Legislature:
Category:
Reset
Active:

Self-Employed — Benefiċċji ta' mard

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' self-employed li fis-snin 1998-1999-2000-2001 talbu għajnuna/benefiċċji ta' mard minħabba ċirkostanzi ta' ċertifikat mediku? Kemm kien l-ammont imħallas lil dawn is-self-employed fis-snin imsemmija? Kemm saru spezzjonijiet mill-uffiċjali tad-DSS għall-verifika ta' dan il-mard? Kemm kienu rrapportati abbużi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma tinżammx statistika kif qed jitlob iżda mis-sena 1999 bdiet tinżamm biss statistika ta' kemm intilfu numru ta' ġranet xogħol minn persuni self employed minħabba mard. Din l-istatistika tinsab fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninsab infurmat li ma tinżammx statistika dwar it-Tieni Parti tal-Mistoqsija. Dwar spezzjonijiet, għandu jingħad li hija proċedura tad-Dipartiment li persuni li jkunu għamlu numru ta' ġranet bis-sick leave, jintalbu jidhru quddiem panel mediku maħtur taħt il-provedimenti ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali. Il-ħlas tal-benefiċċju jitkompla kemm il-darba l-panel mediku jkun tal-parir li l-persuna ma tkunx tista' taħdem minħabba l-kundizzjoni tagħha. Ninforma lill-Onor. Membru li ma tinżammx statistika ta' kemm isiru rapporti dwar abbużi, iżda f'kull każ id-Dipartiment jieħu dawk il-provedimenti li jidhirlu xierqa biċ-ċirkostanzi biex jiġi żgurat li dawk li jabbużaw jinqabdu.

Pensjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk mara li tkun ħadmet għal numru ta' snin, pero' naqset li tapplika għall-pensjoni qabel għalqet is-60 sena, tibqax intitolata għall-pensjoni li tkun ħallset għaliha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor.Interpellant li persuna ma titlifx id-dritt għall-pensjoni għax ma tapplikax qabel tagħlaq l-eta' tal-pensjoni. Fil-fatt, persuna li tapplika għall-pensjoni kontributorja fi żmien sitt xhur mid-data li fiha tilħaq l-eta' tal-pensjoni ma titlef ebda parti mill-pensjoni. Jekk l-applikazzjoni ssir wara li jiskadu dawn is-sitt xhur, il-pensjoni tibda titħallas mill-ewwel Sibt ta' wara d-data li l-applikazzjoni tasal fid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

Pensjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex il-persuna li d-dettalji tagħha jintbagħtu separatament, ma rċevitx pensjoni wara li soffriet disabilita' permanenti fuq il-post tax-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li d-Dipartiment qiegħed jinvestiga l-każ tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant. Aktar il-quddiem id-Dipartiment ser jinforma bl-eżitu tal-każ direttament lill-persuna konċernata.

Awtorita` tad-Djar — Chairperson

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid: a) kemm kienu s-seminars li attendiet għalihom iċ- chairperson ta' l-awtorita' tad-djar? b) fejn ġew miżmuma? c) Jista' jgħid jekk kenitx akkompanjata u jekk fl-affermattiv minn min?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Matul din is-sena ċ-Chairperson ta' l-Awtorita' tad-Djar attendiet żewġ seminars: 1. "Sustainable Liveable Cities" li saret Leeds bejn id-9 u t-12 ta' Ġunju 2002. Waħda mill-Managers akkumpanjat liċ-Chairperson; 2. "3rd European Ministers Conference on Sustainable Housing" li saret Brussels bejn is-27 u 28 ta' Ġunju 2002. Il-General Manager akkumpanjat liċ-Chairperson.

Awtorita` tad-Djar — Proprjeta` mingħand il-privat

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk tul dawn l-aħħar erba' snin l-awtorita' tad-djar akkwistatx xi proprjeta' mingħand il-privat? Jekk fl-affermattiv: 1) mingħand min? 2) b'liema valur? 3) x'kienu l-kriterji li wasslu għal dan l-akwist?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 24282 f'Seduta Nru. 511.

Awtorita` tad-Djar — Promozzjonijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid, għar-rigward ta' l-awtorita' tad-djar: 1) kemm kienu l-promozzjonijiet li ngħataw mill-14 ta' Frar 2001 'il hawn; 2) minn liema għal-liema grad dawn ġew mgħotija; u 3) lil min ġew mogħtija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li mid-data ndikata mill-Onor. Interpellant, fl-Awtorita' tad-Djar ingħataw 24 promozzjoni. Dawn ingħataw kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorita` tad-Djar — Chairperson

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm laptops, fax machines, telefones (sew ċellulari u sew jekk xorta oħra), printers u IT units inġenerali ġew mixtrija għall-użu esklużżiv taċ-chairperson ta' l-awtorita' tad-djar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li Chairperson ta' l-Awtorita' tad-Djar għandha għall-użu tagħha mobile phone, fax machine, computer u inkjet printer.

Dar ta' l-Anzjani

Question

B'riferenza għall-każ, ref. no: ECSD/H/297/2002 li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament jista' il-Ministru jestendi l-għajnuna tiegħu sabiex jiġi rremedjat il-bżonn in kwestjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament sarilha l-assessment mediku fl-10 ta' Awissu li għadda. Il-każ issa qed jiġi kkunsidrat skond il-priorita' tiegħu flimkien ma' każi oħra.

Benefiċċju Soċjali

Question

Jista' il-Ministru jara li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li ilha barra mix-xogħol minħabba mard sa minn Marzu, tirċievi l-benefiċċju neċessarju?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena nfurmat li d-Dipartiment qiegħed jinvestiga l-każ tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant. Aktar il-quddiem id-Dipartiment ser jinforma bl-eżitu tal-każ direttament lill-persuna konċernata.

Housing — Skemi

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi skema sabiex persuna tirranġa jew tagħmel gallerija ġdida ta' l-injam fil-Kottonera?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita' tad-Djar għanda żewġ skemi biex gallarija tiġi rranġata jew mibdula. Dawn huma: Skema 5 - Sussidju Fuq Xogħolijiet ta' Irranġar fi Djar Privati Li Huma Okkupati minn Inkwilini jew Ċenswalisti u Skema Z - Sussidju Fuq Xogħolijiet Ta' Irranġar u Titjib f'Residenzi Privati Okkupati minn Sidien. Inkwilini/Sidien f'kull lokalita' ta' Malta jistgħu japplikaw taħt dawn l-iskemi.

Benefiċċju Soċjali — Għajnuna tal-Wens

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex waslet it-talba tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, għall-għajnuna tal-wens?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena nfurmat li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali qiegħed jinvestiga l-każ tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant. Aktar il-quddiem id-Dipartiment ser jinforma bl-eżitu tal-każ direttament lill-persuna konċernata.

SVDP — Ħinijiet tal-Viżitaturi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma l-ħinijiet għall-viżitaturi fl-isptar San Vincenz de Paule? Jingħataw permessi lill-familjari biex joqogħdu ma' l-anzjani f'ħinijiet oħra, speċjalment meta l-anzjani ma jkunux kapaċi jieħdu ħsieb tagħhom infushom? Kif wieħed jista' japplika għall-permess bħal dan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħinijiet għall-viżitaturi fir-Residenza San Vinċenz de Paule huma hekk: Bejn l-10.00 a.m. u l-11.00 a.m. Bejn it-3.00 p.m. u l-5.00 p.m. Bejn is-7.00 p.m. u t-8.00 p.m. F'ċerti każi, xi qraba jingħataw permess biex jibqgħu fis-sala biex jitimaw residenti li ma jkunux kapaċi jieklu weħidhom. Dan isir fuq bażi volontarja u bi qbil man-Nursing Officers. Biex wieħed ikollu permess bħal dan jista' l-ewwel jitkellem man-Nursing Officer u wara jiġbor il-permess mill-Uffiċċju ta' l-Amministrazzjoni.

Politika Soċjali — Karozzi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm għandu karrozzi b'kollox? Kemm minnhom huma petrol u kemm diesel? Minn fejn jingħataw il-fuel? Il-karozzi jittieħdu magħhom id-dar, jew jitħallew il-ministeru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-karozza assenjata lili bħala Ministru hija Honda Accord u li kienet nxtrat fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti. Petrol jittieħed mingħand France Petrol Station, Fgura u mingħand Rizzo Service Station, B'Kara. Is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru għall-Politika Soċjali għandu għad-dispożizzjoni tiegħu karozza Peugout 406, b'magna diesel u Kia Avella, b'magna petrol. Il-fuel għal dawn il-karozzi jittieħed mingħand Skan Service Station, u mingħand St Joseph Petrol Station, it-tnejn f'Sta Venera. Bħal fil-każ ta' kull Ministru u Segretarju Parlamentari ieħor, preżenti u passati, dawn il-karozzi huma għad-dispożizzjoni tiegħi u s-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tiegħi, 24 siegħa kulljum.

Żejtun — Persuna li weġġgħet fuq il-post tax-xogħol

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jivverifika għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ma reġgħetx ġiet imsejħa biex tidher quddiem il-bord wara li fit-8 ta' Ġunju 2001 kienet weġġgħet fuq il-post tax-xogħol u spiċċat rikoverata l-Isptar San Luqa? Billi l-aħħar darba li dehret quddiem il-bord kien f'Ġunju ta' din is-sena, meta hu ppjanat li terġa' tissejjaħ quddiem il-bord?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena nfurmat li d-Dipartiment qiegħed jinvestiga l-każ tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant. Aktar il-quddiem id-Dipartiment ser jinforma bl-eżitu tal-każ direttament lill-persuna konċernata.

Benefiċċju Soċjali

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm iridu jkunu l-mezzi sabiex persuna tkun eliġibbli għall-għajnuna tal-mard?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dritt għall-Għajnuna tal-Mard hu regolat, minbarra l-aspett mediku, mit-test tal-mezzi. Dan it-test tal-mezzi jinqasam fi tnejn. L-ewwel test hu dak tar-riżorsi kapitali u t-tieni wieħed jirrigwardja d-dħul fil-ġimgħa tal-familja ta' l-applikant. Ir-riżorsi kapitali ma jridux ikunu aktar minn Lm4,000 f'każ ta' persuna waħedha, u mhux aktar minn Lm7,000 f'każ ta' koppja. Jekk persuna tissodisfa t-test tar-riżorsi kapitali, ssir stima tad-dħul kollu fil-ġimgħa tal-familja ta' l-applikant. Id-dħul fil-ġimgħa ma jridx jeċċedi l-ammont ta' Lm9.30 fil-ġimgħa f'każ ta' persuna waħedha, wara li mid-dħul jitnaqqas l-eqwivalenti tal-Pensjoni Minima Nazzjonali fil-ġimgħa, relatata mal-każ li jkun. F'każ ta' koppja l-ammont stabbilit hu ta' Lm12.80 fil-ġimgħa wara li mid-dħul jitnaqqas l-eqwivalenti tal-Pensjoni Minima Nazzjonali relatata mal-każ.

Benefeċċju Soċjali

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi skema sabiex mara armla tirċievi xi għajnuna sabiex tirranġa r-residenza tagħha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita' tad-Djar għandha diversi skemi ta' sussidju għall-irranġar tad-dar. Dawn huma: Skema Z - Sussidju fuq Xogħolijiet ta' Irranġar u Titjib f'Residenzi Privati Okkupati mis-Sidien; Skema 5 - Suddidju fuq Xogħolijiet ta' Irranġar fi Djar Privati Okkupati mill-Inkwilini jew Ċenswalisti; Skema W - Sussidju fuq Xogħolijiet ta' Irranġar fi Djar Proprjeta' tal-Gvern. Dawn l-iskemi jista' jibbenefika minnhom kull min jissodisfa l-kundizzjonijiet marbuta ma' l-iskema rispettiva, immaterjalment mill-istat ċivili ta' l-applikant

Housing

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi ħadet l-awtorita' tad-djar sabiex tinvestiga l-allegat riskju għal terzi persuni li d-dettalji qed jintbagħtu separatament, li jirriżulta li hemm f'wieħed mill-maisonettes ta' l-awtorita' f'Ħad-Dingli, skond rapport li sar minn perit?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-każ li rrefera għalih l-Onor. Interpellant qed jiġi nvestigat flimkien mad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar u l-Awtorita' għall-Ippjanar u l-Ambjent.