Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #27048 Sitting 584 2001-07-18 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Prodotti Mediċinali

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu n-negozjati u t-trattivi mal-korpi kostitwiti u l-unions rigward l-introduzzjoni ta' sistema ta' liċenzjar għall-prodotti mediċinali?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li d-Dipartiment tas-Saħħa qed jikkonsulta mal-korpi kostitwiti rigward l-introduzzjoni ta` sistema ta` liċenzjar għal prodotti mediċinali. Filwaqt li jidher li hemm qbil fil-prinċipju dwar il-ħtieġa għal introduzzjoni ta` din is-sistema il-proċess ta` konsultazzjoni dwar l-introduzzjoni tagħha għadu għaddej.
Leg 9 PQ #27056 Sitting 584 2001-07-18 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Dipartiment tas-Saħħa — Mediċini

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'mediċini għall-użu tad-dipartiment tas-saħħa, kemm fl-isptarijiet kif ukoll fl-ispiżeriji tal-gvern? Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri qed jittieħdu, jew beħsiebu jieħu, biex tiġi kkontrollata l-ispiża tal-mediċini dejjem tiżdied ta' mediċini mixtrija mill-gvern?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li n-nefqa f'mediċini għal użu tad-Dipartiment tas-Saħħa mill-ewwel ta` Jannar ta` din is-sena sa l-aħħar ta` Ġunju kienet tlaħħaq is-somma ta` LM5,564,923. Id-Diviżjoni tas-Saħħa qed jieħu l-misuri kollha biex tiżgura li ma jkunx hemm ħela fl-użu tal-mediċini u li mediċini jingħataw biss lil dawk in-nies li huma intitolati għalihom. Id-Dipartiment tas-Saħħa qed jħares lejn diversi sistemi li jistgħu jiġu ntrodotti sabiex l-ispiża tal-mediċini tkun tista` tiġi kkontrollata aħjar. Madanakollu l-vern preżenti mhux beħsiebu li fil-kontroll ta` l-infieq fuq il-mediċini jerġa` jdaħħal miżuri anti-soċjali li jolqot l-iżjed lil dawk li l-inqas jifilħu jħallsu bħalma kienet it-tariffa ta` 50 ċenteżmu li kien daħħal il-Gvern preċedenti.
Leg 9 PQ #27146 Sitting 584 2001-07-18 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Prodotti Mediċinali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-relazzjoni preżenti bejn id-dipartiment tas-servizzi farmaċewtiċi u dak tas-servizzi veterinarji rigward l-adozzjoni ta' l-acquis għal dak li għandu x'jaqsam mal-prodotti mediċinali? Qegħdin jiġu adottati l-istess policies f'dan ir-rigward? Xi pjani hemm għall-futur?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-adozzjoni ta` l-Acquis għal dak li għandu x'jaqsam mal-prodotti mediċinali għal użu fil-bnedmin u fl-annimali huma żewġ proċessi totalment distinti u qed jiġu ittrattati separatament mid-Dipartiment tas-Saħħa u mid-Dipartiment għas-Servizzi Veterinarji rispettivament. Saru diversi kuntatti bejn iż-żewġ Dipartimenti biex jiġi żgurat li fejn hemm proċeduri simili dawn ikunu konformi ma` xulxin. Fil-futur ir-regolamentazzjoni tal-mediċini għal użu fil-bnedmin se tkun taħt ir-responsabbilta` ta` awtorita` mwaqqfa apposta għal dan il-għan. Filwaqt li l-mediċini veterinarji se jiġu regolati mid-Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji. Hemm ippjanat li aktar il-quddiem ir-regolamentazzjoni tal-mediċini għall-użu fl-annimali tiġi trasferita wkoll f'idejn l-awtorita`.
Leg 9 PQ #27147 Sitting 584 2001-07-18 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Acquis — Qasam Farmaċewtiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk intalbitx, jew jekk hix ser tintalab għajnuna jew konsulenza Maltija jew barranija għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-adozzjoni ta' l-acquis fil-qasam farmaċewtiku? Lil min intalbet din l-għajnuna u fiex waslu t-tratattivi? Min ser jagħmel tajjeb għall-ispiża nvoluta?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Fil-proċess tal-adozzjoni ta` l-acquis fil-qasam farmaċewtiku d-Diviżjoni tas-Saħħa ilha għal dawn l-aħħar xhur f'negozjati diretti mal-Medicines Control Agency ta` l-Ingilterra biex ikun jista` jintlaħaq ftehim sabiex l-aġenzija Ingliża tgħin lid-Dipartiment tas-Saħħa u eventwalment lill-awtorita` li ser titwaqqaf biex tikkontrolla l-mediċini fil-proċessi kollha li jkun hemm bżonn biex mediċini ikunu jistgħu jiġu evalwati għal dak li għandu x'jaqsam ma kwalita`, sigurta` u effikaċja u b'hekk ikunu jistgħu jitpoġġew fuq is-suq Malti. In-negozjati waslu biex jiġu finalizzati u huwa ttamat li fil-futur qarib jiġi ffirmat kuntratt bejn l-awtoritajiet Maltin u dawk Ingliżi. L-ispiża involuta għadha qed tiġi negozjata u determinata u meta din tkun stabbilita jiġi deċiż min u kif ser jagħmel tajjeb għaliha.
Leg 9 PQ #27489 Sitting 584 2001-07-18 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Dipartiment tas-Sanita

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani x'passi ħa d-Dipartiment tas-Sanita sabiex jieħu l-passi dwar l-ilmenti tar-residenti t-toroq partikulari fil-Mosta kif imfissra fl-ittra datata 3 ta' Novembru 2000 mis-Sindku tal-Mosta li tagħha qed nibgħat kopja separatament? Jista' l-Ministru jinfurmani bil-progress li sar, x'passi se jkompli jittieħdu u x'inhija s-sitwazzjoni llum?

Response (DEGUARA, LOUIS)

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 27489, nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull darba li rċevejna xi lment dwar xi skart konness mas-supermarket indikat dejjem ittieħdu l-passi neċessarji mill-Ispetturi tas-Saħħa u l-area ġiet disinfestata għal kontra l-ġrieden. Illum, 17 ta' Lulju 2001, saret spezzjoni oħra mill-ispettur tar-Reġjun fis-sit fejn hemm il-gaġġa msemmija u skip iżda ma ġietx innutat xi skart fl-art. Mill-aħħar ilment li sar fi Frar ta' din is-sena ma waslux aktar ilmenti. Rigward l-ilmenti l-oħra msemmija fl-ittra annessa, ninforma li dawn ma jaqawx taħt il-kompetenza ta' dan id-Dipartiment.
Leg 9 PQ #27411 Sitting 583 2001-07-17 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Swimming Pools Pubbliċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kull meta huwa mistenni li jinbidel l-ilma fi swimming pools pubbliċi?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Jien infurmat li skond regolamenti sanitarji m'hemm l-ebda żmien speċifiku kull meta għandu jinbidel l-ilma fi swimming pools sakemm dawn ikunu mgħammra b'sistemi ta' ċirkolazzjoni w filtrazzjoni effiċjenti kif ukoll disinfettar regolari ta' l-ilma. Infakkar wkoll li swimming pools pubbliċi huma wkoll regolati minn regolamenti tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma.
Leg 9 PQ #27422 Sitting 583 2001-07-17 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tas-Saħħa

Qabar

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'hiex waslet l-appikazzjoni għall qabar tal-familja li d-dettalji dwarha qed jinbagħtu separatament li ilha pendenti snin sħaħ?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Jien infurmat li l-applikazzjoni għal qabar tal-familja ndikata datata 30 ta' April 1997 qegħda fid-942 post fir-reġistru taċ-Cimiterju ta' l-Addolorata. Ninforma li meta tkun lesta l-estenzjoni li jmiss fl-Addolorata, l-oqbra jingħataw bħas-soltu skond il-lista ta' reġistrazzjoni.
Leg 9 PQ #27426 Sitting 583 2001-07-17 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tas-Saħħa

Belt, Valletta — Trobbija ta' Annimali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif ma ttieħdu l-ebda passi kontra min qed irabbi sriedaq, tiġieġ, żwiemel u ħmara fi Triq il-Lanċa, Marsamxett? Ma jaħsibx il-Ministru li t-trobbija ta' dawn l-annimali hi ta' inkonvenjent għall-ġirien, minbarra li qed jinħolqu problemi sanitarji?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Jien infurmat li saru diversi spezzjonijiet fi Triq il-Lanċa Fil-Belt, Valletta minn uffiċjali ta' dan id-Dipartiment anke' fil-preżenza tal-Pulizija tad-Distrett. Għaldaqstant irriżulta li l-persuna kkonċernata kkonformat ruħha mal-Liġi wara li ġiet imwissija kemm mill-Pulizija kif ukoll mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika. L-aħħar spezzjoni saret fis-16 ta' Lulju fejn ġie kkonfermat li n-numru ta' annimali kien skond il-Liġi u miżmuma fi stat tajjeb ta' ndafa.
Leg 9 PQ #27430 Sitting 583 2001-07-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tas-Saħħa

Overdosages

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 25217, jista' l-Minsitru jispjega xi jfissru l-kategoriji msemmija?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li fit-tweġiba li tajt għall-mistoqsija Parlamentari Nru. 25217 kont spjegajt xi jfissru l-kategoriji A, B u C. Nitlob lill-Onor. Interpellant jerġa' jara t-tweġiba li kont tajt.
Leg 9 PQ #27470 Sitting 583 2001-07-17 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tas-Saħħa

Spiżeriji

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jingħataw permessi ġodda għal spiżeriji go Marsaxlokk? Kemm hemm pendenti u kemm ingħataw permessi ġodda f'dawn l-aħħar 5 snin?

Response (DEGUARA, LOUIS)

F'Marsaxlokk hemm erba' (4) applikazzjonijiet pendenti għal spiżeriji ġodda, u f'dawn l-aħħar ħames snin ma' ngħata l-ebda permess għal spiżerija ġdida f'dan il-lokal. Għall-ewwel parti tad-domanda nirreferi l-Onorevoli Membru għat-tweġiba tiegħi għal-Mistoqsija Nru. 18948.
Leg 9 PQ #27472 Sitting 583 2001-07-17 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru tas-Saħħa

Bord Mediku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' impjegati tal-Gvern li qegħdin jistennew li jgħaddu Bord Mediku mit-Tobba tad-Dipartiment tas-Saħħa? Kemm huma n-numru minn entitajiet li huma kontrollati mill-Gvern?

Response (DEGUARA, LOUIS)

In-numru ta' mpjegati tal-Gvern li qegħdin jistennew li jgħaddu Bord Mediku mit-Tobba tad-Divizjoni tas-Saħħa huwa 69. In-numru minn entitajiet li huma kontrollati mill-Gvern huwa 11.
Leg 9 PQ #27391 Sitting 582 2001-07-17 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptarijiet — Awtonomija

Question

Jista' l-Ministru jagħti t-timetable għat-transizzjoni li hemm ippjanata li ssir bejn illum u l-2003 għad-dħul ta' l-awtonomija fl-isptarijiet?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-pjan għat-transizzjoni lejn l-awtonomija ta` l-isptarijiet qed jiġi mfassal u ma jistax jiġi finalizzat qabel ma jsiru n-negozjati neċessarji mal-Unions.
Leg 9 PQ #27393 Sitting 582 2001-07-17 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar Monte Carmeli — Pazjenta

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jżomm milli pazjenta, li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tiġi trasferita mill-Isptar Monte Carmeli għar-residenza San Vincenz fil-psychogeriatric ward?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Peress li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija ta' natura personali, għandha tiġi segwita l-proċedura kif indikata fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 13567 f'seduta 235.
Leg 9 PQ #27384 Sitting 581 2001-07-16 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar Ġdid

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sistema ser tintuża fl-isptar il-ġdid f'Tal Qroqq rigward preparazzjoni għall-ikel tal-pazjenti li eventwalment ser jagħmlu użu minn dan l-isptar?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-ikel għall-pazjenti ta` l-isptar il-ġdid f'Tal Qroqq ser jiġi ppreparat off-site u trasportat l-isptar fejn ser ikun hemm sistemi ta` riġenerazzjoni qabel ma` jitqassam lill-pazjent.
Leg 9 PQ #27387 Sitting 581 2001-07-16 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar il-Ġdid — Awditjar

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-awdituri li qed jawditjaw il-ħlas għax-xogħlijiet li qed isiru fl-isptar il-ġdid f'Tal-Qroqq?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-Cost Controllers (u mhux l-Awdituri) li qed jivverifikaw ix-xogħolijiet u jiċċertifikaw il-ħlas għax-xogħolijiet li qed isiru fl-isptar il-ġdid f'Tal-Qroqq huma Horwath CLS Ltd. (Malta)/EC Harris (UK).
Leg 9 PQ #27388 Sitting 581 2001-07-16 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa — Sodod

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm sodod fl-isptar San Luqa għal kull speċjalista u sub speċjalista?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Is-sodod fl-Isptar San Luqa m'humiex ta' l-ispeċjalisti, iżda ta' l-ispeċjalita jew dipartiment. In-numru ta' sosod f'kull speċjalita hu dan li ġej: Kirurġija 241 Mediċina 205 Pedjatrija, F/L,D/L 68 ENT 33 Oftalmija 17 CCU 17 Sir Temi Zammit 8 Ortopedija 66 Burns 6 Neurosurgery 45 Psikjatrija 11 Renal 24 Kura Intensiva 18 ANW 26 LW 12 + 6 sodod għal-ħlas PNW 48 + Cots Gynae Ward 44 + 8 għal każi li jitilqu fl-istess ġurnata.
Leg 9 PQ #27389 Sitting 581 2001-07-16 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar Ġdid — Sodod

Question

Jista' l-Minsitru jgħid kemm hemm sodod ippjanati fl-isptar il-ġdid f'Tal-Qroqq, għal kull speċjalista u sub speċjalista?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Filwaqt li t-tqassim tas-sodod skond l-ispeċjalitajiet ser ikun kif speċifikat fil-Medical Brief ta` l-isptar il-ġdid, iż-żmien għadu prematur biex wieħed jassenja s-sodod għal kull speċjalita` u sub speċjalita`.
Leg 9 PQ #27390 Sitting 581 2001-07-16 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa/Sptar il-Ġdid

Question

Jista' l-Ministrtu jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjani tal-gvern kif ser isir il-migration of services mill-isptar San Luqa għall-isptar il-ġdid?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-pjan tal-'migration of services' għadu qiegħed jiġi mfassal mill-esperti lokali. Hemm il-ħsieb li tintalab għajnuna ta` konsulenti barranin.
Leg 9 PQ #27334 Sitting 580 2001-07-13 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru tas-Saħħa

Air Conditioning

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni rigward xi nuqqasijiet fl-appointment section tal-x-ray deptment fl-isptar San Luqa, jiġifieri kellux talba għal aktar staff u wkoll kellux rapporti ta' dewmien żejjed biex tisewwa s-sistema tal-air conditioning?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Jien infurmat li kien hemm żewġ ħaddiema li bdew bil-'maternity leave'. Bħalissa qed isir taħriġ ta' 'casual substitute executive officer' biex timtela waħda mill-vakanzi. Bl-għajnuna ta' staff ieħor fid-Dipartiment tar-Radjoloġija ġie assigurat li x-xogħol fis-sezzjoni ta' l-appuntamenti baqa' sejjer bla xkiel. Dwar l-'air conditioner' fis-sezzjoni ta' l-appuntamenti, nikkonferma li saru t-tiswijiet wara li nxtraw 'spare parts' meħtieġa, u issa dan qed jiffunzjona b'mod normali.
Leg 9 PQ #26735 Sitting 579 2001-07-13 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tas-Saħħa

Out of Stock

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jistax jinvestiga l-ilment li pazjenti fil-gynecological ward tal-Isptar San Luqa ma ingħatawx il-vitamini meħtieġa għax om li huma out of stock u saħansitra ħeġġewhom biex jixtruhom min buthom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li l-vitamini Fergon, Fersolin kif ukoll Folic Acid 5mgs huma dejjem għad-dispożizzjoni tal-pazjenti fuq il-Gynaecology Ward. Xi pazjenti jitolbu prodotti oħra (bl-istess vitamini) imma li ma humiex fuq il-formularju ta` l-isptar. Jekk dawn in-nisa jibqgħu jinsistu fuq dawn it-tip ta` prodott, ikollhom jixtruh minn buthom. Qatt ma kien hemm li l-vitamini li huma fil-formularju kienu 'out of stock'. Jekk l-Onor. Interpellant għandu l-isem speċifiku tal-vitamini konċernati nitolbu jgħaddihuli ħalli nikkonferma dan li qiegħed ngħid.