Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu vapuri tal-gwerra fil-portijiet tagħna din is-sena u mil-liema pajjiż kienu? Jista' l-Ministru jgħid jekk daħlux vapuri militari li kienu taħt il-kontroll dirett tan-NATO fl-istess żmien?
Response (BORG, JOE)
Mill-1 ta' Jannar sa l-aħħar ta' April ta' din is-sena, kien hemm 28 żjara minn vapuri tal-gwerra fil-portijiet tagħna. In-Nazzjonalita ta' dawn il-vapuri kienet Amerikana, Kanadiża, Belġjana, Olandiża, Ġermaniża, Franċiża, Pollakka, Ingliża u Marokkina. Min dawn it-28 vapur, 5 kienu taħt il-kontroll tan-NATO, għalkemm ta' nazzjonalita ta' pajjiżi Ewropej.
Jista' l-Ministru jgħid kif intefqu l-flus mogħtija mill-Gvern lill-UĦM u lis-CMTU għal kampanja ta' tagħrif dwar l-Unjoni Ewropea?
Response (BORG, JOE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 24650. Ma' dan nixtieq inżid li fil-każ tas-CMTU, il-flus li dawn attwalment ħadu għas-sena 2000 kienu jammontaw għal Lm4,206.23. Ma nħossx il-bżonn li nelenka kif organiżżazzjonijiet individwali jutiliżżaw l-fondi allokati lilhom ġaladarba l-ispejjeż jiġu approvati abbażi ta' kriterji stabbiliti kif jirriżulta mill-linji ta' gwida li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, liema linji ta' gwida ġew iċċirkulati lil kull entita li lilha ġew allokati fondi.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar ftehim bilaterali li sar minn Settembru 1998 l'hawn;
a) ma' liema pajjiżi
b) f'liema oqsma
ċ) x'kienu l-vantaġġi għal pajjiżna
Response (BORG, JOE)
B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari ta' l-Onorevoli Membru, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bid-dettalji mitluba tal-Ftehim Bilaterali li saru minn Settembru 1998 'l hawn.
Din il-lista tagħti dettalji tal-pajjiżi li magħhom ġie ffirmat kull ftehim, f'liema oqsma ġew iffirmati kif ukoll x'kienu l-vantaġġi għal Malta.
Jista' l-Ministru jgħid separatament kemm hemm kontijiet pendenti ma' kumpaniji privati u kuntratturi mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Jista' jgħid separatament kemm jammontaw dawn il-kontijiet u x'jirrigwardjaw?
Response (BORG, JOE)
Sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar din l-informazzjoni ddettaljata.
Jista' l-Ministru jgħid separatament kemm jammontaw id-donazzjonijiet finanzjarji li ingħataw mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Jista' jgħid separatament kemm jammontaw dawn id-donazzjonijiet u lil min ingħataw u x'kienet ir-raġuni?
Response (BORG, JOE)
Sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar din l-informazzjoni ddettaljata.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm Maltin jaħdmu ma' l-Uffiċju tal-Kummissjoni Għolja Maltija f'Londra? Min huma dawn iċ-ċittadini Maltin? Mil-liema data bdew f'dan l-impjieg? X'inhu x-xogħol tagħhom f'kull każ?
Response (BORG, JOE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar il-passi kollha li ha l-Ministeru wara l-każ ta' ħruq li kien sar fil-kummissjoni Għolja Maltija f'Londra? Kien hemm talba mill-Gvern Ingliz biex titneħħa l-immunita' tal-persuna Maltija biex jittieħdu passi kontrih fl-Ingilterra? X'deċiżjoni ha l-gvern dwar dan? X'passi ittieħdu kontra l-persuna konċernata mill-Ministeru permezz tal-kummissjoni għas-servizz pubbliku? X'irriżulta li sehh dakinhar tal-inċident? Kemm kienu l-ispejjez li saru minħabba l-każ? X'prekawzjonijiet ttieħdu fil-Kummissjoni wara dan il-każ? Ittieħdu xi passi kriminali kontra l-persuna konċernata? Jekk le, għaliex? Jekk iva, meta u x'kien l-eżitu tal-każ? Ittieħdu xi prekawzjonijiet bħal bdil fil-liġi kriminali biex inċidenti bħal dawn il-qrati Maltin ikollhom ġurisdizjoni meta l-persuna tasal lura Malta?
Response (BORG, JOE)
Dan il-każ seħħ nhar il-Ħamis 22 ta' Frar 1996 fil-għaxija meta kien tqabbad nar f'wieħed mill-uffiċċji li jinsab fil-ħames sular tal-Kummissjoni Għolja Maltija f'Londra. In-nar ma laħaqx infirex prinċipalment minħabba li t-twapet ta' l-uffiċċju huma magħmulin minn materjal li huwa fire resistant, u b'hekk seta jiġi ikkontrollat f'ħin qasir meta waslu l-pumpieri għat-tifi tan-nar. L-ispejjeż għall-Ministeru kienu jlaħħqu madwar Stg 10,572.
Malli l-Ministeru f' Malta kien infurmat bl-inċident, intbagħtu minn Malta Spettur tal-Pulizija u Engineer professjonali ta' l-elettronika mill-Management Systems Unit (MSU), sabiex jinvestigaw x'kien ġara u x'setgħu kienu l-kawżi tal-ħruq. Mill-istħarriġ preliminari li kien sar, kien ġie stabbilit li xi ħadd kien ġabar kwantita ta' dokumenti, karti, gażżetti u bnadar, għamilhom gozz f'nofs ta' waħda mill-kmamar tal-Kummissjoni Għolja Maltija u kien tahom in-nar. Il-ftuħ u l-egħluq ta' diversi bibien tal-kamra fejn tqabbad in-nar u ta' uffiċini oħrajn tal-Kummissjoni kienu ġew reġistrati permezz ta' computer apposta, u din l-evidenza tat l-ewwel indikazzjonijiet lill-investigaturi illi n-nar kien tqabbad minn persuna midħla sew tal-Kummissjoni. Is-sistema ta' closed circuit cameras ukoll irreġistrat in-nies li kienu daħlu jew ħarġu mill-binja f'ħinijiet differenti tal-ġurnata. Mill-eżami ta' l-evidenza ċirkustanzjali miġbura, l-investigaturi Maltin kellhom suspetti qawwija li wieħed mill-uffiċċjali pubbliċi li kien jaħdem fil-Kummissjoni Għolja Maltija kien responsabbli mill-ħruq.
Filwaqt li l-Gvern Ingliż fl-ebda stadju qatt ma talab sabiex titneħħa l-immunita' diplomatika ta' xi uffiċċjal pubbliku Malti fil-Kummissjoni Għolja Maltija ta' Londra in konnessjoni ma' dan il-każ, kien il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin Malti innifsu illi awtoriżża li titneħħa l-immunita lill-uffiċċjal indizjat mill-investigaturi Maltin sabiex il-pulizija Ingliża tkun tista' tkompli tistħarreġ il-każ. Waqt li dan l-uffiċċjal kien qed jiġi interrogat mill-pulizija, beda juri sinjali qawwija ta' stress, u għalhekk il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin Malti, għal raġunijiet umanitarji, iddeċieda li terġa tingħatalu l-immunita' diplomatika, u jordnalu sabiex jiġi lura Malta minnufih. L-uffiċċjal konċernat qatt ma daħal lura għax-xogħol u kien ġie 'boarded out' mis-Servizz Publiku għal raġunijiet ta' saħħa.
Ma setgħu jittieħdu ebda passi kriminali f'dan il-każ għax Malta ma kelliex ġurisdizzjoni rigward reati li jikkonċernaw diplomatiċi Maltin li jkunu qed iservu f'territorju barrani, inklużi l-Ambaxxati u Kummissjonijiet Għolja Maltin. Ittieħdu passi biex isir tibdil fil-Kodiċi Kriminali u fil-fatt permezz ta' l-Att XVII ta' l-1996, l-artikolu 5 tal-Kodiċi Kriminali ġie emendat b'mod li jkopri każijiet bħal dak li seħħ fil-Kummissjoni Għolja Maltija f'Londra. F'dan ir-rigward nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-artikolu 5(1)(f) tal-Kodiċi Kriminali.
Madankollu, wara li ġew konklużi l-investigazzjonijiet minn naħa tal-Pulizija, l-Ministeru kien ħa passi dixxiplinarji kontra l-uffiċċjal konċernat skond ir-Regolamenti tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku (Proċedura tad-Dixxiplina) 1977. Wara li sar magħruf ir-rapport tal-Bord tad-Dixxiplina tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, il-Ministeru għamel representations quddiem l-istess Kummissjoni. L-uffiċċjal konċernat instab li kien responsabbli għall-attentat ta' ħruq u għall-ħsara lil dokumenti u propjeta. B'konsegwenza, l-uffiċċjal konċernat inżammitlu il-gratuity u qed jitħallas biss nofs il-pensjoni uncommuted. Għaldaqstant is-somma fuq imsemmija ġiet maħfura għar-raġunijiet umanitarji peress li l-persuna qed tirċievi biss nofs il-pensjoni.
Jiena nfurmat illi l-Ministeru huwa sodisfatt illi l-prekawzjonijiet ta' sikurezza li hemm fil-binja 36-38 Piccadilly, kif ukoll fil-Kummissjoni Għolja Maltija innifisha huma adegwati, iżda l-Ministeru jkun pront li jieħu aktar miżuri skond il-ħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed tagħmel Maastricht, waħda mir-research officers tal-MIC li isimha qiegħed jingħata taħt separate cover?
Jekk din l-impjegata qiegħda fuq scholarship, jista' l-Ministru jgħid meta ħarġet għall-pubbliku din is-sejħa għall-għażla għal dan l-ischolarship? Post din ir-research officer se jintela minn xi ħadd ieħor? Jekk iva, se ssir call for application għal din l-għażla?
Response (BORG, JOE)
Il-persuna li għaliha qed jagħmel referenza l-Onorevoli Interpellant qegħda seconded mal-European Institute for Public Administration għal perjodu ta' sena w nofs. Din intagħżlet wara sejħa għall-applikazzjoni mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Peress li kienet saret call for applications għal research officer u r-riżultat tal-istess call kien għadu validu, intgħażlet il-persuna biex timla il-post li għalhekk ġie vakant li kien imissha skond l-istess riżultat minn fost dawk li kienu għaddew.
Jista' l-Ministru jinforma lil Kamra x'passi jew miżuri dixxiplinari qiegħed jieħu l-ambaxxatur fi Brussels jew il-permanent segretary fil-ministeru, fil-konfront ta' persuna, membru ta' l-istaff diplomatiku fl-ambaxxata ta' Brussels under separate cover li skond rapporti li għandi jfalli regolarment mid-doveri tiegħu u li mhux jagħmel dak li huma d-duties li suppost jagħmel?
Response (BORG, JOE)
L-Ambaxxatur fi Brussell jinforma li l-istaff diplomatiku kollu fl-ambaxxata ta' Brussell jaqdi d-doveri tiegħu b'mod li hu jqis soddisfaċenti ħafna, u li ma hemm l-ebda każ ta' xi ħadd li mhux qed jagħmel id-"duties" li suppost jagħmel.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 25284, peress li l-iskop tal-mistoqsija kien biex isir magħruf il-kontenut ta' dikjarazzjonijiet u stqarrijiet magħmula li magħhom assoċja ruħu l-Gvern Malti u allura mhux il-każ li ngħid ta' liema dikjarazzjoni jew stqarrija irrid kopja, ma jaħsibx il-Ministru li biex nagħmel hekk l-ewwel għallinqas għandu jagħtini lista ta' dawn l-istqarrijiet u dikjarazzjonijiet u jgħid dwar x'hiex jittrattaw? Jista' l-Ministru jipprovdi din il-lista? Jaħsibx l-Ministru li jkun għaqli jekk kopji ta' statements u dikjarazzjonijiet bħal dawn jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra b'mod regolari appena jkunu saru?
Response (BORG, JOE)
L-Onorevoli Interpellant japprezza li d-dikjarazzjonijiet u stqarrijiet li poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra in konnessjoni mal-Mistoqsija Parlamentari msemmija huma voluminużi kif jidher mill-lista mqegħda fuq il-Mejda tal-Kamra fis-seduta numru 534 u għalhekk ikun jinvolvi xogħol massiv li jsiru kopji multipliċi tagħhom. Il-listi preżentati jagħtu, permezz tat-titli elenkati, indikazzjoni komprensiva biżżejjed dwar il-materja trattata fid-dikjarazzjonijiet u stqarrijiet. Kopja tat-test innifsu tista tiġi pprovduta lill-Iskrivan tal-Kamra sabiex kull min ikun interessat ikun jista jara t-test tad-dikjarazzjonijiet u stqarrijiet li jkunu jinteressawhom. Inoltre jkun possibbli li perjodikament titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' dikjarazzjonijiet u stqarrijiet magħmula fil-frattemp u kull darba kopja tat-test innifsu tiġi mgħoddija lill-Iskrivan tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jinformana bid-diskussjonijiet u l-progress li kien hemm dwar il-kontinwazzjoni tal-koperazzjoni fis-settur tal-biedja u sajd bejn Malta u l-Ġermanja matul l-1999 u s-sena 2000?
Response (BORG, JOE)
Peress li l-imsemmija diskussjonijiet jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Ministru tal-Agrikoltura u Sajd, nitlob lill-Onorevoli Interpellent jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jinformana bid-diskussjonijiet u l-progress li kien hemm dwar il-kontinwazzjoni tal-koperazzjoni fis-settur tal-biedja u sajd bejn Malta u New Zealand matul l-1999 u s-sena 2000?
Response (BORG, JOE)
Peress li l-imsemmija diskussjonijiet jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Ministru tal-Agrikoltura u Sajd, nitlob lill-Onorevoli Interpellent jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jinformana bid-diskussjonijiet u l-progress li kien hemm dwar il-kontinwazzjoni tal-koperazzjoni fis-settur tal-biedja u sajd bejn Malta u l-Awstralja matul l-1999 u s-sena 2000?
Response (BORG, JOE)
Peress li l-imsemmija diskussjonijiet jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Ministru tal-Agrikoltura u Sajd, nitlob lill-Onorevoli Interpellent jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid min huma dawk it-translators li ġew ingaġġati bħala translators ta' l-Acquis Communautaire mill-Ingliz għall-Malti? X'inhuma s-salarji/allowances tagħhom?
Response (BORG, JOE)
Peress li l-materja li dwarha staqsa l-Onorevoli Interpellant taqgħa taħt il-Ministeru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistqosija lil dak il-Ministeru.
Qrib l-aħħar tax-xahar ta' Marzu, il-kumitat ta' l-Affarijiet Kostituzzjoniali tal-Parlament Ewropew organizza laqgħa fi Brussels mar-rappreżentanti tal-Parlamenti nazzjonali tal-pajjiżi membri u ta' dawk il-pajjiżi applikanti għas-sħubija biex jaqsmu flimkien ir-reazzjonijiet tagħhom għat-Trattat ta' Nizza u jiddiskuti l-proċess li jrid jitwettaq warqa Nizza?
Jista' jgħid jekk Malta, ossia l-Parlament Malti kienx mistieden għal din il-laqgħa. Jekk intbgħatx xi ħadd għal din il-laqgħa? Min kien? X'pozzizjonijiet ħa f'isem Malta? Għaliex ma ntbgħatitx rappresentanza tal-Parlament Malti bħal ma jsir fid-delegazzjoni li tatendi l-laqgħat tal-COSAC?
Response (BORG, JOE)
Ġaladarba jien infurmat li l-istedina li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant saret lill-Parlament Malti, nitlob lill-istess Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Mr Speaker
Jista' l-Ministru jinformana bid-diskussjonijiet u l-progress li kien hemm dwar il-kontinwazzjoni tal-koperazzjoni fis-settur tal-biedja u sajd bejn Malta u l-Libja matul l-1999 u s-sena 2000?
Response (BORG, JOE)
Peress li l-imsemmija diskussjonijiet jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Ministru tal-Agrikoltura u Sajd, nitlob lill-Onorevoli Interpellent jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jinformana bid-diskussjonijiet u l-progress li kien hemm dwar il-kontinwazzjoni tal-koperazzjoni fis-settur tal-biedja u sajd bejn Malta u l-Eġittu matul l-1999 u s-sena 2000?
Response (BORG, JOE)
Peress li l-imsemmija diskussjonijiet jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Ministru tal-Agrikoltura u Sajd, nitlob lill-Onorevoli Interpellent jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jinformana bid-diskussjonijiet u l-progress li kien hemm dwar il-kontinwazzjoni tal-koperazzjoni fis-settur tal-biedja u sajd bejn Malta u Ċipru matul l-1999 u s-sena 2000?
Response (BORG, JOE)
Peress li l-imsemmija diskussjonijiet jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Ministru tal-Agrikoltura u Sajd, nitlob lill-Onorevoli Interpellent jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jinformana bid-diskussjonijiet u l-progress li kien hemm dwar il-kontinwazzjoni tal-koperazzjoni fis-settur tal-biedja u sajd bejn Malta u Franza matul l-1999 u s-sena 2000?
Response (BORG, JOE)
Peress li l-imsemmija diskussjonijiet jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Ministru tal-Agrikoltura u Sajd, nitlob lill-Onorevoli Interpellent jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru konċernat.