Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar tal-Anzjani – djar aċċettati mill-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma d-Djar tal-Anzjani li huma aċċettati mill-Gvern, bħala djar li fihom jistgħu joqgħodu anzjani? Jista' jgħid il Gvern ma’ liema minn dawn id-djar għandu ftehim ta' kollaborazzjoni? Kemm hu f’kull każ, in-numru ta’ anzjani li għalihom jgħodd il-ftehim li għandu l-Gvern?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, it-tagħrif dwar liema huma d-Djar tal-Anzjani li huma aċċettati mill-Gvern, bħala djar li fihom jistgħu joqogħdu l-anzjani, għandu jintalab lill-Ministeru għall-Enerġija u Saħħa minħabba li huwa d-Direttorat tal-Health Care Services Standards li jilliċenzja d-Djar kollha għal-Anzjani f’Malta u Għawdex. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, l-informazzjoni mitluba minnu, dwar liema huma d-Djar tal-anzjani li l-Gvern għandu ftehim ta’ kollaborazzjoni magħhom, u kemm huwa n-numru ta’ anzjani li għalihom jgħodd il-ftehim li għandu l-Gvern, tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kontribuzzjonijiet għall-anzjani

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 20084, jista' l-Ministru jgħid f’liema xahar qed titħallas il-lump sum ta' €300 lill-anzjani ta' 'l fuq minn 75 sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din is-sena, l-Għotja għall-Anzjani ta’ €300, għal dawk li għandhom 75 sena jew aktar, tħallset kollha kemm hi fis-6 ta’ Frar 2016. L-għotja, nerġa’ ntenni sħiħa, tħallset lil dawk kollha li s-sena l-oħra kellhom 75 sena jew aktar. Kif dejjem sar sa mill-bidu tal-ħlas ta’ din l-għotja, dawk li għalqu jew jagħlqu l-75 sena mill-bidu ta’ din is-sena ‘l quddiem, jitħallsu pro-rata minn meta jagħlqu ¿mienhom sal-aħħar ta’ din is-sena. Għalhekk, kull xahar isir proċess biex jitħallsu dawk kollha li jagħlqu 75 sena matul ix-xahar kurrenti. Dawn imbagħad mis-sena d-dieħla ‘il quddiem jirċievu it-€300 sħaħ huma wkoll. Bħalma tista’ tinnota l-Onorevoli Membru, dan hu għal kollox kontra l-misinformazzjoni qarrieqa li ngħatat minn xi ġurnali lokali u xi membri parlamentari fil-Parlament.

Struttura perikoluża – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsir kuntatt mal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament dwar struttura li hija proprjeta tal-gvern u li hija perikoluża fejn anke hemm rapport dwarha mill-għassa tal-lokal?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, il-każ imsemmi minnu qiegħed jingħata l-attenzjoni mehtieġa. L-individwu ġie kkuntattjat u nfurmat bl-eżitu.

Pensjoni tal-Invalidità – żidiet fil-pensjoni

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 23050, jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawk l-4,026 persuna li qed jirċievu Pensjoni għall-Invalidità kellhom żieda fil-pensjoni tagħhom (eskluż il-bonus u ż-żieda għall-għoli tal-ħajja) skont kif imħabbar fil-Baġit 2016?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tispeċifika liema hi l-inizjattiva fil-Baġit 2016 li terreferi għall-Pensjoni tal-Invalidita’.

Il-kummissarju għat-tfal

Question

Peress illi jirriżulta li sal-lum il-Kummissarju għat-Tfal għada tokkupa l-kariga ta’ Deputy Chairperson fil-Bord tad-Diretturi tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC), jistax il-Ministru jgħid jekk il-Kummissarju għat-Tfal għandhiex l-intenzjoni li tirriżenja minn din il-kariga ta’ Deputy Chairperson f’dan il-Bord? Jista’ jgħid jekk talabx lill-Kummissarju għat-Tfal biex ma tibqax tokkupa din il-kariga ta’ Deputy Chairperson f’dan il-Bord?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalma suppost taf, ma hemm xejn fl-Att dwar il-Kummissarju tat-Tfal u lanqas fl-Att dwar is-servizzi tal-Impjieg u Taħriġ li jimpedixxi li persuna tkun fiż-żewġ posizzjojiniet.

Il-Belt – Triq San Ġużepp – stallazzjonijiet ta’ lifts

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 23043, jista’ l-Ministru jwieġeb jekk sarux diġà l-ispezzjonijiet neċessarji f’dawn il-blokkok u jekk ġiex stabbilit f’liema blokkok jistgħu jsiru dawn il-lifts?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Awtorita’ tad-Djar irċeviet applikazzjoni waћda gћall-installar ta’ lift fi Triq San Ġużepp, Valletta. Rigward l-applikazzjoni msemmija, saret spezzjoni fejn ġie mkejjel il-komun u sar studju fuq din il-blokka residenzjali mill-periti tal-Awtorita’ tad-Djar. Il-konklużżjoni kienet li l- lift, skont Standards maћruġin mill-KNPD, ma joqgħodx f’dan il-komun, minħabba kif inhi mibnija u mqassma l-istess parti komuni. Dan l-istudju sar darbtejn, u ġie konkluż li l- lift ma jistax jiġi kkunsidrat f’din il-Blokka. L-applikanti ġew notifikati bil-konklużjoni li mhux possibli li jkun installat lift fil-binja.

Dar Thouret – laqgħat mar-residenti

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 22679, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kwistjoni ġietx riżolta u jekk għadux jirċievi lmenti mir-residenti li joqogħdu f’dawk l-inħawi?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant, illi l-interess ewlieni tal-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali u ta’ dan il-Ministeru huwa l-benesseri (well being) tal-minuri li jirrisjedu ġewwa Dar Thouret u dan kemm minħabba li huma mħarsa b’Ordni għall-Ħarsien (Care Order) u kemm għax għaddew minn bosta trawmi u placement break downs minn djar u residenzi oħra qabel ma spiċċaw fid-dar imsemmija. Ninforma lill-Onor. Interpellant li, qegħdin fil-proċess li nsibu post alternattiv u adekwat li jkun jista’ jiġi attrezzat bħala therapeutic secure unit , minn fejn dawn il-minuri jiġu mgħejjuna jegħlbu l-isfidi tagħhom b’mod ħolistiku. Fil-fatt, qegħdin anki f’kuntatt ma’ esperti barranin li jmexxu servizzi bħal dawn, kemm biex tkun imwaqqfa din il- unit b’mod professjonali u kemm biex nagħtu t-taħriġ meħtieġ lill-impjegati li se jkunu qed jaħdmu f’din il-unit.

Djar tal-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm sabiex il-Gvern jibni aktar Dar tal-Anzjani f’Malta u f’Għawdex? Jista’ jgħid fejn ser ikunu qed jinbdew dawn id-djar tal-anzjani u meta ser ikunu lesti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, il-pjanijiet tal-Gvern jinkludu kemm proġetti tal-Gvern stess kif ukoll proġetti mal-privat.

Aġenzija Appoġġ — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu ħaddiema ġodda u f’liema grad mal-Appoġġ mit-13 ta’ Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma, sena sena,?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, t-tagħrif mitlub minnu jinsab fit-tabella li qed titpogga fuq il-mejda tal-kamra.

Applikazzjoni għall-post tal-Gvern – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara fiex wasal il-każ tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament illi applikat għall-post tal-Gvern tliet snin ilu minn meta kienet f’Dar Merħba Bik, imma sal-lum għada bla risposta?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-każ imsemmi minnu qiegħed jingħata l-attenzjoni meħtieġa.

St. Vincent De Paul — laundry

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta jkun hemm ħaddiema bis-sick fil-laundry ta’ St. Vincent De Paul (SVDP), minflok jiddaħħlu l-ħaddiema ta’ SVDP bl-overtime, idaħħlu ħaddiema tal-kuntrattur? Jekk dan hu minnu, x’inhi r-raġuni li qed isir dan?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-complement tal-ħaddiema (kemm ħaddiema tal-gvern, kif ukoll ħaddiema tal-kuntrattur), fis-sezzjoni tal-laundry huwa milħuq.

St. Vincent De Paul — laundry

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jew jiċħad illi l-laundry ta’ St. Vincent De Paul (SVDP) ser tiġi trasferita għal mal-privat? Jekk dan hu minnu, x’inhi r-raġuni li ser isir dan u x’ser isir mill-ħaddiema ta’ SVDP li bħalissa qegħdin jaħdmu fil-laundry?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor Interpellant li, ma hemm l-ebda ħsieb u intenzjoni li l-laundry tar-Residenza San Vinċenz de Paule, tiġi privatizzata. Dan l-aħħar sar investiment sabiex jitjieb l-operat, u jinħoloq ambjent aktar sigur u attrezzat. Il-ħaddiema jinsabu ferm kuntenti u sodisfatti li wara tant snin ta’ telqa, fl-aħħar qed jaħdmu f'ambjent li hu miżmum tajjeb apparti servizz ferm aktar effiċjenti għar-residenti kollha.

Allowance lill-ħaddiema li jaħdmu mal-pazjenti fis-swali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li għalkemm il-ħaddiema li jaħdmu mal-pazjenti fis-swali kienu mwegħdin li ser jingħataw allowance ta’ €300 fis-sena, sa issa dawn għadhom ma ħadux din l-allowance? Meta hemm il-ħsieb illi dawn il-ħaddiema jibdew jieħdu din l-allowance?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, ma hemm l-ebda forma ta’ allowance li tammonta għal €300 fis-sena u li tingħata lill-ħaddiema li jaħdmu mal-pazjenti fis-swali ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paule.

Xiri ta’ propjetà – każ ta persuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx problema biex persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament tixtri r-residenza fejn toqgħod? Jista’ jgħid jekk tistax tagħmel kuntratt konvenju peress li fl-istess blokka hemm residenti li għamlu kuntratt konvenju tal-post?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-individwu ġiet infurmata bil-miktub bl-eżitu tal-każ.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — xogħol ta'konsulenza lill-kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħatat xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, fondazzjonijiet, aġenziji, kumpaniji, korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, sena b’sena, mill-2004 sa’ Marzu 2013? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender, kemm kienet l-ispiża f’kull każ u x’kien ix-xogħol mogħti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Ministeru tiegħi u l-entitajiet, dipartimenti, fondazzjonijiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, ma tawx xogħol ta’ konsulenza mill-2004 sa’ Marzu 2013, kemm b’direct order jew b’tender lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw b’mod separat.

Transport Malta – diskussjonijiet dwar is-servizz ta’ trasport pubbliku fil-Belt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex għaddejjin diskussjonijiet ma’ Transport Malta dwar servizz ta’ trasport pubbliku fil-Belt Valletta li sal-lum huwa wieqaf b’detriment ta’ ħafna residenti anzjani li kienu jagħmlu użu minn dan is-servizz?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-Ministeru u s-Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b'Diżabilita', għaddejjin b'taħdidiet ma' Transport Malta b 'mod kontinwu, fuq diversi materji sabiex ikun żgurat li l-anzjani ikollhom kwalita' ta' ħajja aħjar. Bis-saħħa ta' din il-kollaborazzjoni, l-anzjani gawdew minn pakkett aħjar fejn jidħlu t-tariffi tat-trasport pubbliku.

Ministeru għall-Familja u Soliderjatà Soċjali – kariga ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm, l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, għamel żmien jaħdem fis-Segretarjat tal-Ministeru tiegħu jew tas-Segretarju Parlamentari li hemm fil-Ministeru tiegħu? X’kienet il-kariga tiegħu? Meta beda jaħdem fis-Segretarjat u meta spiċċa? X’kienet ir-raġuni li spiċċa mis-Segretarjat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-persuna kkonċernata, kienet impjegata mas-Segretarjat Parlamentari, bħala messaġġier fl-14 ta' Mejju 2014 sa ma rriżenja fit-23 ta' Ottubru 2015.

Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità – Dewmien sabiex jinħatar bord ġdid

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-bord tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità ilux li ġie xolt sa minn Ottubru 2015 u jekk iva x'inhi r-raġuni għal dan id-dewmien kollu sabiex jinħatar bord ġdid?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. interpellant li l-membri tal-bord tal-KNPD se jkunu nfurmati fil-jiem li gejjin

Pensjonanti -ex-ħaddiema taċ-ċivil — żieda tal-Collective agreement

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta l-pensjonanti li huma ex-ħaddiema taċ-ċivil, se jitħallsu ż-żieda tal-collective agreement għas-snin 2014 u 2015?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, numru ta’ ex-ħaddiema taċ-ċivil diġa’ tħallsu arretrati bis-saħħa ta’ żidiet tal-collective agreement, madanakollu, nikkonferma li għad fadal xogħol xi jsir sabiex jitlesta l-eżerċizzju kollu.

Tfal li inħarġulhom care orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fost it-tfal li nħarġulhom care orders, kemm kienu aħwa u kif kienu mqassma bħala aħwa u f’kemm gruppi bejn l-1 ta’ Jannar 2015 u l-1 ta’ Frar 2016?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23131.