In vista ta' dak li qed tħejji l-Kummissjoni Ewropea dwar is-sostenibilita' tas-sajd Ewropew, jista' il-Ministru jgħid: a) x'inhuma l-miżuri li se jittieħdu sabiex l-ispejjeż li s-sajjieda Maltin qegħdin ibatu minħabba l-eżawriment fl-għadd tal-ħażniet tal-ħut, jiġu mtaffija? b) Jekk dawn il-miżuri humiex se jkunu f'forma ta' flus jew għajnuna xorta oħra? c) X'miżuri se jipproponi l-gvern Malti sabiex jissalvagwarda u jirristruttura l-industrija tas-sajd quddiem il-Kummissjoni Ewropea?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kwistjoni ta’ konservazzjoni, u għalhekk is-sostenibbiltà tas-settur tas-sajd kienu, għadhom u jibqgħu tema importanti għall-Gvern.
Barra minn hekk, il-Gvern qiegħed ikompli jiddiskuti fi ħdan il-laqgħat fuq kull livell possibli biex fil-fond Ewropew għas-Sajd li għandu jiġi approvat dalwaqt jiġu kkunsidrati l-bdil tal-makni eżistenti tal-bastimenti tas-sajd b’makni ġodda aktar effiċjenti. Id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tenniet li dan il-bdil jista’ jiġi ffinanzjat minn fondi statali huwa pass kbir lejn id-direzzjoni li Malta qed issostni.
Dan l-istess fond Ewropew għas-Sajd irid jipprovdi wkoll l-fondi neċessarji għall-miżuri oħra indirizzati lejn il-flotta bħal ma hu l-aġġustament ta’ l-isforz tas-sajd u l-immodernizzazzjoni.
Barra minn hekk, hemm bżonn li fuq livell reġjonali u Ewropew, Malta tibqa’ tissielet biex naddottaw miżuri tekniċi sabiex nillimitaw l-isforz tas-sajd fil-Mediterran għal kulħadd. Hemm bżonn ukoll li nibqgħu insostnu lill-kooperattivi rappreżentanti tas-sajjieda sabiex dawn jibqgħu jipparteċipaw fuq livell Ewropew u reġjonali fi ħdan l-istrutturi rappreżentattivi tagħhom bħal ma hi l-MEDISAMAK biex jilħqu ftehim bejniethom kollha fuq il-miżuri ta’ konservazzjoni fil-Mediterran u jaslu għal formazzjoni ta’ l-istrument importanti għal dan il-għan, li huwa r-Regional Advisory Council (RAC).
Jista' il-Ministru jgħid x'xogħlijiet għamel l-environmental landscape consortium taħt l-iskema PPP fis-snin 2002, 2003, 2004 u 2005 u xi ħlasijiet talab u xi ħlasijiet ingħata għal dawn ix-xogħlijiet sena b'sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li x-xogħlijiet li għamel l-Environmental Landscaping Consortium (ELC) saru f’dawn l-inħawi :
War Memorial
RAF Memorial
Kristu Re
Kastilja
Triq Sant’.Anna
Il-Ġonna ta’ Spencer
Sta Venera / Msida Junction
Kappara Roundabout
Qormi Roundabout
Mellieha / Selmun Roundabout
Vjal De Paule / Triq l-Imdina
Kif ukoll xogħol ta’ landscaping fir-rikostruzzjoni ta’ Triq bejn l-Imġarr u Ħal Luqa.
Minbarra dawn hemm ix-xogħol ta’ rutina ta' kuljum ta' manutenzjoni, jigifieri flowering, weeding u upkeep ta' kull triq arterjali f'Malta. Kif ukoll il-manutenzjoni tal-ġonna ta’ San Anton, tal-Barrakka ta' Fuq, tal-Barrakka t'Isfel, ta’ l-Argotti, ta’ Sa Maison, ta’ Herbert Ganado u tal-Buskett
Il-ħlasijiet li saru għal dawn ix-xogħlijiet sena b'sena kienu hekk kif jidher fit-tabella hawn taħt. Ta' min isemmi li dawn il-pagamenti jinkludu:
1) Il-manutenzjoni tat-toroq arterjali kollha ta' Malta
2) Il-manutenzjoni tal-ġonna pubbliċi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Gvern ċentrali
3) Is-salarji tal-231 impjegat tal-Gvern issekondat ma’ l-Environmental Landscaping Consortium (ELC)
4) Is-salarji tas-26 ħaddiem ex-Kalaxlokk
5) Bonuses tal-ħaddiema, inkluż incentive bonus.
It talba ta’ ħlasijiet hija ta’ natura kummerċjali u allura ma nħossx li għandi nippubblikaha.
Sena
Ammont
Lm
2002
381,197.90
2003
3,520,964.88
2004
2,737,191.88
2005
2,877,099.62
Jikkonferma l-Ministru li se jsir twaqqiegħ ta' l-istruttura magħrufa bħala Chalet f'Tas-Sliema? Minn min se jsir dan ix-xogħol? Hemm bżonn permess tal-MEPA minħabba li din l-istruttura għandha valur storiku? X'se jsir minflok din l-istruttura?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-istruttura tax-Chalet ser tkun qed titneħħa fil-ġranet li ġejjin mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet. Dan ix-xogħol huwa kopert bi clearance minn naħa ta’ l-Awtorità ta’ Malta għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) taħt il-provvediment ta' l-AL258/02 minħabba li ġie iċċertifikat li l-istruttura qiegħeda fil-periklu li taqa'. Għalhekk ġie mogħti permess lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet sabiex iħottu dan il-bini u jitneħħa l-periklu. Il-permess li ngħata huwa biss biex jitwaqqa’ dan il-bini, u ma jsir xejn minnfloku.
Jista' il-Ministru jgħid x'sar mill-ftehim li kien ġie propost lis-sidien tal-boathouses ta' l-Armier (Armier Developments Ltd) fit-3 ta' April 2003, liema ftehim kien ġie aċċettat mill-istess sidien?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li kienet ingħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 13650.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm ingħataw flus lis-sidien ta' l-irziezet Maltin taħt l-Ispecial Market Policy Programme għall-Agrikoltura Maltija?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li bejn Lulju 2002 u Diċembru 2005 sidien ta’ l-irziezet tal-majjal, tal-bajd, tal-laħam tat-tiġieġ u tal-baqar ingħataw total ta’ 9.38 miljun liri Maltin f’sussidji taħt l-iSpecial Market Policy Programme for Maltese Agriculture (SMPPMA).
Jista’ il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' enforcement actions mill-MEPA meħuda f'siti ta' kostruzzjoni fejn hemm l-industrija tat-turiżmu jew areas turistici?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Membru jispeċifika jekk hux qed jirreferi għaz-zoni turistiċi kif delineati mill-Ministeru tat-Turiżmu.
Jista' il-Ministru jgħid fl-aħħar ta' kull sena mill-1998 sa l-2005 f'Għawdex x'kien in-numru ta' sajjieda full-time u part-time separatament? Kemm kien hemm dgħajjes tas-sajd, skond it-tip u d-daqs tagħhom, ta' sajjieda full-time u ta' sajjieda part-time separatament? X'kienu l-kwantita' u l-valur tal-qabdiet ta' ħut, skond it-tip tagħhom, tas-sajjieda full-time u ta' dawk part-time separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jgħid fl-aħħar ta' kull sena mill-1998 sa l-2005 f'Għawdex kemm kien in-numru ta' farms tal-majjal u x'kien id-daqs tagħhom? X'kien il-piż tal-qatliet tal-majjal minn Għawdex kull sena u x'kienu l-ispiża u l-valur tal-bejgħ tal-produzzjoni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jgħid fl-aħħar ta' kull sena mill-1998 sa l-2005 f'Għawdex, x'kien il-piż tal-produzzjoni tal-laħam frisk tat-tiġieġ tas-simna, x'kienet l-ispiża tal-produzzjoni u x'kien il-valur tal-bejgħ tagħha?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-piż ta’ produzzjoni tal-laħam frisk tas-simna kien hekk kef ġej :
Fis-sena 2003 - 2,507,114 kg (live weight)
Fis-sena 2004 - 2,067,642 kg (live weight)
Fis-sena 2005 - 887,902 kg (live weight)
Biex jiġi kkalkulat il-piż mejjet irid jitnaqqas 25%.
Ma tinżammx statistika tal-valur tal-bejgħ u ta’ l-ispiża tal-produzzjoni peress li dan huwa negozju privat.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-green wardens pajżana għandhomx xi forma ta' identity card li jridu juru lil persuna qabel ma jħarrku lill-istess persuna? Jaf il-Ministru li hemm minn dawn il-wardens irġiel li jmorru fuq xogħolhom bil-misluta f'xuftejhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Green Wardens għandhom identity card maħruġa mill-Kummissarju tal-Pulizija, u din irridu jippreżentawha meta jħarku xi persuna. Irrid ngħid li jista' jkun hemm xi każijiet fejn il-persuna li tkun qed twettaq ir-rejat ma tobdix l-ordni tal-Green Warden, u tibqa' għaddejja. Għalhekk, f'każijiet bħal dawn, il-gwardjan ma jkunx jista' juri l-identity card. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, irid jingħad li l-green wardens huma impjegati ta' żewġ aġenziji prinċipali li joffru dan is-servizz.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi regolamenti li jipprojbixxu li boroż ta' l-iskart jitpoġġew f'konok ta' siġar sa ma jinġabru?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jista' jingħad li ma hemm l-ebda regolament li jipprojbixxi li boroż ta' l-iskart jitpoġġew f'konok ta' siġar sa ma jinġabru. Dan sakemm il-kunsill lokali rispettiv ma għaddix xi regolament dwar dan għall-lokalità tiegħu.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' riċevimenti ta' tiġijiet li saru fil-Ġonna tal-Barrakka ta' Fuq s'issa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li matul is-sena 2005 il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent irċieva żewġ talbiet għal riċevimenti ta’ tieġijiet fil-ġonna tal-Barrakka ta’ Fuq. Dawn it-tnejn ġew aċċettati, pero' waħda mill-applikanti irtirat l-applikazzjoni. B'hekk s'issa sar tieġ wieħed biss.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq rigali li ngħataw minnu jew mill-istaff privat tiegħu, kemm f'Malta kif ukoll barra minn Malta, matul l-2003, 2004, 2005 u minn Jannar 2006 sal-lum separatament? Jista' jgħid lil min ingħataw, fiex kien jikkonsisti r-rigal li ngħataw, kemm qam flus, minfejn inxtara u min approva x-xiri tiegħu? Jista' jgħid x'rigal ingħata hu bħala Ministru b'reċiproċita'?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq rigali li ngħataw minnu jew mill-istaff privat tiegħu, kemm f'Malta kif ukoll barra minn Malta, matul l-2003, 2004, 2005 u minn Jannar 2006 sal-lum separatament? Jista' jgħid lil min ingħataw, fiex kien jikkonsisti r-rigal li ngħataw, kemm qam flus, minfejn inxtara u min approva x-xiri tiegħu? Jista' jgħid x'rigal ingħata hu bħala Ministru b'reċiproċita'?
Tweġiba Proposta :
Ninsab infurmat li n-nefqa fuq rigali li ngħataw mill-Ministru hija kif muri hawn taħt:
Sena
Lm
2003
357.60
2004
214.69
2005
587.22
2006
Sal-lum
Nil
Ir-rigali ġew approvati mill-uffiċjali tas-Segretarjat. Dawn ir-rigali, li jikkonsistu f’kotba u souvenirs varji, u li nxtraw minn bookshops u ħwienet ewlenin, ingħataw lill-Ministri ta’ pajjiżi oħrajn u d-delegazzjonijiet tagħhom, u persuni oħra distinti kif jitlob il-protokoll.
Jista' il-Ministru jgħid xi studji għamlet il-MEPA dwar il-mina għat-traffiku taħt il-proġett tal-bini MIDI f'Tigne' u jekk hijiex perikoluża jew le minħabba l-angolu tal-linja tagħha?
Jista' iqiegħed kopja fuq il-mejda tal-Kamra ta' dawn l-istudji li saru?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-iżviluppaturi tal-mina ta' Tignè kienu ntalbu jagħmlu "Fire Safety and Ventilation Report" li kien ġie approvat mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Barra minn hekk, id-Dipartiment tat-Toroq, bħala l-Awtorità kompetenti dwar is-sigurtà tat-toroq, kien approva d-disinn ta' l-allinjament tat-triq ġewwa l-mina.
Jista' il-Ministru jgħid fl-aħħar ta' kull sena mill-1998 sa l-2005 f'Għawdex kemm kien hemm farms tat-tiġieġ tal-bajd u x'kien id-daqs tagħhom? X'kienet il-produzzjoni tagħhom tal-bajd, x'kienu l-ispiża u l-valur tal-bejgħ tal-produzzjoni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li n-numru ta' farms tal-bajd li kienu liċenzjati bejn it-2002 u t-2005 f'Għawdex kienu 10. Id-daqsijiet tagħhom ivarjaw bejn kapaċita' ta' 11,454 tiġieġa sa 916 tiġieġa jiġifieri medja ta’ 5,910 tiġieġa kull razzett.
Ma tinżammx statistika tal-valur u bejgħ minħabba li dan huwa negozju privat.
Jista' il-Ministru jgħid min ippubblika l-artiklu fuq "The Times" mifrux fuq żewġ paġni dwar il-park f'Wied il-Għajn ħdejn l-impjant tar-riċiklaġġ? X'kienet l-ispiża għal dan u minn liema vot tħallsu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Kif jixhed l-artiklu nnifsu, dan ir-rapport sar fuq inizjattiva tal-gurnal innifsu u ma kienx riklam tal-Ministeru. Għaldaqstant, il-Ministeru ma daħal f'ebda spiża.
Affarijiet Rurali u Ambjent — Advertising Agencies
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm tħallsu l-advertising agencies mqabbda mid-dipartimenti u l-aġenziji li jaqgħu taħtu, inkluż il-MEPA u l-Wasteserv, matul dawn l-aħħar tliet snin, kull sena separatament? Liema aġenzija tħallset u għal liema xogħol?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-informazzjoni se titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jikkonferma jekk hemmx bżonn permess tal-MEPA għal twaqqigħ ta' bini eżistenti? Jekk fl-affermattiv, jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-permess għal twaqqigħ tal-Jumbo lido, f'ta' Tas-Sliema?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li x-xogħol ta' twaqqigħ fil-post imsemmi kien kopert bi clearance maħruġ fit-28 ta' Awissu 2005 b'referenza DS 0089-05 għal "Dangerous Structure at Jumbo Lido, Għar id-Dud, Sliema".
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17590 u jgħid kemm hemm talbiet lill-MEPA mill-Awtorita' tad-Djar li huma pendenti? Għal liema inħawi jikkonċernaw u għalfejn qed jintalab il-permess? Kemm ilhom li ġew sottomessi tali talbiet? Jista' jagħti n-numru ta' kull applikazzjoni f'kull każ?
Possibbli il-Ministru jwieġeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-informazzjoni se titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.