Jista’ l-Ministru jgħid f’liema ġeneru ta’ xogħol ingħataw impjieg persuni b’diżabilità mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, matul is-snin 2014 u 2015 b’mod separat?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-ingaġġ ta’ persuni b’diżabilità fil-postijiet tax-xogħol fis-snin 2014 u 2015 huwa kif muri fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Skola Primarja tar-Rabat Għawdex – sigurtà mal-binja
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21761, jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-Biblijoteka ta’ Għawdex, fl-Arkivji ta’ Għawdex u fl-Iskola Primarja tar-Rabat, Għawdex, li t-tlieta li huma jinsabu fl-istess binja fi Triq Vajringa, ir-Rabat Għawdex hemmx fire alarm u x’jiġri f’każ li jkun hemm nar meta dawn ikunu magħluqa issa li m’hemmx watchman mal-binja? Jista’ jgħid f’liema skejjel f’Għawdex hemm watchman u f’liema m’hemmx? F’dawk l-iskejjel li hemm watchman, kemm-il persuna hemm jaħdmu f’dan il-grad f’kull skola? Jista’ jgħid jekk hijiex l-intenzjoni tal-Ministeru li jneħħi l-watchmen kollha minn mal-iskejjel f’Għawdex?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fil-binja li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant sallum ma hemmx fire alarm. Madankollu min-naħa tas-sezzjoni tal-Arkivju Nazzjonali f'Għawdex fi tmiem il-ħin tax-xogħol tintefa l-provvista tal-elettriku sabiex jiġi minimizzat ir-riskju ta' nirien. Infurmat ukoll mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi li bħalissa qed isir proċess biex tiġi installata fire alarm.
In-numru ta’ Watchmen li jaħdmu fl-iskejjel Primarji ta’ Għawdex huwa:
Għajnsielem - 4 persuni
Kerċem – 3 persuni
Qala – 3 persuni
San Lawrenz – 3 persuni
Sannat – 5 persuni
Xagħra – 5 persuni
Xewkija – 3 persuni
Żebbuġ – 3 persuni
Watchmen li jaħdmu fl-iskejjel Sekondarji ta’ Għawdex:
Sekondarja ta’ Għawdex – 2 persuni
Fl-iskola ta’ Sir M. A. Refalo Sixth Form, fir-Rabat, Għawdex hemm 3 watchmen.
Binjiet oħra
Visual and Performing Arts, Xewkija – 3 persuni
Science and Cultural Centre, Lunzjata – 3 persuni
Fl-iskejjel l-oħra t’Għawdex, jiġifieri fl-iskejjel Primarji tal-Għarb, Nadur u Rabat u fl-iskola Sekondarja tas-Subien tar-Rabat, m’hemmx watchmen.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol irid jevalwa l-bżonnijiet fir-rigward ta’ sigurtà ta’ kull faċilità edukattiva u jindirizza implimentazzjoni effettiva f’dan il-qasam.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17437, jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ raħħala full-time f’Għawdex u dan x’persentaġġ iġib man-numru ta’ raħħala full-time f’Malta u Għawdex kollu sal-aħħar tas-sena 2015? Jista’ jgħid kemm hu n-numru ta’ sajjieda full-time f’Għawdex u dan x’persentaġġ iġib tas-sajjieda kollha f’Malta u Għawdex sal-aħħar tas-sena 2015? Jista’ jgħid kemm hu n-numru ta’ sajjieda part-time f’Għawdex u dan x’persentaġġ iġib tas-sajjieda part-time ta’ Malta u Għawdex kollha sal-aħħar tas-sena 2015? Jista’ jgħid kemm hu n-numru ta’ full-time farmers f’Għawdex u dan x’persentaġġ iġib tal-full-time farmers kollha fil-pajjiż sal-aħħar tas-sena 2015? Jista’ jgħid kemm hu n-numru ta’ part-time farmers ġewwa Għawdex u dan x’persentaġġ iġib tal-part-time farmers fil-pajjiż kollu sal-aħħar tas-sena 2015?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ ma tagħmilx distinzjoni bejn bdiewa u raħħala. Skont il-formoli ta' bidu ta' mpjieg li rċeviet il-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, it-tabella t’hawn taħt turi n-numru ta' bdiewa u raħħala, u sajjieda li kellhom impjieg full-time u impjieg part-time f’Għawdex fl-aħħar ta' Lulju 2015 (l-aħħar ċifri ppubblikati). It-tabella turi wkoll il-persentaġġ fuq Malta u Għawdex fl-aħħar ta' Lulju 2015.
Full-time
Persentaġġ ta' Għawdxin jaħdmu
Full-time
fuq Malta u Għawdex
Part-time
Persentaġġ ta' Għawdxin jaħdmu
Part-time
fuq Malta u Għawdex
Bdiewa u Raħħala
287
17.72%
318
19.97%
Sajjieda
78
22.67%
137
21.96%
Kunsill Malti għall-Isport – Klabb Sportiv — laqgħat
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju waslu l-laqgħat bejn il-Kunsill Malti għall-Isport u l-Klabb Sportiv tan-Naxxar Lions FC dwar il-bini ta’ faċilità sportiva fl-istess lokalità?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li s-segretarjat għall-isport iltaqa’ diversi drabi ma’ uffiċjali ta’ Naxxar Lions fejn ġew diskussi xi siti preferibilment fil-lokalità tan-Naxxar. Dawn il-laqgħat għadhom għaddejjin, u mistennija jkomplu sabiex tinstab soluzzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li jaħdmu fil-libreriji pubbliċi li qed jaħdmu bit-teleworking? Jista’ jgħid x’inhu l-grad ta’ dawn il-ħaddiema?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fil-libreriji pubbliċi hemm disa’ (9) ħaddiema li jaħdmu bit-teleworking. Sitta minnhom qegħdin fil-gradi li se nsemmi:
2 – Library Assistant
2 – Senior Clerk
2 – Senior Operative Librarian,
filwaqt li hemm tliet impjegati oħra li qegħdin fuq telework agreement u li qed jagħmlu xogħol relatat mal-libreriji. Dawn huma:
1 – Senior Tradesman
1 – Operative
1 – Kindergarten Assistant
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – għoti ta’ kuntratti lil kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji tal-kuntratti kollha (servizzi jew xogħol) li ngħatat il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, mill-entitajiet u d-dipartimenti kollha tal-istess Ministeru bejn Marzu 2013 u Diċembru 2015? X’inhuma l-valuri ta’ dawn il-kuntratti u meta ngħataw? F’kull każ, dan kien riżultat ta’ direct order jew le?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 21828.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il proprjetà għaddiet mill-Kunsill Malti għall-Isport lill-għaqdiet sportivi bejn l-2008 u Marzu 2013, sena b'sena?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ proprjetajiet li għaddew lill-għaqdiet sportivi sena b’sena fis-snin 2008 sal-2013 huma kif jidher fit-tabella t’hawn taħt:
Sena Numru
2008 1
2009 16
2010 1
2011 19
2012 1
2013 0
Skejjel sekondarji – suġġeti konnessi ma’ turiżmu u ospitalità
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti fl-iskejjel sekondarji kollha (tal-Gvern u tal-Knisja) ta’ Għawdex li qed isegwu s-suġġett konness mat-turiżmu u l-ospitalità? Kemm-il siegħa fil-ġimgħa ikollu kull student f’dan is-suġġett? F’kull skola, kemm huma l-għalliema li jgħallmu dan is-suġġett?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-Iskejjel Sekondarji tal-Istat u tal-Knisja f’Għawdex li jipprovdu t-tagħlim tas-suġġett konness mat-Turiżmu u l-Ospitalità huma tlieta:
1. Kulleġġ t’Għawdex, Skola Sekondarja Subien
2. Il-Konservatorju tal-Isqof Sekondarja tal-Bniet
3. Is-Seminarju Minuri Sekondarja tas-Subien.
L-informazzjoni mitluba f’din mistoqsija hija miġbura fit-tabella t’hawn taħt:
SKOLA
Numru ta’ Studenti
Numru ta’ Sigħat fil-ġimgħa
Numru ta’ Għalliema
Kulleġġ t’Għawdex
Skola Sekondarja Subien
6
4 lezzjonijiet ta’ 40 minuta il-waħda – 2.67 sigħat kollox fil-ġimgħa
2
Konservatorju tal-Isqof
17
4 lezzjonijiet ta’ 40 minuta il-waħda – 2.67 sigħat kollox fil-ġimgħa
2
Seminarju Minuri
9
4 lezzjonijiet ta’ 40 minuta il-waħda – 2.67 sigħat kollox fil-ġimgħa
2
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni jaħdmu fuq bażi part-time sal-aħħar ta’ Diċembru 2015? Jista’ jindika kemm minnhom kellhom l-impjieg part-time sal-aħħar ta’ Diċembru 2015? Jista’ jindika kemm minnhom kellhom l-impjieg part-time bħala l-primary job? Kemm minnhom kellhom full-time job mal-part-time? Kemm minnhom kienu nisa u kemm minnhom kienu rġiel?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ tkun f’pożizzjoni li tipproċessa ċ-ċifri tal-persuni li f’Diċembru 2015 kienu impjegati full-time u part-time f’Mejju 2016.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa l-ammont ta’ żgħażagħ li sal-aħħar ta’ Diċembru 2015, huma kklassifikati bħala NEET (Not in Education, Employment or Training)? Jista’ jindika s-sess tagħhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni tkun magħrufa aktar tard matul is-sena. L-aħħar informazzjoni miġbura hija dik li ngħatat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19878.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – għoti ta’ kuntratti lil individwu
Question
Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji tal-kuntratti kollha (servizzi jew xogħol) li ngħata lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew lill-uffiċċju legali tiegħu, mill-entitajiet u d-dipartimenti kollha tal-istess Ministeru bejn Marzu 2013 u Novembru 2015? X’inhuma l-valuri ta’ dawn il-kuntratti u meta ngħataw? F’kull każ, dan kien riżultat ta’ direct order jew le?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 21825.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru testijiet tad-doping matul din is-sena min-National Anti-Doping Organizations (NADO)? Jista’ jgħid kemm kienul-każijiet li nstabu li kienu pożittivi u mil-liema sport kienu ġejjin?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fis-sena 2015 saru 72 testijiet tad-doping minn NADO ta’ Malta. Minnhom, 61 kienu in competition u 11 kienu out of competition.
Minn dawn kien hemm:
A. Disa’ (9) Adverse Analytical Finding, li jfisser instabu sustanzi projbiti fis-
sample
tagħhom. Dawn kienu każ wieħed mill-futsal, sebgħa mir-Regatta u każ wieħed mill-Boxing. Il-każ tal-Boxing u ħamsa mir-Regatta ser jinstemgħu dalwaqt quddiem il-Bord tad-Dixxiplina.
B. Żewġ (2) Evażjonijiet, wieħed mill-Futsal u wieħed mill-Atletika.
Jista’ l-Ministru jgħid kif kien imqassam il-programm għall-istudenti tal-Youth.Inc matul dan l-ewwel term tas-sena skolastika?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li matul l-ewwel tlett xhur, il-programm kien provdut fuq żewġ livelli:- Livell 1 u Livell 2. Bħala korsijiet obbligatorji, iż-żgħażagħ ta` Livell 1 kellhom English Drama, Malti Drama u Matematika filwaqt li ż-żgħażagħ ta` Livell 2 kellhom English Drama, ICT, Malti Drama, Malti u għal dawk li ser jersqu għall-eżami ta` SEC kellhom Ingliż, Malti, Matematika u Arti.
Matul dan il-perjodu, iż-żgħażagħ taż-żewġ livelli kellhom lista ta` suġġetti differenti li setgħu jagħżlu skont l-interessi tagħhom fosthom: Animal Care, Arts and Crafts, Auto Electric, Sports, Building & Construction, Cake Decorating, Cooking Club, Customer Care, Design & Technology, DJ, Electronics, Entrepreneurship, Film Making, Folk Guitar, Fretwork, Hairdressing, Health & Safety, Hip Hop, Home Cooking Skills, Italian, Make Up, Manicure & Pedicure, Mixed Media Cottage Craft, Mixed Media Modelling, Nail Art, Photography, Photo Editing, Skin Care, Social Care, Social Media, Upholstery, Water & Technology, Waxing & Hair Removal u Web Design filwaqt li l-kors tal-Arti seta’ jintgħażel miż-żgħażagħ ta’ Livell 1 u s-suġġetti ta` Computer Coding, HTML u Holistic Massaging seta’ jintgħażel miż-żgħażagħ ta` Livell 2.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett ESPLORA li qed isir f’Bighi?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Proġett taċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza, Esplora, wasal fl-aħħar fażi tiegħu. Ix-xogħlijiet ta’ infrastruttura jinsabu fi stat avvanzat. Fil-fatt il-parkeġġ huwa fi stat komplut. L-esebiti li ġew immanifatturati minn kumpaniji barranin esperti f’dan il-qasam, bħalissa qegħdin jiġu installati.
F’Novembru saret attività għall-istudenti tal-iskola fl-istess sit.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-libreriji f’Għawdex hux se jgħaddu taħt il-Malta Libraries? Jekk iva, meta hu maħsub li jibdew jagħmlu parti mill-Malta Libraries?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Libreriji f’Għawdex se jgħaddu taħt il-Malta Libraries. Il-proċess ta’ detailing tal-impjegati se jibda fix-xhur li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Arkivji ta’ Għawdex jaqgħux taħt l-Arkivji Nazzjonali u taħt il-Ministeru tiegħu, jew jekk humiex amministrati b’mod separat mill-Arkivji Nazzjonali u l-Ministeru tiegħu m’għandux taħt idejh il-kontroll ta’ dawn l-Arkivji?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Membru li l-Arkivju Nazzjonali għandu sezzjoni tiegħu f'Għawdex. Il-liġi tal-Arkivji Nazzjonali (Cap. 477 tal-Liġijiet ta’ Malta) li jirregola l-operat tal-Arkivju Nazzjonali, jistipula li din is-sezzjoni tkun immexxija minn Assistent Arkivista Nazzjonali, kif fil-fatt hu il-każ. Nikkonferma li l-Arkivji Nazzjonali inkluż dak ta' Għawdex jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — Bordijiet tal-Appell
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-Bordijiet tal-Appell, taħt kwalsiasi isem jew titolu, li jinsabu fid-dekasteru tiegħu u b’liema liġi hu mwaqqaf kull Bord jew Tribunal?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif muri fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
L-Imsida – Sheltered Employment Training — toilets
Question
Jista’ l-Ministru jara li fix-Sheltered Employment Training fl-Imsida, it-toilets ikunu b’qisien li jkunu aċċessibli u kif stipulat bil-liġi biex jirrispettaw il-bżonnijiet tal-persuni b’diżabilità?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fix-Sheltered Employment Training, l-Imsida, hemm sitt (6) toilets li tlieta (3) minnhom huma aċċessibbli u kif stipulat bil-liġi biex jirrispettaw il-bżonnijiet ta’ persuni b’diżabilità.