Legislature:
Category:
Reset
Active:

OPM — Impjegati

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-ministeru, dipartimenti u enti oħra fid-dekasteru tiegħu matul is-sena 2005-2006? Jista' jgħid f'liema grad hu kull impjegat ġdid?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli A u B. Tabella A turi l-informazzjoni li tirrigwardja l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Fir-rigward tal-Ministeru tal-Finanzi, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal-Mistoqsija Parlamentari numru 16602 li tagħti rendikont ta’ l-imjegati ġodda għas-sena 2005. Għas-sena 2006, l-informazzjoni mitluba tinsab f’Tabella B. Din l-informazzjoni hija aġġornata sa l-aħħar ta’ Novembru 2006.

Surcharge fuq id-dawl u l-ilma

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm nefaq il-gvern biex eżenta 13,000 familja mis-surcharge fuq id-dawl u l-ilma matul is-sena 2006?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub ser jingħata mill-Ministru għall-Investiment, Industrija u t-Teknoloġija ta’ l-Informatika fi tweġiba għall-mistoqsija simili bin-numru 22680 magħmula lilu mill-Onor Interpellant.

Bolla tal-part-timers

Question

Jista' il-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21802 cioe' jista' jgħid kemm huwa previst li se jkun hemm benefiċċjarji li se jgawdu mill-aġġustament fil-bolla tal-part-timers li huwa l-uniku impjieg tagħhom, bil-miżura introdotta fil-budget?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Servizz tal-Helicopter — VAT

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm tħallas VAT mill-kumpannija Spanjola li kienet qed tħaddem is-servizz tal-helicopter bejn Għawdex u Malta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Industrija tal-manifattura

Question

Nirriferi lill-Prim Ministru għat-tweġiba li tani għall-mistoqsija parlamentari 22343 dwar dħul medju tal-ħaddiema fl-industrija tal-manifattura, fejn qalli li d-data li tlabtu ma teżistix. Jista' il-Prim Ministru jagħtini l-informazzjoni għas-settur tal-manifattura in ġenerali għal Malta u Għawdex rispettivament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Vetturi tal-gvern

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid għal liema raġuni kull dipartiment għażel li jixtri jew jikri tali karozzi? Jista' jagħti l-prezz ta' kull vettura li jinsabu maċ-ċivil u anke l-prezz mikri ta' kull karozza, il-mudell f'każ li mixtri u l-prezz ta' kirja jekk kemm-il darba tkun mikrija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Uffiċjali tad-dwana

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22097 u jgħid, b'riferenza għal każ ta' tkeċċija ta' dan l-aħħar ta' żewġ uffiċjali tad-dwana, jekk il-persuni li attwalment evadew il-ħlas ta' dazju humiex se jiġu prosekuti? Jista' jgħid jekk hemmx aktar uffiċjali tad-dwana in konnessjoni ma' dan il-każ li se jittieħdu passi dixxiplinarji kontrihom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

F’dan l-istadju m’inhix f’pożizzjoni li nwieġeb għall-ewwel parti tal-mistoqsija. Dwar it-tieni mistoqsija, ninsab infurmat illi s’issa ma jirrizultax illi hemm xi uffiċjali oħra tad-Dwana li huma implikat fil-każijiet li rreferit għalihom l-Onorevoli Interpellant.

Multa Dwar Taxxa tad-Dħul

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom armla li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, weħlet multa dwar it-taxxa tad-dħul?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni personali ma tistax tingħata minħabba d-dispożizzjoni ta’ segretezza fl-Atti dwar it-Taxxi.

Casino Di Venezia

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid min kien l-avukat jew ditta ta' avukati li ħadet ħsieb l-interessi tal-Casino Di Venezia meta din kellha l-liċenzja tagħha sospiża?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li mhuwiex fil-kompitu ta’ l-awtorita’ dwar ir-rappreżentanti legali tal-kumpanija lliċenzjati ma’ l-Awtorita, fosthom Casino di Venezia.

National Euro Changeover Committee — Xiri ta' Computers

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22309 u jgħid: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 22182 dwar computers mixtrija minn National Euro Changeover Committee, jista' il-Prim Ministru jgħid mingħand min inkisbu quotations qabel ma waqgħet l-għażla fuq FGL information rigward tal-computers u laptops mixtrija fi Frar 2006? X'kienu r-restrizzjonijiet ta' l-għażla u d-disponibbilta' li l-Prim Ministru rrifera għalihom fit-tweġiba tiegħu? Rigward dawk mixtrija f'Ġunju 2006, jista' il-Prim Ministru jipprovdi l-e procurement RFQ? X'kienu l-ispecifications mitluba? Kemm kien hemm kumpanniji oħra li ttenderjaw għalihom? X'kienu l-prezzijiet ikkwotati? Fuq liema kriterju saret l-għażla finali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 22309

NSO — Illitteriżmu fl-iskejjel

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19975 dwar l-illitteriżmu li saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi u li issa ġiet riferuta lilu, jista' il-Prim Ministru jgħid meta sar l-aħħar studju dwar l-illitteriżmu f'pajjiżna? Kemm hu stmat li hawn nies illitterati? Kemm minnhom huma ta' l-eta' ta' l-iskola? Jista' jgħid ukoll x'inhi t-tifsira uffiċjali ta' persuna illitterata f'pajjiżna? Jista' jipprovdi l-informazzjoni dwar bliet u rħula separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija Parlamentari numru 20393.

Sptar Mater Dei — Hardware

Question

Billi f'mistoqsija parlamentari 22261 il-Prim Ministru rriferieni għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 22064, fejn il-Prim Ministru qalli li t-tagħrif għadu qed jinġabar, jista' jagħti dan it-tagħrif li huwa fl-interess pubbliku u li żgur ma jirrikjedix daqstant żmien biex jinġabar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 22064.

AFM

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm telqu persuni mill-Armata din is-sena u għaliex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li sa l-aħħar ta’ Novembru ta’ din is-sena spiċċaw 71 persuna mill-Forzi Armati ta’ Malta. - 1 talab li jispiċċa wara li għalaq il-55 sena - 5 xtraw il-ħall tagħhom mis-Servizz - 4 ġie tterminat is-servizz tagħhom fl-interess tas-Servizz - 17 ġie tterminat is-servizz tagħhom minħabba raġunijiet ta’ saħħa - 15 li kienu fuq estensjoni tagħhom fuq il-55 sena - 9 spiċċaw hekk kif għalqu 25 sena servizz - 11 ġie tterminat is-servizz tagħhom waqt ir-reklutaġġ - 5 spiċċaw wara li għażlu li jingaġġaw fil-Korp tal-Pulizija - 1 miet waqt li kien għadu jservi fis-Servizz - 3 voluntiera li kienu jservu fil-Forza ta’ Emerġenza ta’ Riżerva ta’ Voluntiera xtraw il-ħall tagħhom mill-Forza.

AFM — Promozzjonijiet

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid meta se joħorġu promozzjonijiet fl-Armata u meta saru l-aħħar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li presentament qed isir l-eserċizzju ta’ promozjonijiet li jkun lest fil-ġimgħat li ġejjien. Sa dan it-tant dak fir-ranks ta’ Logutenant Kurunell, Maġġuri u Kaptani saru xahrejn ilu. L-aħħar li sar ezerċizzju ġenerali ta’ promozzjonijiet fl-armata kien fl-2001.

VAT — Bio-diesel

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm tħallsu VAT u dazju fuq l-importazzjoni tal-bio-diesel matul is-sena 2006? Minn min ġie importat il-bio-diesel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li matul is-sena 2006 (sa Novembru) tħallsu Lm398 dazju u Lm2280 VAT fuq l-importazzjoni tal-‘bio-diesel’. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, ngħarrfek illi dan hu tagħrif kummerċjali u għaldaqstant kunfidenzjali.

Kumissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21418 u ġentilment ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-aħħar rapport li sar minn kull imħallef u maġistrat li jippresjedi fuq xi qorti lill-kummissjoni għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja sal-15 ta' Jannar, 2006 u jinkludi l-lista tal-kawżi pendenti skond Artiklu II ta' Kap 369?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 22113.

Vetturi tal-gvern

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kif issir l-għażla ta' kull karozza mixtrija u għal liema għan tkun inxtrat tip ta' vettura minn oħra? F'dan ir-rigward nitlob li saħansitra jiġu ppreżentati t-tenders ta' kull vettura kemm mixtrija jew mikrija.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi x-xiri ta’ vetturi għall-ħtiġijiet tal-Gvern, bħal kull xorta ta’ akkwist ieħor għall-użu uffiċjali, jaqa’ taħt ir-Regolarmenti ta’ l-2005 dwar il-Kuntratti Pubbliċi. Madankollu, fir-rigward ta’ karozzi akkwistati biex jintużaw bħala l-vettua uffiċjali ta’ kapijiet jew uffiċjali oħra li, skond il-kuntratt tagħhom, huma intitolati għal karozza bl-ispejjeż kollha mħallsa, r-regolamenti li japplikaw huma dawk ipprovduti taħt iċ-Ċirkulari tal-Miniteru tal-Finanzi MFC 5/98. Għar-rigward tat-tieni part ital-mistoqsija, ma narax il-ħtieġa li dawn jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sptar Mater Dei — Sistema ta' I.T.

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid f'liema stadju waslet is-sejħa għal offerti għall-I.T. għall-isptar Mater Dei? Meta mistenni li s-sistema tkun installata kollha kemm hi u l-ħaddiema jkunu ngħataw it-taħriġ kollu kif din għandha titħaddem?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 21058