Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 24524 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li ġiet riferuta lilu u cioe': Jista' l-Prim Ministru jgħid f'hiex waslet l-applikazzjoni għaċ-ċittadinanza tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li saret fit-28.04.00?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onorevoli Interpellant ġiet approvata fl-20 ta’ Marzu, 2001.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 24446 li oriġinarjament saret lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi u li ġiet riferuta lilu u cioe': Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk it-tipi ta' negozji li m'hawnx permessi sabiex jinfetħu ġodda?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi m`hawnx restrizzjonijiet dwar liċenzji tal-Pulizija għal ftuħ ta` ħwienet ġodda.
Jista' l-Ministru jikkonferma li fil-ftehim li sar bejn il-kunsill lokali, Raħal Ġdid u l-amministrazzjoni tal-ħabs kien stabilit li l-bankina ta' quddiem il-ħabs titħallas mill-gvern ċentrali bħala kumpens lir-residenti ta' Raħal Ġdid minħabba l-estensjoni tal-ħabs?
Response (BORG, TONIO)
Skond il-ftehim imsemmi mill-Onor. Interpellant l-awtoritajiet tal-Ħabs ħadu ħsieb li jħallsu l-ispejjeż tax-xogħol fuq l-imsemmija bankina fid-distanza li tagħti mill-għassa tal-Pulizija sa fejn jasal il-boundary wall tal-Parking Area.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hawn tfajliet taħt is-16-il sena li kienu rapportati li qed jipprostitwixxu ruħhom, sena b'sena matul dawn l-aħħar għaxar snin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant mhux disponibbli taħt forma ta` statistika.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każi rapportati ta' tfal taħt is-16-il sena li kienu qed jabbużaw mill-alkaħol, sena b'sena matul dawn l-aħħar għaxar snin?
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 23968 li oriġinarjament kienet saret lil Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe jista' l-Ministru jgħid fejn waslet l-applikazzjoni tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħatu separatament għaċ-ċittadinanza doppja li saret fit-22 ta' Awissu, 2000 u li ngħatat l-irċevuta P339350?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant ġiet approvata fil-5 ta` Marzu, 2001.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħa l-korp tal-pulizija wara l-allegazzjonijiet ta' diskriminazzjoni fuq persuni ta' nazzjonalita' barranija li ma tħallewx jidħlu f'ċerti stabilimenti ġewwa Paceville u San Ġiljan?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kull meta l-Pulizija tirċievi xi ilment simili, issir l-investigazzjoni meħtieġa u jittieħdu l-passi skond il-liġi jekk ikun il-każ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu kwereli, rapporti u allegazzjonijiet ta' diskriminazzjoni razzjali lill-korp tal-pulizija tul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? Ta' liema nazzjonalita' kienu l-kwerelanti? Ta' liema nazzjonalita' kienu l-kwerelati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant ma jinżammx taħt forma ta’ statistika.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu rrapportati każi ta' swat minn Maltin fuq persuni ta' nazzjonalita' barranija tul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena,? X'nazzjonalita' kienu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant mhux disponibbli taħt forma ta` statistika.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stat wasal il-każ nru. B54/98 li jinvolvi r-rimi ta' skart ta' l-industrija tal-bini f'San Blas, liema zona saħansitra ġiet deskritta bħala zona ta' sbuħija naturali mill-Awtorita' tat-Turiżmu
Response (BORG, TONIO)
Għal dak li jikkonċerna l-Pulizija ninsab infurmat illi ma jirriżultax li hemm xi każ pendenti li jirrigwardja dak li rrefera għalih l-Onor. Interpellant fil-Mistoqsija tiegħu.
Minn naħa ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ninsab infurmat illi din ma għanda l-ebda każ bir-referenza B 54/98.
Jista' l-Ministru jgħid jekk nagħtax permess mill-awtorita' ta' l-ippjanar għax-xogħol li qed isir bħala preparazzjoni għall-attivita' li se ssir mill-Papa fuq il-fosos tal-Furjana?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fit-8 ta’ Marzu, 2001, l-Awtorita` ta’ l-Ippjanar kienet aċċettat notifika għall-bini ta’ Padiljun temporanju, għal mhux aktar minn tliet xhur, kif stipulat fi Klassi 12 ta’ l-Avviż Legali 137 ta’ l-1997.
F`ittra lill-Perit responsabbli kien hemm indikat ċar li x-xogħol kollu jeħtieġ ikun reversibbli u s-sit għandu jerġa` jiġi f`istat oriġinali tiegħu immedjatament wara d-9 ta` Mejju 2001.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi beħsiebu jieħu d-dipartiment tal-protezzjoni ċivili sabiex jagħmilha possibbli li din is-sena jitnaqqsu l-imwiet fuq il-baħar, speċjalment minn għarqa u minn bċejjeċ tal-baħar żgħar?
Response (BORG, TONIO)
Bħas-snin ta’ qabel, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Civili qiegħed jaħseb sabiex iħaddem il-‘lifeguard services’ f’dawk il-bajjiet f’Malta li huma l-aktar iffrekwentati minn numru kbir ta’ għawwiema matul ix-xhur tas-Sajf. Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili iħaddem dan is-servizz flimkien ma` għaqdiet volontarji li huma ir-Red Cross, is-St. John Ambulance Brigade u s-St. John Rescue Corps. Għal din is-sena, il-Gvern ivvota s-somma ta’ Lm20,000 għal dan is-servizz.
Ta’ min jgħid ukoll illi waqt il-perijodu msemmi, id-dipartiment jagħmel kull sforz possibli sabiex in-numru ta’ inċidenti fuq il-bahar ukoll jonqos kemm jista’ jkun. Il-pubbliku innifsu jista’ ukoll jgħin li jiġu evitati tali inċidenti speċjalment billi josserva r-regolamenti applikabbli f’kull ħin. Dan jgħodd b’mod partikolari għas-sewwieqa ta’ l-inġenji tal-baħar.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-kriterji li fuqhom il-planning authority toħroġ permessi f'areas residenzjali għal restaurants? X'inhuma l-impatti li tikkunsidra bħala kriterji li fuqhom tiddeċiedi f'dan it-tip ta' każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi, kemm minħabba l-ħtiega ta’ parking kif ukoll minħabba impatt li jista` jkollu fuq ir-residenti, il-kriterju prinċipali huwa d-daqs tar-restorant. Ovvjament akbar ma jkun ir-restorant aktar ikun hemm ħtieġa ta’ parking u aktar ikun l-impatt fuq ir-residenti. L-Awtorita` ta’ l-Ippjanar tqis ukoll x’hemm fl-area madwar ir-restorant propost. Jekk l-area in kwestjoni hija ddominata b’attivita kummerċjali, ikun aktar favorevoli li jinħareġ permess milli kieku l-area hija purament residenzjali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru transfers ta' pulizija minn Settembru 1998 sal-lum?
Response (BORG, TONIO)
Dwar it-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant għal perijodu mis-6 ta’ Settembru 1998, sas-27 ta’ Novembru 2000, nirreferih għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 21632. Dwar il-perijodu bejn it-28 ta’ Novembru 2000, u s-27 ta’ Marzu 2001, ninsab infurmat li kien hemm 37 membru tal-Korp li tbiddlilhom ix-xogħol tagħhom fid-diversi sezzjonijiet tal-Korp.
Jista' l-Ministru jgħid jekk saritx xi applikazzjoni lill-awtorita' ta' l-ippjanar għal bini ta' bankina ġdida f'Idmejda Street, Balzan, mill-kunsill lokali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni 1112/01, għal bini ta` bankina fi Triq Idmejda Balzan, daħlet fit-8 ta` Marzu 2001 u bħalissa qed tiġi proċessata.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jżomm li applikazzjoni għal liċenzji tal-ġarr ta' senter li saru fl-għassa tan-Naxxar, li wħud minnhom imorru lura minn Ottubru tas-sena l-oħra, għadhom sal-lum ma ġewx proċessati? Jista' jara li s-sitwazzjoni tiġi rimedjata għax dan id-dewmien huwa esaġerat u jista' jitqies anke diskriminatorju?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Ottubru tas-sena 2000 u Marzu 2001 ġew irreġistrati mill-Pulizija madwar 39 applikazzjoni fl-Għassa tan-Naxxar għall-liċenzji tal-ġarr ta` senter. Dawn ġew proċessati mid-Distrett skond il-proċedura stabbilita. Dawn issa qed jistennew l-appuntament għat-test li jsir mill-Uffiċċjali tal-Ministeru tal-Ambjent skond l-iskeda tagħhom.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni rigward is-sezzjoni tal-mounted police fejn qed ikun allegat li erba' membri jaħdmu bl-24 siegħa filwaqt li l-kumplament (madwar 15) jaħdmu bi 8 sigħat, b'detriment finanzjarju għal dawn ta' l-aħħar? Fuq liema kriterju jiġu magħżula biex jagħmlu dan ix-xogħol?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn dejjem kienet il-proċedura illi f`din it-taqsima, erba` minn numru ta` membri tal-Korp stazzjonati fiha, jaħdmu bl-24 siegħa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jistgħux jsiru l-ispezzjonijiet meħtieġa mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex jiġi verifikat jekk ix-xogħolijiet kollha li saru fil-bini, ġwwa u barra ta' Kastilja fis-snin 2000 u Jannar - Marza 2001 saru bil-permessi meħtieġa?
Response (BORG, TONIO)
Saret spezzjoni minn uffiċjali ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar fejn ġie nnotat xi xogħol li sar ġewwa Kastilja fiż-żmien imsemmi. Dan jikkonsisti fi tkomplija ta` restawrazzjoni u manutenzjoni fil-pjan sotteran (kopert b'permess PA3269/95, mahrug fis-17/10/95), installazzjoni ta` 'lifts' (kopert b'permess PA6337/94 mahrug fis-6/6/95), kif ukoll xogħol ta` manutenzjoni ordinarja fl-ewwel sular li ma jirrekjedix permess ta` żvilupp.
Qieghed isir skavar u thammil investigattiv taht is-sorveljanza tad-Dipartiment tal-Muzewijiet fil-pjan sotteran biex jigi stabbilit kif jistghu jsiru xoghlijiet ta' pedamenti b'konnessjoni ma' l-izvilupp propost f'applikazzjoni PA7165/98.
Jista' l-Ministru jgħid min Ottubru 1998 sal-lum, x'applikazzjonijiet saru quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal xogħolijiet fuq il-bini ta' Kastilja, ġewwa u barra?
X'deċiżjonijiet ħadet l-Awtorita' ta' l-Ippjanar f' kull applikazzjoni sottomessa?
X'rakkomandazzjoni għamel il-Heritage Advisory Comittee dwar l-applikazzjonijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn Ottubru 1998, l-Awtorita` ta` l-Ippjanar irċeviet żewġ applikazzjonijiet li jipproponu xogħol fuq il-bini ta` Kastilja, liema żewġ applikazzjonijiet għadhom pendenti.
Ma' jidhirlix li l-opinjoni tal-Heritage Advisroy Board (HAC), li huwa biss bord konsultattiv, ghandha tkun pubblikata qabel ma jkun finalizzat ir-rapport finali dwar applikazzjoni (id-DPAR - Development Permit Application Report) li jhejji d-Direttorat. L-opinjoni tal-HAC ghandha tkun maghrufa meta jitlesta dan ir-rapport. Dan ir-rapport sal-lum jintbaghat lill-applikant. Fl-emendi proposti tal-ligi dan ser jibda jsir pubbliku u kullhadd ser jkun jista' jikseb kopja tieghu.