikkonsulta mal-bdiewa, pitkala u xerrejja qabel ma jiddeċiedi li jibdel l-ammont ta' din il-kontribuzzjoni, jekk din se tinbidel?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif mogħti lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari l-kontribuzzjoni ser tiżdied minn €.003 għal €.009 għal kull Ewro ta’ bejgħ. Din iż-żieda ser tiġi mħallsa mill-bdiewa u mix-xerrejja. L-amminstrazzjoni tal-Pitkalija kemm il-darba laqgħet il-kummenti tal-bdiewa u x-xerrejja fuq dan il-punt u l-fehma ġenerali kienet favur żieda ladarba dan ikun jista’ jgħin biex jitjieb is-servizz tal-kaxxi.

Il-Pitkalija – żieda fil-ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari żdiedux ħaddiema mal-Gvern li jaħdmu fil-Pitkalija? Jekk fl-affermattiv, kemm żdiedu ħaddiema, f' liema grad, kemm għandhom paga u minn liema lokalitajiet ġejjin dawn il-ħaddiema?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif mogħti lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari li mit-13 ta' Marzu 2013 s’issa mill-Pitkalija telqu 3 senior clerks li kienu parti mill-Amminstrazzjoni tal-Pitkalija. Bħala ħaddiema ġodda inħatar Principal Security Officer Scale 11 li qiegħed jaħdem mal-Amminstrazzjoni tal-Pitkalija, Principal Skala 9 li qed taħdem mal-Farmers Markets, Senior Engineer Skala 5 li qed jaħdem mal-Pitkalija Ltd. Intant peress li qed tinbidel is-sistema tal-ħasil tal-kaxxi, sabiex ma tibqax immexxija minn entitajiet ta’ terzi persuni, minn Mejju tal-2015 bdew jaħdmu mal-Pitkalija 9 Crate Operators Skala 20. Dawn il-ħaddiema ġejiin mill-lokalitajiet tal-Mosta, mir-Rabat minn Ħaż Żebbuġ, minn Ħal Qormi, mill-Gudja u mis-Siġġiewi.

Pitkalija — kaxxi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li jibdel il-kaxxi eżistenti li qed jintużaw bħalissa fil-Pitkalija? Ta' liema materjal se jkunu dawn il-kaxxi ġodda?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif mogħti lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, bir-Riforma tal-Pitkalija hemm il-ħsieb li l-kaxxi ser jinbidlu biex ikollhom ċippa inkorporata ġol-kaxxa sabiex il-kaxxi jkunu aktar traċċabli, tiżdied l-informazzjoni kif tiżdied ukoll it-trasparenza fil-mod kif il-kaxxa tiddaħħal ġewwa l-Pitkalija u kemm iddum barra. Rigward il-materjal, dan ser ikun tal-istess kwalità tal-kaxxi li qed jintużaw bħalissa.

Pitkalija – bdil ta’ sistema ta’ tqassim ta’ kaxxi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li tinbidel is-sistema ta' kif jiġu mqassma l-kaxxi tal-Pitkalija lill-bdiewa? Jekk se jkun hemm xi tibdil, jista’ jgħid kif se jiġu affettwati l-bdiewa, xerrejja u pitkala b'dan it-tibdil? Jista’ jgħid jekk il-bdiewa, pitkala u xerrejja ġewx ikkonsultati jekk se jsir xi tibdil fil-proċedura eżistenti?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif mogħti lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, is-sistema ta’ kif jiġu mqassma l-kaxxi tal-Pitkalija qed tiġi studjata fid-dettal u titħabbar bħala parti mir-Riforma tal-Pitkalija.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostennibli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – użu ta’ credit cards pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma jekk hu jew xi membri fis-Segretarjat tiegħu jagħmlux użu minn credit cards pubbliċi li nħarġu f’ismu jew f’isem xi ħadd fis-Segretarjat tiegħu? Jekk fl-affermattiv min huma dawk awtorizzati li jużaw dawn il-credit cards? Għal liema skop jintużaw dawn il-credit cards? Kemm kienet in-nefqa minn dawn il-credit cards għal kull credit card minn Marzu 2013 u jelenka separatament l-iskop wara kull nefqa? Jista’ jgħid ukoll minn min saru dawn il-pagamenti?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li t-talba għall-użu ta’ credit card hija intenzjonata li tkopri biss l-ispejjeż li jsiru waqt il-mawriet konnessi ma’ xogħol Ministerjali li nagħmel jien bħala Ministru u persuni min-naħa tas-Segretarjat li jakkompanjawni. Il-credit card u supplimentari tagħha saru biss wara li kien hemm l-ewwel l-approvazzjoni tal-Minsiteru tal-Finanzi u l-approvazzjoni tas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tiegħi, u mhux kif kien isir qabel fi żmien amministrazzjoni preċedenti f’għadd ta’ oqsma fejn sar infieq qabel ma wieħed ikun kiseb l-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi. Dan sar biex ikun hemm aktar ‘good governance’, kontabbilità u trasparenza, billi jsir l-iċċekkjar u qbil bejn riċevuti tal-ispejjeż u statements tal-bank tal-istess visa card , jiġifieri jsir ‘audit trail’ ċar. B’hekk ikun jista’ jiġi żgurat u vverifikat b’ċertezza li l-proċess ikun wieħed effettiv u effiċjenti. Ninsab infurmat ukoll li s-sistema addottata qed tħalli riżultati tajbin u sodisfaċenti u li s’issa ħadd ma ġibdilna l-attenzjoni jew inkella għarrafni li hemm xi problemi jew li seta kien hemm xi tip ta’ nuqqas, anzi bil-kuntrarju. Ma sar ebda xiri ieħor apparti mis-servizzi msemmija hawn fuq. Il-pagamenti jsiru biss mill-card holders, jiġifieri minni u miċ- Chief of Staff tiegħi. In-nefqa totali fl-imsemmija mawriet li tħallsu bil- credit card tammonta għal €43,015.76

Ministeru għall-Iżvilupp Sostennibli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — entitajiet - użu ta’ credit cards pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma jekk l-entitajiet li jaqgħu taħtu jagħmlux użu minn credit cards pubbliċi? Jekk fl-affermattiv min huma dawk l-entitajiet li huma awtorizzati li jużaw dawn il-credit cards? Għal liema skop jintużaw dawn il-credit cards? Kemm kienet in-nefqa minn dawn il-credit cards pubbliċi għal kull entità minn Marzu 2013 u jista’ jelenka separatament l-iskop wara kull nefqa? Jista’ jgħid ukoll minn min saru dawn il-pagamenti?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li skond tagħrif miġbur mill-Kumpanija WasteServ u mgħoddi lill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, il-WasteServ hija l-entità taħt id-dekasteru tiegħi li tagħmel użu minn credit cards. Dawn il- credit cards jintużaw miċ-Ċermen u mis-CEO tal-WasteServ kif kienet il-prassi tul il-leġislatura preċedenti. B’differenza li kienu biss id-diriġenti t’issa li kisbu l-permess mill-Ministeru tal-Finanzi qabel ma applikaw għall- credit cards , għaliex jidher li anki hawn ma kinitx l-użanza mill-amministrazzjoni preċedenti li tmur il-Finanzi għall-approvazzjoni qabel ma japplikaw għall- credit cards . Dawn il- credit cards jintużaw għall-istess skopijiet kif kienu jintużaw cards tul il-leġislatura l-oħra. Qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra li turi l-infieq bil- credit cards mill-WasteServ minn Marzu 2013 sal-preżent.

Tħawwil ta’ siġar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tħawwlu siġar ġodda mill-Ministeru mmexxi minnu fl-ewwel ħames xhur tal-2015? Jista' l-Ministru jgħid dawn fejn tħawwlu u min hu responsabbli għalihom?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li skond l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti qed inpoġġi Tabella fuq il-mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Numru ta’ annimali li ġew impurtati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew importati annimali minn barra pajjiżna matul l-2013, l-2014 u l-2015 sal-ġurnata illi fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid x'kienu dawn l-annimali u jagħti elenku numeriku tagħhom?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tispeċifika għal-liema annimali qed tirreferi.

Waterpark ta’ Buġibba — manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17540 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk din is-sena qabel ma reġa’ nfetaħ il-waterpark ta' Buġibba, saritx manutenzjoni tiegħu? Fost l-oħrajn jista' jgħid jekk l-art tal-istess waterpark filfatt ġietx miżbugħa biex jiġi assigurat li ma jkunx hemm periklu ta' żlieq għat-tfal li jattendu f'dan il-park?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li bħal kull sena, anke din is-sena saru x-xogħlijiet ta' manutenzjoni meħtieġa qabel ma nfetaħ il-Waterpark ta' Bugibba għall-pubbliku. Biex jiġi assigurat kemm jista' jkun li ma jkunx hemm inċidenti ta' żliq mit-tfal, din is-sena ġew imkaħħla u rtukkjati il-"construction joints". Madanakollu xorta jibqa' l-fatt li peress li jkun hemm tixrid ta' ilma kontinwu, it-tfal ikunu regolarment imwissija biex ma jiġrux ħalli jevitaw li jiżolqu. Hemm il-ħsieb li fil-gejjieni qrib issir kampanja edukattiva rigward l-użu u l-konservazzjoni tal-ilma li jintuża fil-Park

Proposti ta' tisbiħ fil-lokalità ta' Fgura, l-Imsida, San Pawl il-Baħar u r-Rabat Għawdex

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12802, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar min kien responsabbli mill-għażla tas-siġar/pjanti li ntgħażlu biex jitħawlu f’kull waħda mil-lokalitajiet li hemm imsemmija?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond kif mgħarraf mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, is-siġar u l-pjanti, il-proposti għat-tħawwil u s-siti, ġew sottomessi l-ewwel mill-Kunsilli Lokali rispettivi. Wara li dawn il-proposti ġew evalwati minn kumitat tekniku li kien jinkludi d-Direttur tal-Parks, żewġ konsulenti tekniċi fl-agrikoltura u senior agricultural officer, sar skambju ta’ ideat fejn ingħataw pariri sabiex isiru l-aktar għażliet adattati għas-siti.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostennibli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima – ħlas ta’ impjegati fis-Segretarjat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux nies jaħdmu fis-Segretarjat tiegħu iżda jitħallsu minn entità li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu? Kemm huwa n-numru ta’ impjegati li qed jaħdmu b’din il-kundizzjoni? Min huma l-persuni li qed jaħdmu b’dan il-mod? B’kollox kemm huwa l-ammont totali ta’ nies li jaħdmu fis-Segretarjat tiegħu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li fis-Segretarjat tiegħi ma hemm l-ebda uffiċjal li jitħallas minn entità li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħi. Fl-istess waqt l-ammont totali ta’ nies li jaħdmu fis-Segretarjat tiegħi huwa fil-parametri tad-dokument “Engagement of Staff for Ministers’ Secretariats” li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra mill-Prim Ministru fil-15 t’April 2013.

Marsaxlokk – skallijiet- injam miksur

Question

Peress li l-iskallijiet kollha li hemm fir-raħal ta’ Marsaxlokk għandhom l-injam miksur u dan qed joħloq inkonvenjent u danni kbar lis-sajjieda Xlukkajri, jista’ l-Ministru jgħid meta dawn l-iskallijiet se jitranġaw u jinbidlilhom l-injam tagħhom?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li ngħatat għal Mistoqsija Parlamentari 16985

Marsaxlokk – il-Magħluq — Masterplan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hu jew is-Segretarju Parlamentari li jaqa taħt ir-responsabilità tiegħu ġewx ikkonsultati mill-MEPA meta ġie fformulat il-Masterplan għall-Magħluq f'Marsaxlokk? X'inhi r-raġuni li fit-tfassil ta' dan il-Masterplan, is-sajjieda ta’ Marsaxlokk ma tħallilhomx spazju fejn ikunu jistgħu jipprattikaw is-sengħa tradizzjonali tagħhom, bħal tiswija ta’ konzijiet, xbieki, u diversi inġenji tal-baħar oħra kif ukoll parkeġġ adekwat fejn is-sajjieda jkunu jistgħu jipparkjaw il-vetturi tagħhom li fihom iġorru l-inġenji tal-baħar fejn jorbtu l-opri tal-baħar tagħhom?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Pixkerija l-Ġdida — ftuħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li għalkemm f’risposta għall-mistoqsija parlamentari 2457 li saret fit-12 ta’ Ġunju 2013 dwar meta se tinfetaħ il-Pixkerija l-ġdida, kien stipula li d-data tal-ftuħ kellha tkun Marzu tal-2014, u għalkemm diġà għaddew sena u tliet xhur mid-data ta’ meta suppost kellha tiftaħ il-Pixkerija,din għadha magħluqa sal-ġurnata tal-lum?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Mistoqsija Parlamentari 2457 kienet fuq ix-xogħolijiet li kienu qed isiru fuq il-pixkerija. Fil-fatt skond kif ninsab mgħarraf mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari x-xogħolijiet infrastrutturali hekk kif kienu maħsuba fit-tender li kien ħareġ il-Gvern preċedenti huma konklużi. Dawn ix-xogħolijiet ġew konklużi anke wara numru ta’ nuqqasijiet fil-pjanti oriġinali li ġew indirizzati. Tajjeb li wieħed isemmi l-fatt li l-Gvern preċedenti ma kellu l-ebda pjan għall-operat ta’ din l-istruttura. Biżżejjed ngħid li kien hemm nuqqasijiet fejn jidħlu standards rikjesti mill-liġi għal stabbilimenti tal-ikel u ma kienx hemm sistema ta’ tikketjar jew traċċabiltà. Kien hemm ukoll nuqqasijiet ta’ faċilitajiet sanitarji mill-aktar bażiċi u kien hemm nuqqas kbir fis-sistema ta’ sigurtà fid-dħul u ħruġ mill-Pixkerija, inkluż nuqqas kbir ta’ faċilitajiet ta’ parkeġġ. Jidher ċar li l-ħsieb, jew in-nuqqas tiegħu, kien li tiġi replikata sistema arkajka tal-Pixkerija l-antika ġo binja ġdida mingħajr ebda avvanz fil-prattiċi preżenti, anzi b’disaġġ kbir għas-sajjieda, peress li tinsab il-bogħod mill-baħar. Insemmi wkoll li ma kinitx saret konsultazzjoni mas-settur u ma kienux ser jiġu ndirizzati l-ħtiġijiet regolatorji mitluba mill-Unjoni Ewropea għas-settur. Fuq l-operat tal-pixkerija nixtieq ngħid li wara konsultazzjonijiet mas-settur ġejna mitluba li din tinfetaħ wara l-istaġun tal-lampuki u meta jkunu tlestew ix-xogħlijiet kollha biex jiżguraw operat effiċjenti u effettiv. Fil-fatt huwa ppjanat li l-pixkerija, apparti s-servizz bażiku ta’ rkant tkun qed toffri aktar akkontabilità kif ukoll servizzi bħal dawk tat-traċċabiltà, standards tas-suq u tikketjar li huma mitluba bil-liġi. L-importanti hu li l-pixkerija ser tkun ukoll registrata bħala stabbiliment ta’ l-ikel mal-awtoritajiet tas-saħħa ambjentali u dawk tal-veterinarja, ħaġa li ma kinitx maħsuba mill-awtoritajiet preċedenti.

Produtturi tat-tadam — sussidju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa maħsub li se jitħallas is-sussidju għall-2014 lill-produtturi tat-tadam għax s’issa għadhom ma tħallsux?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, id-Direttorat tal-Agrikoltura kkonkluda l-proċess għall-ħruġ taċ-ċekkijiet mit-Teżor fis-26 ta' Ġunju 2015. Dawn iċ-ċekkijiet fil-fatt ħarġu u ntbatu lill-għaqdiet tal-produtturi tal-bdiewa li jipproduċu t-tadam għall-iproċessar sabiex isir il-ħlas relattiv lill-bdiewa membri tagħhom. Infurmat ukoll mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li l-istess għaqdiet ħarġu ċ-ċekkijiet kollha dovuti lill-bdiewa.

Pitkalija – ordni maħruġa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux veru li ħarġet ordni mill-Ministeru tiegħu jew tas-Segretarju Parlamentari li jaqa taħt ir-responsabilità tiegħu jew minn rappreżentant tiegħu li l-ebda Membru Parlamentari m’għandu jitħalla jidħol fil-Pitkalija? Min kienet il-persuna li ħarġet din l-ordni? X’inhi r-raġuni li nħarġet din l-ordni?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab mgħarraf mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li sakemm ma tkunx impjegata tad-Dipartiment, persuna tista’ tidħol fil-Pitkalija hekk kif tkun reġistrata mal-management tal-Pitkalija bħala pitkal, jew bħala bidwi jew inkella bħala xerrerj/a u tkun tista’ tidħol biss għal dak l-iskop li tkun reġistrata għalih. F’każijiet eċċezzjonali jingħataw permessi ad hoc lil xi persuni oħra sabiex iżuru l-Pitkalija, iżda kull każ ikun itrattat skond iċ-ċirkostanzi u tkun trid issir talba minn qabel lill-management.

L-Imnarja – Raħħala li jrabbu l-baqar — kompetizzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li fl-attivitajiet li saru fil-Buskett għall-okkażjoni tal-Imnarja, ir-raħħala li jrabbu l-baqar ma ħadux sehem fil-wirja u l-kompetizzjonijiet li jsiru għal din l-okkażjoni bħalma kien isir fis-snin imgħoddija?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, l-organizzaturi ta’ din il-wirja ma ħarġu l-ebda invit / stedina lil xi raħħal jew bidwi individwali, iżda stiednu lill-għaqdiet ikkonċernati biex jekk iridu, b’mod volontarju, jipparteċipaw. Id-deċiżjoni dwar parteċipazzjoni tħalliet f’idejn l-għaqdiet infushom.

Waste Management Plan – Third organic Waste bag

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tiddaħħal it-third organic waste bag li hemm imsemmija fil-Waste Management Plan 2014? Jista’ l-Ministru jgħid f’liema xahar ta’ liema sena hemm il-ħsieb li din tiddaħħal?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, il-proġett pilota għall-introduzzjoni tal-organic bag f’5 lokalitajiet f’Malta ser jiġi varat fil-jiem li ġejjin.