Jista’ l-Ministru jara li peress li l-mina li minn Triq il-Bajjada f’Ħal Qormi u li tagħti għal Santa Venera ma tintużax għax tinsab bla dawl , isiru l-arranġamenti neċessarji sabiex tingħata d-dawl sabiex tkun tista’ tintuża mir-residenti tal-madwar?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-dwal imsemmija ma jaqgħux taħt ir-responsabbilta’ tal-Enemalta plc.
Is-Siġġiewi – Triq Dun Manwel Zammit – tindif ta’ kamra fit-tarf tat-triq
Question
Jista’ l-Ministru jara li tittieħed azzjoni dwar kamra li tinsab fit-tarf ta’ Triq Dun Manwel Zammit is-Siġġiewi peress li hemm ammont ta’ ħamiem mejjet u ħmieġ ieħor fiha u li qiegħed jikkawża ammont insapportabli ta’ ntejjen u mikrobi fejn anke qed jinġabar ammont ta’ nemus li qed jirriżulta fi gdim infettat u dan fid-dawl li saru diversi rapporti lid-Dipartiment tas-Sanità però s’issa ma ttieħdet l-ebda azzjoni?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant illi peress li l-inkwwelin ikun imsiefer regolarment, id-Dipartiment tas-Sahha Ambjentali qed jaħdem flimkien mal-pulizija biex jittieħdu l-passi neċessarji.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu pazjenti bl-ambulanza fl-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei fil-lejl tas-26 ta' Gunju 2015 mill-kwarta ta' filgħodu sat-tlieta u kwart ta' filgħodu?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li kien tnax in-numru ta’ pazjenti irregistrati li waslu bl-ambulanza fl-isptar Mater Dei fil-hinijiet/data indikati.
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Gvern preżenti jrid iwaħħal meters ma’ spieri antiki meta dawn ma jieħdux ilma mill-water table iżda mill-ilma żejjed ta’ fuq it-tafal?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi b’mod ġenerali l-meters qegħdin jitwaħħlu skont Leġislazzjoni Sussidjarja 423.40.
Jista' l-Ministru jgħid x'remunerazzjoni, inkluż il-perkaċċi kollha, għandha l-persuna li tokkupa l-kariga ta' Executive Chairman tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-kariga ta' din il-persuna? Kien hemm sejħa pubblika għall-kariga li tokkupa din il-persuna?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-salarju taċ-Chairman Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma huwa relattiv ma’ dak taċ-Chairman ta’ qabel.
Jista’ l-Ministru jgħid, preżenzjalment (u ċjoè fid-data li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari) minn fejn jistgħu jieħdu fuel l-ambulanzi illi jintużaw mill-Gvern? Jista’ l-Ministru jagħti elenku tal-pompi tal-petrol li jistgħu jieħdu minnhom u jgħid ukoll kif u min jiddeċiedi minn fejn jittieħed?
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16564, jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija u jikkonferma li issa hi l-policy tal-Enemalta plc li dawk mislufa mal-Enemalta plc biss għandhom dritt jieħdu fuel mill-pompa tal-petrol tal-Enemalta plc? Liema kategorija ta' ħaddiema għandhom dritt jieħdu fuel għall-vetturi tagħhom personali? Hemm xi impjegati li qed jingħataw fuel minkejja li mhumiex mislufa mal-Enemalta plc? Hemm xi impjegati li qed jingħataw fuel għaliex huma impjegati diretti jew huma konsulenti mal-Enemalta plc? Hemm xi impjegati mislufa lill-entitajiet oħra li qed jingħataw fuel ukoll? Jekk iva, taħt liema kriterja qed jingħataw il-fuel?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor, Interpellant li ġejt infurmat illi l-Enemalta plc toffri fuel lil dawk il-ħaddiema sekondati magħha li jkunu jeħtieġu li jużaw il-vetturi privati tagħhom waqt ix-xogħol li jkunu mitluba jagħmlu għall-Kumpanija. Dan isir skont it-termini tal-ftehim kollettiv jew il-kuntratt tal-ħaddiema involuti, u skont l-esiġenzi tal-operat tal-Kumpanija.
Sptar Monte Carmeli – tenders u kuntratti ta’ tindif
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17010, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tenders u kuntratti ta’ tindif għall-Isptar Monte Carmeli għas-snin 2012, 2013, 2014 u 2015? Jista’ jgħid kemm kienet in-nefqa fit-tindif sena b’sena?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa tat-tindif ghall-isptar Monte Carmeli kienet:
€1,059,693.89 – fis-sena 2012,
€1,179,957.72 – fis-sena 2013, u
€1,511,673.47 – fis-sena 2014.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istrateġija tas-Saħħa Mentali għall-perjodu 2013-2015?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istrateġija tas-Saħħa Mentali għall-perjodu 2013-2015 tinvolvi l-implimentazzjoni tal-liġi l-ġdida tas-Saħħa Mentali. F'Ottubru ta’ 2013 bdew jiġu implimentati partijiet minnha u bdew isiru l-preparamenti sabiex f’Ottubru 2014 il-bqija tal-liġi tiġi fis-seħħ.
Minn Ottubru 2013 kull pazjent beda jingħata l-kura biss wara li jkun sar 'informed consent' minnu jew ir-'responsible carer' skont kif ikun il-każ. Għal kura ta' ECT beda ried ikun hemm qbil bejn żewġ psikjatri.
Sadanittant beda iseħħ it-tibdil strutturali sabiex jiġu milħuqa l-ħtiġijiet tal-liġi u jissaħħu t-timijiet multidixxiplinari għall-implimetazzjoni kompleta tal-liġi f'Ottubru 2014. Fl-ewwel xhur wara Ottubru 2014 l-emfasi kien fuq is-seħħ ta' treatment plans multidixxiplinari kif mitlub mill-liġi u fit-'time frames' mitluba mill-istess liġi. Gradwalment bdew jiġu implimentati l-'Community Treatment Orders' li huwa kunċett totalment ġdid, fejn kontra ta' kif kien qabel, biex wieħed jingħata l-kura għal mard mentali kontra r-rieda tiegħu, m'hemmx għalfejn jiddaħħal fi sptar mentali. Bil-Community Treatment Order, team multidixxiplanrju jsegwi l-pazjent mill-qrib filwaqt li l-kura tingħata fil-kommunita. Il-pazjent jiddaħħal biss fi sptar mentali jekk dan il-pjan ma jseħħx.
Kompla jissaħħaħ il-mekkaniżmu sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu implimentati b' mod effettiv. Meta persuna tiddaħħal u tinżamm f’faċilita liċenzjata għall-persuni bi problemi mentali, għandha ssir vaultazzjoni tal-persuna minn speċjalista fis-saħħa mentali fi żmien 24 siegħa minn meta l-persuna tiddaħħal f’tali sptar.Ta' min isemmi li matul dan l-istess żmien, għalkemm mhux rikjest mill-liġi l-ġdida, ġew miftuħa żewġ units ġodda. Waħda sala għan-nisa li jbatu mid-'dual diagnosis' ta' problemi ta' saħħa mentali u ta' droga. U infetħet ukoll residenza għaż-żgħażagħ u tfal li għandhom problemi ta' saħħa mentali.
Fl-aħħar ġimgħat infetaħ ukoll hostel f’Ħal Qormi b’kollaborazzjoni ma’ NGO, li fih jilqa’ 12-il pazjent li qegħdin jagħmlu t-tranżizzjoni mill-Isptar Monte Carmeli għall-ħajja fil-komunita.
Sptar Monte Carmeli – Mental Welfare Officers — warrant
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16150, jista’ l-Ministru jgħid minn min ħarġet il-warrant lill-Mental Welfare Officers? Kemm minn dawn il-Mental Welfare Officers huma infermiera u kemm huma social workers?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm 18-il persuna li għandhom permess li jaħdmu bħala Mental Welfare Officers. Dawn huma appuntati mis-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa. Minn dawn il-Mental Welfare Officers tmienja (8) huma infermiera u għaxra (10) huma social workers.
Sptar Monte Carmeli – Mental Welfare Officers — esperjenza
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16150, jista’ l-Ministru jgħid x’esperjenza għandhom il-Mental Welfare Officers fuq livell individwali?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpelant li l-Mental Welfare Officers kollha kemm huma għandhom snin twal ta' esperjenza ta' xogħol dirett ma' pazjenti li jbatu minn kundizzjoniniet ta' saħħa mentali. Xogħolhom huwa ta' social workers jew nurses. Qabel ingħataw il-liċenzja ta' mental welfare officers kollha għamlu kors fuq il-liġijiet tas-saħħa mentali u permezz ta ' assesments urew li laħqu l-kompetenza meħtieġa biex ikunu mental welfare officers.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16660 u ċjoè: B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 16424, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma s-siti li hemm referenza għalihom? Minbarra fil-perjodu msemmi, jista’ jgħid jekk f’perjodi oħra matul is-sena jsirux testijiet dwar il-kwalità tal-ilma tal-baħar? B’mod partikolari jista’ jgħid jekk fl-ewwel nofs ta’ Mejju 2015 sarux xi testijiet dwar l-ilma tal-baħar fl-inħawi tas-Sirens Waterpolo pitch u l-Menqa, f’San Pawl il-Baħar?
Response (MIZZI, KONRAD)
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija Parlamentari 16424 (sittax-il elf, erba’ mija, erbgħa u għoxrin), ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-lista tas-sebgħa u tmenin sit imqassmin f’erba’ żoni qegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ninsab infurmat illi jinġabru wkoll kampjuni mis-siti kollha ġimgħatejn qabel jibda l-istaġun uffiċjali tal-għawm, kif inhu rikjest mid-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar il-Maniġġjar għall-Kwalita’ tal-Ilma Baħar għall-Għawm. Din is-sena ttieħdu bejn l-4 u s-6 ta’ Mejju. Iż-żoni indikati mill-Onorevoli Interpellant jaqgħu u jiġu mmonitorati mis-sit C24 magħruf bħala Sirens.
Segretarjat Parlamentari għas-Saħħa — ingaġġ ta' individwu
Question
Jista’ l-Ministru, f’isem is-Segretarju Parlamentari jgħid jekk, u filkas liema, entitajiet, bordijiet, awtoritajiet, dipartiment u simili li għalihom huwa responsabbli fid-dekasteru tiegħu, ħatrux, appuntawx jew innominaw lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għal xi kariga, uffiċċju, jew ħatra, hi liema hi, mill-10 ta’ Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x’kienet il-ħatra, uffiċċju jew kariga? X’kien il-ħlas għaliha?
Għar Lapsi – impjant tar-reverse osmosis – xogħol ta’ rinovament
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol ta’ rinovament fuq l-impjant tar-reverse osmosis f’Għar Lapsi? Kemm huwa stmat li se jiġi jiswa u meta se jitlesta x-xogħol? Jista’ jgħid fiex jikkonsisti dan ix-xogħol?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li x-xogħlijiet mistennija jibdew fil-bidu tas-sena d-dieħla u jitlesta fi ftit xhur. Ix-xogħol jikkonsisti f'tibdil ta' makkinarju antik għal sistemi ġodda u innovattivi li joperaw b'anqas enerġija. L-istima tal-proġett hija ta' €700,000.
Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa — Konsulenza lil individwu
Question
Jista l-Ministru jgħid l-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jifformaw parti mid-dekasteru li hu jmexxi tawx xi forma ta' konsulenza lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jagħti garanzija ta’ ekwità ġusta fis-servizz tas-saħħa ladarba s-sistema tibda titħaddem mill-investitur ġdid? Se tinħoloq differenza bejn min jiflaħ iħallas u min ma jiflaħx iħallas fl-istess sptar?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li mhux talli s-servizz tas-saħħa ser jibqa’ b’xejn, talli ser titjieb il-kwalita’ ta’ servizz għal kull min illum huwa intitolat għal servizz ta’ saħħa b’xejn.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament huma l-istess investituri li riedu jixtru sptar privat ewlieni f’pajjiżna?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-Gvern ma jistax iwieġeb dwar transazzjonijiet privati.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li fl-Isptar t’Għawdex, il kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament se jieħdu l-management f’idejhom minn Settembru 2015?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s’issa l-kumpanija msemmija mill-Onorevoli Interpellant għadha fi stadju ta’ preferred bidder.