Legislature:
Category:
Reset
Active:

Familja u Solidarjeta' Soċjali — Karozzi Mikrija

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm kellu karozzi mikrija matul din is-sena l-ministeru, id-dipartimenti u l-enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, maqsuma skond kull dipartiment jew enti u r-rati relattivi għal kull kirja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Tista' il-Ministru tara li tmexxi aktar 'il quddiem każ ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li din il-familja kienet inħarqitha d-dar u jinsabu għaddejjin bix-xogħol? Jistgħu dawn is-sinjuri jiġu informati bl-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita’ tad-Djar approvat lill-familja ndikata mill-Onor. Interpellant is-somma dovuta taħt Skema W bħala sussidju għal xogħol ta’ rranġar u titjib fi proprjeta’ mikrija mill-Gvern. Fil-15 ta’ Settembru 2006, ġie ffirmat il-ftehim għall-għotja u nfurmawhom li għandhom sena żmien biex ilestu x-xogħlijiet u jipproduċu l-irċevuti fiskali. Meta dawn l-irċevuti jiġu sottomessi lill-Awtorita’, issir spezzjoni mill-Perit ta’ l-Awtorita’ u jkun jista’ jsir il-pagament.

Każ dwar Benefiċċji tal-Mard

Question

Tista' il-Ministru tagħti spjegazzjoni għaliex persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li applika għal benefiċċju tal-mard ma ġietx approvata t-talba tiegħu? Jista' jiġi informat bl-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.

Requisition Orders

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'inhi l-politika tal-gvern fir-rigward tar-requisition orders?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kif żgur li jaf l-Onor. Interpellant, dan il-Gvern ma jaqbilx mal-ħruġ ta' ordnijiet ta' rekwiżizzjoni tant li emenda l-liġi fl-1995 biex dawn ma jkomplux joħorġu. Aktar minn hekk, il-politika ta' dan il-Gvern dwar dawn l-ordnijiet hi li fejn hemm postijiet li kienu koperti b'rekwiżizzjoni, fejn hu possibbli, din titneħħa. Id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali ilu għaddej għal diversi snin b'eżerċizzju biex jidderekwiżizzjona postijiet li kienu koperti b'ordni ta' rekwiżizzjoni, liema proċess ser ikompli fil-futur. Permezz ta' dan il-proċess, meta post rekwiżizzjonat jiġi vakat, tinħareġ derekwiżizzjoni u ċ-ċwievet jingħataw lura lis-sid mingħajr il-ħtieġa ta' talba formali lid-Dipartiment. Fil-każ ta' postijiet rekwiżizzjonati li għadhom okkupati, id-derekwiżizzjoni tinħareġ jekk is-sid jirrikonoxxi lill-inkwilin u dan bl-iskop li ebda inkwilin ma jitlef il-protezzjoni minn żgumbrament.

Postijiet Rekwiżizzjonati

Question

Tista' il-Ministru tgħid f'kemm medja ta' snin għandu ħsieb il-gvern li l-postijiet rekwiżizzjonati u li għandhom l-ordni tar-rekwiżizzjoni tinħarġilhom id-derequisition?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Hu mistenni li, minbarra postijiet li ma jkunx possibbli li jiġu derekwiżizzjonati għar-raġuni li s-sid ma jirrikonoxxix l-inkwilin, il-postijiet rekwiżizzjonati kollha li fadal jiġu derekwiżizzjonati f'anqas minn għaxar snin.

Att dwar is-Sigurta' Soċjali

Question

Tista' il-Ministru tagħti l-interpretazzjoni li d-direttur tas-sigurta' soċjali għandu dritt li jagħti skond l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, Artiklu 2, tal-Kap tal-Familja (head of household) u ta' household?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Artikolu 2 ta’ l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali (Kap 318) jiddefinixxi l-kliem “familja” u “kap tal-familja” hekk: - “"familja" tfisser persuna waħda li fl-opinjoni tad-Direttur tkun tabita waħedha jew żewġ persuni jew iżjed li fl-opinjoni tad-Direttur ikunu jabitaw flimkien bħala familja: Iżda – ( a ) għall-finijiet ta’ Għajnuna għal Mard mitluba dwar persuna li għandha ’l fuq minn sittin sena, flimkien ma’ martu jew żewġha, jekk ikun hemm, skond il-każ, u t-tfal u li ħadd minnhom ma jkun f’impieg assigurabbli jew persuna li taħdem għaliha nnifisha; u ( b ) għall-finijiet ta’ Għajnuna għal Mard dwar skizofrenja kronika fir-rigward ta’ xi membru tal-familja li mhuwiex il-kap tal-familja jew martu, jekk ikun hemm, dawk il-persuni jew dawk il-koppji, għandhom, jekk ikun ta’ vantaġġ għalihom, jitqiesu bħala li jiffurmaw familja għal rashom: Iżda wkoll għall-finijiet ta’ Għajnuna Medika bla ħlas mogħtija taħt dan l-Att, id-Direttur jista’, jekk iħoss li ċ-ċirkostanzi tal-familja hekk jeħtieġu, jeskludi mill-kompożizzjoni tal-familja kull persuna jew persuni li kieku kienu jiffurmaw parti minnha;” “"kap ta’ familja" dwar familja li tkun ta’ żewġ persuni jew iżjed tfisser dik il-persuna li, fl-opinjoni tad-Direttur, tkun kap tal-familja;” Ninsab infurmata li minn mindu ilhom fis-seħħ dawn id-definizzjonijiet mill-1996, Diretturi tas-Sigurta’ Soċjali suċċessivi, inkluz dak preżenti, interpretaw id-definizzjoni ta’ “familja” bħala mhux neċessarjament rabta b’konsegwenza ta’ żwieġ jew konsangwinita’. Fir-rigward tad-definizzjoni ta’ “kap ta’ familja”, meta aktar minn persuna waħda tirresjedi fl-istess fond, id-Direttur għandu d-diskrezzjoni li jiddeċiedi min minnhom huwa l-kap tal-familja għal skopijiet ta’ l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali.

Awtorita' tad-Djar — Applikazzjoni taħt Skema W

Question

Tista' il-Ministru tara li jitmexxa l-każ li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament? Tista' il-persuna tiġi nformata bl-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-każ tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġie riferut lid-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Tiswija ta’ Djar bħala d-Dipartiment responsabbli għall-irranġar ta’ soqfa fi blokki residenzjali tal-Gvern. Ninsab infurmata wkoll li din il-persuna ġiet mgħarrfa b’dan l-iżvilupp fis-6 ta’ Ottubru 2006.

Każ dwar Pensjoni

Question

Tista' il-Ministru tara jekk il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, hijiex tieħu pensjoni kemm suppost peress li qed tieħu biss Lm156 fix-xahar? Tista' din il-persuna tiġi informata bl-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.

Każ dwar Pensjoni

Question

Tista' il-Ministru tara jekk persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, huwiex jieħu pensjoni li suppost għax hu jaħseb li qed jieħu anqas? Jista' jiġi informat bl-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.

Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Tista' il-Ministru tara li tinvestiga kif tirrimedja każ urġenti li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, minħabba l-problemi tal-familja u l-konsegwenzi diffiċli li qed jgħixu l-membri tal-familja in kwestjoni? Tista' il-Ministru tapprova akkomodazzjoni soċjali immedjatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-każ tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qed jingħata l-attenzjoni meħtieġa. Ninsab infurmata wkoll li f’Ġunju ta’ din is-sena, din l-persuna ġiet offruta post alternattiv li rrifjutat.

Persuni fuq ir-Relief

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hawn persuni fuq ir-relief illum? Kemm minnhom huma nisa, kemm huma rġiel, kemm huma single u kemm huma miżżewġa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Servizzi soċjali — Children Allowance

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm kien hawn familji li kienu jieħdu ċ-children allowance kull sena għal dawn l-aħħar għaxar snin? Kemm ħareġ il-gvern kull sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant hu kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninsab infurmata wkoll li riċentament ġie aġġornat il-programm li permezz tiegħu tinġabar l-istatistika dwar in-numru ta' benefiċjarji ta' l-Allowance tat-Tfal. Dan il-programm issa jinkludi kull benefiċjarju li jirċievi l-allowance għal xi perjodu matul is-sena kalendarja ndikata.

Persuni boarded out — Pensjoni

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hu l-ammont ta' pensjoni li qed tingħata lil persuni li huma boarded out illum? Kif tikkompara dan ma dik li qed tingħata lil single mothers u l-unemployed?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li r-rata sħiħa tal-Pensjoni Minima Nazzjonali għall-Invalidita' hi ta' Lm41.91 fil-ġimgħa għal persuna weħedha u Lm48.46 fil-ġimgħa għal koppja. Dwar it-Tieni Parti tal-Mistoqsija, tajjeb jiġi ċċarat li l-ħlas ta' Pensjoni għall-Invalidita' jiddependi mill-kontribuzzjonijiet tas-Sigurta Soċjali li persuna tkun ħallset, filwaqt li r-rati tal-Għajnuna Soċjali mħallsa lis-single mothers u l-Għajnuna Soċjali għad-Disimpjieg jiddependu mit-test tal-mezzi tal-familja kif ukoll minn numru ta' membri f'dik il-familja. Barra minn dan, persuna li tkun qed tirċievi l-Għajnuna Soċjali, kemm bħala single mother u kemm bħala disimpjegata, tista' tibbenefika awtomatikament għal benefiċċji mhux kontributorji oħra li ma jitħallsux awtomatikament mal-Pensjoni għall-Invalidita'. Peress li l-Pensjoni għall-Invalidita' u l-Għajnuna Soċjali lis-single mothers jew għad-Disimpjieg jitħallsu a bażi ta' kriterji u skemi differenti, waħda kontributorja u l-oħra mhux kontributorja, ma nħossx li wieħed jista' jikkompara l-benefiċċji mħallsa taħt iż-żewġ skemi oġġettivament.

Għajnuna Soċjali — Unmarried Mothers

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm inħarġu flus f'relief għal unmarried mothers kull sena f'dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għajnuna Soċjali — Unmarried Mothers

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hawn unmarried mothers fuq ir-relief illum u kemm kien kull sena f'dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Dwar l-informazzjoni mitluba għas-snin 1996 sas-sena 2000 nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 22982 f'Seduta Numru 478 fil-Leġislatura preċedenti. Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub dwar is-snin 2001 sa' din is-sena hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hawn postijiet li s-sid tagħhom hu l-gvern, l-uffiċċju konġunt, jew li l-postijiet huma rekwiżizzjonati (li titħallas kera lis-sid privat) li jamministra/iqassam dawn il-postijiet id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li preżentement hawn 7,544 post privat rekwiżizzjonat. Minn dawn, id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali jamministra, jiġifieri jaċċetta l-kera għax is-sid ma jirrikonoxxix lill-inkwilini, 168. Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferiha lill-Ministru konċernat.

Dipartiment/awtorita' tad-djar

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta hu ppjanat li ssir l-amalgamazzjoni bejn id-dipartiment/awtorita' tad-djar, li jaqgħu taħt id-dekasteru ta' l-istess ministeru? X'se jiġri mill-ħaddiema tal-gvern? Min hu nvolut f'din l-amalgamazzjoni? Min huma l-persuni li qed jagħmlu dawn it-taħditiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-proċess li jwassal għall-amalgamazzjoni tal-funzjonijiet ta' l-Awtorita' tad-Djar, tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali u tad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar inbeda kif indikajt fit-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 21220 f'Seduta Numru 440. L-impjegati tal-Gvern preżentement fid-Dipartimenti msemmija ser jiffurmaw parti mill-istruttura l-ġdida li tkun tinkorpora l-funzjonijiet kollha li bħalissa għandha l-Awtorita' u dawn iż-żewġ Dipartimenti. Ninsab infurmata li fil-laqgħat kollha ta' informazzjoni mal-Unions ħadu sehem is-Segretarju Permanenti fil-Ministeri tiegħi u uffiċjal mill-Management and Personnel Office, fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Ħadu wkoll sehem uffiċjali mill-Awtorita' u d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar, skond il-każ.