Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tribunal dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur – talbiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien n-numru ta’ talbiet quddiem it-Tribunal dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur sal-aħħar tas-sena 2013? Kemm kienu t-talbiet ġodda sal-aħħar ta’ April 2014 u kemm kien hemm pendenti sal-aħħar ta’ April 2014?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li sa l-aħħar tas-sena 2013 kien hemm tlett mija u sitt (306) talbiet quddiem it-Tribunal dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur. Daħlu disgħin (90) talba ġdida sal-aħħar ta’ April 2014. Kien hemm mija u għaxar (110) talbiet pendenti sal-aħħar ta’ April 2014.

Istitut dwar l-Istandards u l-Metroloġija – applikazzjonijiet għal Direttur Ġenerali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta’ dawk li tefgħu l-applikazzjoni biex jimtela l-post ta’ Direttur Ġenerali għad-Diviżjoni dwar ir-Regolamenti Tekniċi u biex jimtela l-post ta’ Direttur Ġenerali tal-Istitut dwar l-Istandards u l-Metroloġija?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ntefgħu ħames applikazzjonijiet biex jimtela l-post ta’ Direttur Ġenerali għad-Diviżjoni dwar ir-Regolamenti Tekniċi u ħames applikazzjonijiet biex jimtela l-post ta’ Direttur Ġenerali tal-Istitut dwar l-Istandards u l-Metroloġija.

Istitut dwar l-Istandards u l-Metroloġija – proċess għal għażla ta’ Direttur Ġenerali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kif se jitmexxa l-proċess biex jintgħażel id-Direttur Ġenerali għad-Diviżjoni dwar ir-Regolamenti Tekniċi u d-Direttur tal-Istitut dwar l-Istandards u l-Metroloġija liema applikazzjonijiet għalqu fil-25 ta’ April 2014?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kontra kif sar qabel fi żmien il-Gvern Nazzjonalista, meta d-Diretturi Ġenerali kienu jkunu hand picked mill-Ministru stess din id-darba l-għażla għad-Diretturi Ġenerali għad-Diviżjoni dwar ir-Regolamenti Tekniċi u l-Istitut dwar l-iStandards u l-Metroloġija se tkun fdata f’idejn interviewing board.

Programm għat-tnaqqis tal-prezzijiet tal-mediċini

Question

Peress li l-Gvern jidher li mhux interessat li jkompli bil-programm tal-Gvern preċedenti li jnaqqas il-prezzijiet tal-mediċini fuq is-suq, tista’ l-Ministru tgħid x’rwol ġdid għandhom dawk l-uffiċjali li qabel kienu responsabbli minn din l-attività?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-ftehim li sibna mal-Gvern preċedenti ma kienx jorbot lill-istakeholders kollha peress li uħud minnhom kienu rrifjutaw li jiffirmawh. Għaddejjin diskussjonijiet li għandhom iwasslu għal roħs ta’ ċerti mediċini.

Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — PR u media events – nefqa totali

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 8721 u tgħid mill-10 ta' Marzu 2013 sal-lum xahar b’xahar, kemm ġew organizzati PR u media events mill-Uffiċċju tagħha? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività, kemm kienet in-nefqa fuq backdrops, dawl, sound u faċilitajiet oħra awdjoviżivi? Kemm kienet in-nefqa fuq disinn u stampar ta' materjal? Kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet? Dawn intgħażlu wara sejħa pubblika?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba għal perjodu Marzu 2013 sa Settembru 2013 qegħda tidher fit-tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 4510. L-informazzjoni għal perjodu Ottubru 2013 sa April 2014 għadha qed tinġabar.

Playgrounds — Spezzjonijiet

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 9142 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u li issa ġiet riferuta lilha u ċjoè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 8965, jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni ħa, u/jew x'azzjoni qed jieħu, lokalità b'lokalità dwar il-playgrounds li huma taħt ir-responsabilità tal-kunsilli lokali u li ġew irrakomandati biex jingħalqu mill-MCCAA? jista' jgħid liema minn dawn il-playgrounds li ġew rakkomdandati li jingħalqu għadhom miftuħin?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 8965 l-MCCAA kienet irrakomandat biex f’xi playgrounds għandha titieħed azzjoni immedjata mill-Kunsilli Lokali rispettivi biex jiġu eliminati riskji ta’ korrimenti fil-playgrounds. Huwa f’idejn il-Kunsilli Lokali li jieħdu azzjoni. Jiena nfurmata li minn dawk it-28 playingfield msemmija fit-tweġiba Parlamentari numru 8965 hemm playingfield waħda li bħalissa hija magħluqa. Din hija Ġnien f’Misraħ il-Fidwa l-Imqabba. Il-kunsilli lokali l-oħra laqgħu ir-rakkomandazzjonijiet tal-MCCAA u ħadu jew se jieħdu azzjoni biex il- playgrounds tagħhom isirulhom ix-xogħolijiet meħtieġa biex ikunu siguri.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — xogħlijiet lil individwu

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ingħataw lill-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tagħha bejn l-1998 u Marzu 2013, sena b’sena (inkluż ħatriet f’bordijiet)? Tista’ tgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Tista’ tgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-individwu msemmi ma ngħata ebda xogħolijiet mill-Minsiteru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili u l-entitajiet li jaqgħu taħtu.

Pesticide Residues – Testijiet

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultati kollha tat-testijiet tal-pesticide residues li saru matul is-sena 2013 fuq frott, ħaxix u laħam? Tista’ tgħid f'liema laboratorju saru dawn it-testijiet u għal min hu akkreditat dan il-laboratorju?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li hemm numru ta’ riżultati tat-testijiet tal-pestiċidi li saru matul is-sena 2013 li huma parti minn proċeduri ġudizzjarji li għadhom għaddejjin u għalhekk m’għandhomx ikunu ppubblikati f’dan l-istadju. Għaldaqstant qed inpoġġi biss fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultat fejn il-każ ġie deċiż mill-Qorti. Il-laboratorji użati huma dawn : 1. Generalitat Valenciana, Conselleria De Presidencia l Agricultura, Pesca, Alimentacio l’Algua Direccio General de Produccio Agraria l Ramaderia Servici d’Analisi Agroalimentari Pintor Goya, 8 46100 Burjassot, Valencia, Spain Dan il-laboratorju huwa akkreditat ma’ ENAC u jieħu sehem fil-proficiency test tal-Kummissjoni Ewropea. 2. LGC Ltd, Queens Road Teddington Middlesex UK Dan il-laboratorju huwa akkreditat ma’ l- United Kingdom Accreditation Service u jieħu sehem fil- proficiency test tal-Kummissjoni Ewropea.

Pesticide Residues – Testijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm jgħaddi żmien minn meta jinġabru l-kampjuni ta' frott, ħaxix u laħam li jintbagħtu għat-testijiet għal pesticide residue sakemm ikun magħruf ir-riżultat? Tista’ tgħid kif jintbagħtu l-kampjuni għat-testijiet? Kemm kienu l-ispejjeż kollha relatati sabiex isiru dawn it-testijiet matul is-sena 2013? Tista’ tgħid ukoll għaliex dawn it-testijiet ma jsirux f' Malta?

Response (DALLI, HELENA)

Jiena nfurmata li bejn wieħed u ieħor jgħaddu minn ġimgħatejn sa tlett ġimgħat minn meta jinġabar il-frott u l-ħaxix sakemm joħroġ ir-riżultat tat-testijiet. Uffiċċjal tad-direttorat tas-sorveljanza fuq is-suq immur personalment b’dawn il-kampjuni permezz ta’ titjira diretta. Waqt it-trasport il-kampjuni jinżammu fi stat iffriżat. L-ispejjeż kollha relatati sabiex isiru dawn it-testijiet matul is-sena 2013 kienu ta’ Eur18,650. F’Malta għad m’hawnx laboratorju akkreditat li janaliża ir-residwi ta’ pesticidi u li jieħu sehem fil- Proficiency tests tal-Unjoni Ewropeja hekk kif mitlub mil-liġi dwar il-livelli massimi ta’ residwi ta’ pesticidi .

Livell ta’ Pesticide Residues

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk matul is-sena 2013 kienx hemm każijiet li l-livell tal-pesticide residue kienx daqs jew aktar mil-livell aċċettat? Jekk iva, tista’ tgħid kemm- il darba dan irriżulta, liema kienu l-prodotti involuti u x'azzjoni ttieħdet mill-MCCAA?

Response (DALLI, HELENA)

Fis-sena 2013, erbgħa prodotti irriżultaw bl-livelli ta’ pestiċida aktar għoljin mill-livell massimu ta’ residwi hekk kif stipulat mill-Unjoni Ewropea. Dawn il-prodotti kienu: -Kampjun ta’ frawli -Tliet kampjuni ta’ ħawħ. Fil-każijiet kollha ittieħdet azzjoni legali kontra l-bdiewa nvoluti. Fil-każ tal-kampjun tal-frawli, il-bidwi involut ammetta l-ħtija quddiem il-Magistrat filwaqt li fir-rigward tat-tliet każijiet l-oħra tal-ħawħ, il-proċeduri legali ġewwa l-Qorti ta’ Malta għadhom għaddejjin.

Laboratorji — amalgamazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal il-proċess tal-amalgamazzjoni tal-laboratorji? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport dwar il-proċess ta' amalgamazzjoni tal-laboratorji u jekk dan ir-rapport ma jeżistix, tpoġġi minflok ir-roadmap ta' dan il-Gvern dwar dan il-proċess?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet dwar it-tisħiħ tal-laboratorji. Għaldaqstant f’dan l-istadju l-Ministeru mhux f’pożizzjoni li jagħti aktar informazzjoni dwar il-proċess.

Programm televiżiv — intervista

Question

B'referenza għall-programm televiżiv li deher fuq RAI TV fil-11 ta’ Marzu li għadda li kien jittratta prodotti bioloġiċi għall-annimali, tista’ l-Ministru tgħid f'liema kapaċità kien qiegħed jidher il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament fl-intervista li saret mid-diriġenti tal-programm liċ-ċermen tal-MCCAA u d-direttur tal-Istandards?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellanta li l-persuna li qed tirreferi għaliha ħadet sehem fil-programm tar-RAI fil-kapaċita’ tagħha ta’ Chairman ta’ l-Awtorita’ Kompetenti għal Agrikultura Organika fi ħdan il- Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — xogħlijiet lill-individwu

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ingħataw lill-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tagħha bejn l-1998 u Marzu 2013, sena b’sena (inkluż ħatriet f’bordijiet)? Tista’ tgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Tista’ tgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-individwu msemmi ma ngħata ebda xogħlijiet mill-Minsiteru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili u l-entitajiet li jaqgħu taħtu.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — xogħlijiet lill-kumpanija

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ingħataw lill-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tagħha bejn l-2011 u Marzu 2013, sena b’sena? Tista’ tgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Tista' tgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hija l-NCPE li ngħatat servizzi legali mill-kumpanija msemmija. Dan ix-xogħol sar b’kuntratt li kien ingħata wara sejħa għall-offerti li beda minn Awwissu 2011. Il-ħlasijiet kull sena kienu dawn: 2011: €3,718.25 2012: €9,993.14 2013: €10,306.59

Standards and Metrology Institute u Technical Regulations Division — Diretturi Ġenerali ġodda

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi proċedura se tintuża biex jintgħażlu u jiġu appuntati Diretturi Ġenerali ġodda fl-Istandards and Metrology Institute u fit-Technical Regulation Division? Kif se jkun kompost il-bord tal-għażla u x'sejjer ikun ir-rwol tal-Ministeru u tal-Bord tal-Awtorità fl-għażla finali?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li minkejja li l-Att tal-2011 dwar l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur tipprovdi li Direttur Ġenerali “għandu jiġi maħtur mill-Bord wara konsultazzjoni mal-Ministru”, ġie deciż li toħroġ sejħa għall-applikazzjonijiet biex jimtlew il-pożizzjonijiet imsemmija fid-domanda tagħha biex jiġi assigurat aktar trasparenza fl-għażla li se ssir. Il-Bord tal-għażla għadu ma ġiex imwaqqaf billi l-applikazzjonijiet għadhom jistgħu jiġu sottomessi sal-25 ta' April 2014.

Playgrounds — spezzjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il spezzjoni saret fi playgrounds minn April 2013 sal-aħħar ta’ Marzu 2014? Tista’ tgħid f'liema lokalitajiet saru dawn l-ispezzjonijiet? Tista’ tgħid jekk l-MCCAA irrakomandatx l-għeluq ta’ xi playgrounds u jekk fl-affermattiv liema huma dawn il-playgrounds?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li saru 158 spezzjoni bejn April 2013 u l-aħħar ta’ Marzu 2014. Dawn l-ispezzjonijiet saru fil-lokalitajiet kollha ta’ Malta u Għawdex fejn hemm playgrounds taħt ir-responsabilità tal-kunsilli lokali. Ġew irrakkomandati 28 playground biex jingħalqu kif jidher hawn taħt: Ġnien Triq San Dwardu – Il-Birgu Ġnien tal-Mirakli – Ħal Lija Ġnien Tagħna t-Tfal – L-Isla Ġnien 13 t’April – Ħal Safi Ġnien tal-Blat 1 – Ħal Qormi Ġnien Dun Karm Vella – Ħal Safi Ġnien l-Infetti – Ħaż-Żebbuġ Ġnien il-Qawsalla – Iż-Żejtun Ġnien Dun Ġorġ Preca – Santa Venera Ġnien San Girgor – Iż-Żejtun Ġnien il-Kunsill – Ħaż-Żabbar Ġnien il-Qigħan – Il-Mellieħa Ġnien Ta’ Żwejt – San Ġwann Ġnien Raymond Caruana – Il-Gudja Ġnien 15 t’Ottubru – Iż-Żokrija, l-Mosta Playingfield ħdejn il-grawnd tal-futbol – Il-Gudja Għar Lapsi Park Playground – Is-Siġġiewi Ġnien Misraħ San Rokku – Ħal Għaxaq Ġnien Nicolo’ Communet – Il-Qrendi Ġnien il-Ħamrija – In-Naxxar Ġnien Tfal ir-Raħal – L-Imqabba Ġnien l-Indipindenza – Tas-Sliema Ġnien f’Misraħ il-Fidwa – L-Imqabba Ġnien Madre Tereża ta’ Kulkutta - Pembroke Ġnien it-Tfal taż-Żurrieq – Iż-Żurrieq Ġnien Ta’ Żagħruna – Ħal Għargħur Ġnien 4 ta’ Lulju – Pembroke Ġnien ix-Xatt – Ix-Xgħajra.

MCCAA – Impjegati Għawdxin

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm huma l-impjegati Għawdxin li jaħdmu full-time u part-time mal-MCCAA li jaħdmu Malta? Tista’ tgħid x'qed isir biex possibbilment dawn jinstabilhom impjieg f'Għawdex?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li hemm tmien impjegati Għawdxin mal-MCCAA li jaħdmu Malta u li tnejn minnhom huma preżentament seconded ma’ Ministeri. F’dan il-mument m’hemm ebda ħsieb li jitellgħu xi ħaddiema jaħmu Għawdex. Xi wħud mill-ħaddiema Għawdxin jaħdmu bit-telework.

Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — PR u media events – nefqa totali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid mill-10 ta' Marzu 2013 sal-lum xahar b’xahar, kemm ġew organizzati PR u media events mill-Uffiċċju tagħha? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività, kemm kienet in-nefqa fuq backdrops, dawl, sound u faċilitajiet oħra awdjoviżivi? Kemm kienet in-nefqa fuq disinn u stampar ta' materjal? Kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet? Dawn intgħażlu wara sejħa pubblika?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u LIbertajiet Ċivili — xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ingħataw lill-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tagħha bejn Settembru 1998 u Dicembru 2010, sena b’sena? Tista’ tgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Tista’ tgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumpanija msemmija ma ngħatat l-ebda xogħol mill-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili u l-anqas mill-entitatjiet li jaqgħu taħt dan il-Ministeru.

MCCAA — rapport

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 5325, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport finali dwar l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-rapport imsemmi fih informazzjoni kunfidenzjali inkluż data personali tal-impjegati kif ukoll informazzjoni dwar attività kummerċjali u għalhekk m’għandux ikun ippubblikat.