Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għaqdiet Sportivi

Question

Jista' il-Ministru jikkonsidra li minħabba s-sħana tremenda li tagħmel fil-pajjiż matul ix-xhur tas-sajf, jingħata skont lil dawk l-għaqdiet sportivi li jorganizzaw attivitajiet sportivi filgħaxijiet taħt id-dawl artifiċjali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19941 u jgħid jekk jistgħux jittieħdu passi biex il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma tirtira l-kont 517817190 lill-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, b'ittra datata 17 ta' Ġunju, 2006 fejn intalbet tħallas kont ta' Lm485.27 ta' l-ilma u d-dawl għall-bini li mhux tal-persuna u li qatt ma kienet reġistrata bħala konsumatur fih?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant, kienet irreġistrata fuq il-kont minn qabel is-sena1990, u qatt ma saret l-applikazzjoni normali biex jinbidel l-konsumatur reġistrat fuq il-kont. Dan l-aħħar (Ġunju 2006) din il-persuna marret fl-uffiċċju tal-Korporazzjoni l-Belt, biex tirraporta li m'għadhiex responsabbli għall-post u ntalbet tissottometti kopja tal-kuntratt tal-bejgħ. S'issa dan għadu ma sarx.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Safar

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm siefru bejn l-2004 u l-2005 il-membri tal-private staff tiegħu? Fejn marru? X'kienet ir-raġuni? Kemm ħadu flus/ingħataw flus għal kull safra u jikkonfermax jekk kienx hemm xi ħadd minnhom li siefer first jew business class?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li bejn l-2004 u 2005 kien hemm erba' (4) uffiċjali mis-Segretarjat tiegħi li siefru fuq xogħol uffiċjali tal-Gvern. B'kollox kien hemm (22) tnejn u għoxrin safra li saru lejn Brussells, Budapest, Ruma, Awstrija, Pariġi, Londra, Amsterdam, Praga, Irlanda, Dubai, Napli u t-Tuneżija. Il-flus li ngħataw lill dawn l-uffiċjali kienet skond il-proċedura stabbilita tal-Gvern ippublikati f'ċirkulari maħruġa mil MPO kull sena. Peress li dawn l-uffiċċjali xi drabi akkumpanjaw lili, u peress illi ħafna drabi, minħabba l-qosor tas-safra, l-biljett awtomatikament joħroġ fuq business class, kien 3 darbiet biss li l-uffiċjali vvjaġġaw economy class. F’numru sostanzjali ta’ safriet kien hemm refużjoni tal-biljett ta’ l-ajru.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Konsulenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm għandu konsulenti li qegħdin jieħdu xi forma ta' remunerazzjon jew ħlas fil-ministeru u d-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid x'tip ta' konsulenza qegħdin jagħtu, min huma, kemm hu l-ammont ta' remunerazzjoni jew ħlas li qegħdin jingħataw separatament għal dan is-servizz, min ingaġġhom, min awtorizza dan l-ingaġġ u għal kemm żmien?

Response (GATT, AUSTIN)

Mal-Ministeru tiegħi m'għandix konsulenti.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Xogħol ta' Tindif

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali lill-kumpanniji privati għal xogħol ta' tindif fl-uffiċċju tal-ministru u fid-dekasteru tiegħu matul is-snin 2004 u 2005? Jista' jgħid min kienu l-kuntratturi, kemm ħadu kull wieħed, min approva kull nefqa separatament u jekk inħarġitx xi forma ta' tender?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li n-nefqa totali għal xogħol ta' tindif għas-sena 2004 kienet ta' Lm1,658 waqt li għas-sena 2005 kienet ta' Lm2,666. Il-kuntrattur kien Bad Boy Cleaners. L-approvazzjoni saret mid-Direttur - Servizzi Korporattivi. Is-somma nvoluta ma tirrikjedix ħruġ ta' tender.

Ġarr ta' Vetturi Kummerċjali bejn Malta u Għawdex

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inbigħu biljetti għall-ġarr ta' vetturi kummerċjali kull sena mill-1992 'il hawn skond it-tariffa mħallsa u separatament fuq ir-rotta Imġarr-Sa Maison-Imġarr u fuq ir-rotta Imġarr-Ċirkewwa-Imġarr?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Il-figuri huma miġbura skond is-sena finanzjarja, jiġifieri bejn Ottubru u Settembru tas-sena ta' wara. L-informazzjoni ta' qabel is-sena finanzjarja 1997/8 mhix available u dik tas-sena 2005/6 hi għall-perjodu sa' April 2006.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Vetturi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm qamet flus il-manutenzjoni kollha tal-vetturi tal-gvern fil-ministeru, dekasteru u l-enti tiegħu, vettura b'vettura separatament, bejn Ottubru, 2005 sa Diċembru, 2005 u minn Jannar, 2006 sal-lum ta' l-uffiċjali fi skala 4 sa skala 1?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Proġett fir-riċiklaġġ tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid lil min ingħata l-kuntratt għall-proġett fir-riċiklaġġ tad-drenaġġ? Se jintużaw l-istess sistemi tal-proċess ta' riċiklaġġ ta' drenaġġ f'kull parti ta' Malta u Għawdex?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Żejtun — Triq id-Daħla ta' San Tumas

Question

Possibbli l-Enemalta tinvestiga għaliex parti minn Triq id-Daħla ta' San Tumas, Żejtun ta' spiss qed tispiċċa bl-istreet lighting maqtugħ, bil-konsegwenza li jkun hemm dlam ċappa? Billi din il-problema qed tiġri ta' spiss u d-dawl jiġi għal ftit jiem u jerġa' imur, possibbli li din il-ħsara tiġi investigata u rimedjata fl-iqsar żmien possibbli?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li minn investigazzjoni li saret ma jirriżultax li hemm xi ħsara permanenti fl-street lighting iżda xorta waħda se jsiru xogħolijiet ta' manutenzjoni preventiv fejn sejrin jinbidlu it-time switch u l-photocell li jikkontrollow id-dwal ta' din it-triq.

San Ġwann — Naxxar Road

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga ilment taċ-ċittadini ta' San Ġwann li l-letter box li hemm f'Naxxar Road, faċċata ta' Mensija Road, San Ġwann ilha miksura 'il fuq minn tliet xhur, minkejja d-diversi ilmenti pubbliċi, fosthom tal-kunsill lokali nnifsu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-kaxxa ta' l-ittri msemmija ma tistax tissewwa u għalhekk ser tingħalaq b'mod permanenti. Il-pubbliku jista' jagħmel użu mill-kaxxa ta' l-ittri li tinsab mall-Ħanut Postali tal-Maltapost, Naxxar Road, San Ġwann u l-kaxxa ta' l-ittri li tinsab ħdejn is-Sub Uffiċċju tal-Posta, Triq Feliċ Borġ, San Ġwann.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Rigali

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq rigali li ngħataw minnu jew mill-istaff privat tiegħu, kemm f'Malta kif ukoll barra minn Malta, matul l-2003, 2004, 2005 u minn Jannar 2006 sal-lum separatament? Jista' jgħid lil min ingħataw, fiex kien jikkonsisti r-rigal li ngħataw, kemm qam flus, minfejn inxtara u min approva x-xiri tiegħu? Jista' jgħid x'rigal ingħata hu bħala Ministru b'reċiproċita'?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant , li l-Ministeru tiegħi ta' bħala rigali s-segwenti: Sena Nefqa globali 2003 Lm261 2004 Lm309 2005 Lm611 2006 Lm370 (minn Jannar sa Mejju 2006) L-informazzjoni l-oħra mitluba fil-mistoqsija tirrekjedi ħafna ħin f'riċerka u spejjeż f'pagi li m'humiex ġustifikabbli.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Direct Orders

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders fil-ministeru u d-dekasteru tiegħu ta' 'il fuq minn Lm2,000 matul l-2004 u l-2005? Jista' jgħid kemm kienet tqum kull waħda, lil min ingħatat u min approva?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Polishing Plant għall-Ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kien ir-riżultat miksub mill-istallazzjoni ta' polishing plant għall-ilma f'Għawdex? Meta kien stallat dan l-impjant, fejn u fiex jikkonsisti u kemm sewa? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx ħsieb li jsiru impjanti simili f'Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li ngħataw għal PQ 9273 u PQ 16196. Ninsab infurmat li minn meta ingħataw dawk it-tweġibiet saret l-installazzjoni tat-tieni train li jipproduċi 1,600 mt. kub. ilma kuljum. Dan it-train mistenni jibda jitħaddem sa' l-aħħar ta' Ġunju. S'issa m'hemmx ħsieb li jsiru impjanti simili f'Malta billi f'Malta l-ilma estratt minn taħt l-art jitħallat ma dak prodott mill-impjanti tar-Reverse Osmosis. Il-kwalita' ta' l-ilma mill-RO ser titjieb permezz ta' l-upgrading ta' dawn l-impjanti.

Impjanti għat-trattament tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 19563 u 19653 u jgħid xi progress sar fil-bini ta' l-impjanti għat-trattament tad-drenaġġ f'Malta u Għawdex? Kif qegħdin jiġu funded dawn il-proġetti? Hemm xi skadenza marbuta ma' dawn il-fondi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Malta Regional Innovation Strategy

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huwa inkarigat mill-Malta Regional Innovation Strategy (MARIS)? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra draft report ta' din l-istrateġija? Jista' jgħid min huma l-partners Maltin, Spanjoli u Taljani f'dan il-proġett tas-sitt framework?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-proġett MARIS qiegħed jiġi eżegwit mid-dipartiment 'Enterprise Support' fi ħdan il-Malta Enterprise Corporation. Il-proġett għadu ma wasalx fil-fażi li tiġi żviluppata l-istrateġija, proċess li għandu jibda matul is-sena li ġejja. Malta Enterprise Corporation hija l-unika 'partner' Malti f'dan il-proġett. It-tlett 'partners' barranin li qed jipparteċipaw f'dan il-proġett huma kif ġej: Istituto Andaluz de Tecnologija bażati fil-belt ta' Seville ġewwa Spanja. Agencia de Innovacion y Desarrollo de Andalucia bażati fil-belt ta' Seville ġewwa Spanja. META - Group s.r.l. bażati fil-belt ta' Terni ġewwa l-Italja.