Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skola sekondarja Sir Luigi Preziosi — Għajnuna lil studenti

Question

Jistgħu jittieħdu passi biex il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li tattendi Form I Sir Luigi Preziosi secondary school tingħata l-għajnuna kollha meħtieġa għax mhix f'pożizzjoni ssegwi edukazzjoni sekondarja għax hija nieqsa mill-aktar ħiliet bażiċi fl-edukazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li qed jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex l-istudenta tiġi statemented. Sakemm tiġi statemented l-iSchool Counsellor qed issegwi regolarment lill-istudenta.

Junior College — Għajnuna mill-Universita'

Question

Jista' il-Ministru jgħid mis-sena 2003 sal-lum, separatament, kemm ġiet mogħtija għajnuna addizzjonali barra l-allokazzjoni annwali fil-budget tal-gvern, lill-Junior College mill-Universita' ta' Malta u/jew mill-gvern ċentrali?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal fl-uffiċju, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Giovanni Curmi Higher Secondary — Għalliem tal-Marketing

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk instabx għalliem tal-marketing għall-Giovanni Curmi Higher Secondary tan-Naxxar minħabba li hemm numru ta' studenti li għal dawn ix-xahrejn għadhom mingħajr għalliem?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li saret l-intervista għal Supply Teacher biex jgħallem il-Marketing. Intgħażlet persuna, liema persuna m'aċċettatx għax kellha impjieg ieħor u ma setgħetx tirranġa l-ħinijiet. L-iskola ħadet il-prekawzjoni biex l-istudenti jkunu jistgħu jagħżlu suġġett ieħor jekk jixtiequ. Informat ukoll li xorta li jibqgħu jsiru tentattivi biex jinstab għalliem/a għall-Marketing.

Ħal Kirkop — Skola Primarja

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga rapporti li waslu għandi minn numru ta' ġenituri li t-tfal tagħhom li jattendu l-iskola primarja ta' Ħal Kirkop b'mod regolari qed jitolbu lit-tfal Lm1 għal photocopies, prattika li kienet issir ftit taż-żmien ilu u kienet twaqqfet wara rapporti li kienu saru?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-amminstrazzjoni ta' l-iskola ta' Ħal Kirkop fil-bidu tas-sena skolastika kienet talbet Lm1 (lira) għal photocopies biex jingħata materjal addizzjonali lit-tfal biex jgħinhom fix-xogħol li l-għalliema jkunu qed jagħmlu magħhom.

Xiri ta' kotba għall-iskejjel

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ħarġu offerti għax-xiri ta' kotba għall-istudenti għal din is-sena skolastika? Kemm-il kumpannija tefgħet l-offerta għal kull ktieb? Kemm kienet kull offerta? Lil min ingħatat?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għas-sena skolastika 2006/2007, is-sezzjoni tal-Procurement tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, ħarġet 21 offerta u 6 offerti oħra permezz tad-Dipartiment tal-Kuntratti, biex jinxtraw kotba għall-iskejjel ta' l-istat. Ser ngħaddi kopja tal-lista li tinkludi d-dettalji ta' l-ismijiet tal-kotba, min tefa' l-offerta, kemm kienet kull offerta u min rebaħ kull offerta lill-Onor. Membru.

Supply Learning Support Assistant

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm applikaw persuni għal supply learning support assistant għall-avviż li deher fil-gazzetta tal-gvern u li l-applikazzjonijiet kienu jaħalqu fil-31 ta' Mejju, 2006? Kemm minnhom ġew impjegati?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' persuni li applikaw għal Supply Learning Support Assistant għall-avviz li deher fil-gazzetta tal-Gvern u li l-applikazzjonijiet kienu jagħlqu fil-31 ta' Mejju 2006, kienu 371. Minn dawn għaddew 215. S'issa ġew impjegati 3.

Dokument dwar Appropriate School Nutrition Environment

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19410, jista' il-Ministru jgħid jekk it-task force imsemmija ressqitx id-dokument komprensiv dwar l-appropriate school nutrition environment li kellu jinkludi draft food policy?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-dokument li l-Onor. Membru qed jagħmel referenza għalih ġie pprezentat lill-Kunsill Nazzjonali tal-Kurrikulu nhar it-2 ta' Awissu 2006.

Vot 16

Question

Jista' il-Ministru jispjega l-ħtieġa tat-Lm360,000 aktar f'allowance taħt Vot 16 li ġew approprjati għas-sena li ninsabu fiha?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni talbet għal Lm360,000 aktar f'allowance taħt Vot 16 minħabba żieda meħtieġa biex tkopri l-ammont totali ta' allowances li ser jitħallsu mid-Divizjoni fl-2006.

Ħ'Attard — Skola primarja

Question

Jista' il-Ministru jara li l-wiċċ tar-rampa tal-konkos li hemm fl-iskola primarja ta' Ħ'Attard (aċċess minn ġol-ġnien) jiġi llixxat peress li hu fi stat imqalla bil-konsegwenza li meta jaqgħu t-tfal jispiċċaw mibruxin kollha?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-intervent ser jiġi kkonsidrat.

Skejjel governattivi — Hardware ta' l-IT

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21993 u jgħid kif se tinħadem is-sistema tal-leasing tal-hardware ta' l-IT għall-iskejjel governattivi skond il-budget 07? Il-MITTS se jkunu u/jew diġa' huma involuti fil-proċess?

Response (GALEA, LOUIS)

Nitlob lill-Onor. Membru jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru ta' l-Industrija, Investiment u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni.

Ħruq fl-Universita'

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'wassal għall-ħruq ta' l-istores ġewwa l-universita' u jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra: 1) Site plan tal-campus ta' l-universita' ġewwa tal-Qroqq; 2) Pjanta li turi l-blokki u l-istores fejn ġara l-ħruq fid-dettal; 3) X'materjal kienu magħmula minnhom dawn l-istores; 4) Kemm kienet id-distanza ta' bejn l-istores li qabdu u l-bini ta' ma' ġenbhom; 5) Lista tal-kimiċi u l-kwantita' u affarijiet oħra li kienu jinżammu f'dawn l-istores li qabdu; 6) Lista tal-kimiċi u l-kwantita' u affarijiet oħra li kienu jinżammu fil-bini viċin dawn l-istores; 7) Kemm żmien kien ilhom jinżammu dawn il-kimiċi fl-istores li ħadu n-nar; 8) Għal liema raġuni kienu jinżammu hemm; 9) X'passi ta' sigurta' kien hemm u liema passi ta' sigurta' fallew sabiex ġara dan il-ħruq?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal fl-uffiċju, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Gżira — Football club

Question

Jista' il-Ministru jara kif klabb tal-football tal-Gżira b'għanijiet soċjali u minħabba l-għadd kbir ta' tfal li jużawh, jiġu ameljorati l-kondizzjonijiet tiegħu billi jiġu allokati ċerti spazji u kmamar temporanjament, u li fil-preżent jinsab fi stat tal-biki?!

Response (GALEA, LOUIS)

Napprezza li l-Onor. Membru javviċinani b'aktar dettalji biex nifhem aħjar il-bżonnijiet tal-klabb Gżira F.C. u nkun nista' nara x'inhi d-direzzjoni li l-aħjar nagħti.

Maltin f'universitajiet barranin — Kors fil-Mediċina Veterinarja

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm studenti qegħdin f'universitajiet barranin li qed jagħmlu kors fil-mediċina veterinarja? Dawn jibbenefikaw minn xi għajnuna mill-Gvern Malti? Hemm xi ħseib li dan is-suġġett jibda jiġi mgħallem fl-Universita' ta' Malta?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li għadni qed nistenna tagħrif jasal fl-uffiċju tiegħi konness ma' din il-Mistoqsija, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Skejjel tal-Knisja — Għajnuna Finanzjarja

Question

Jista' il-Ministru jgħid sa l-aħħar ta' din is-sena finanzjarja kemm se tkun is-somma totali li se tingħata lill-iskejjel tal-Knisja, skond il-ftehim bejn l-Istat u l-Knisja dwar l-iskejjel? Kien hemm żidiet li ntalbu aktar minn dak li kien hemm fil-budget? Jekk fl-affermattiv, x'kienu dawn ir-raġunijiet li ngħataw għal dan?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ammont mgħoddi lill-iskejjel tal-Knisja għas-sena 2006 huwa ta' Lm12.75 miljun, wara li ġiet approvata żieda ta' Lm1 miljun lira mill-Ministeru tal-Finanzi b'ittra datata 28 ta' Novembru 2005. Informat ukoll li din iż-żieda ġiet approvata wara talba mill-Iskejjel tal-Knisja, b'ittra datata 8 ta' Novembru 2006, fejn ġie sostnut li l-ammont allokat għas-sena 2006, li oriġinalment kien ta' Lm11.75 miljun, kien baxx wisq met atqis li kien hemm arretrat li l-Knisja kellha tiehu ta' Lm1.762 miljun.

Skejjel sekondarji — Tagħrif dwar abbuż ta' alkoħol u droga

Question

Jista' il-Ministru jgħid minbarra l-lezzjonijiet normali, x'hemm ippjanat matul l-ewwel term ta' din is-sena skolastika biex l-istudenti fl-iskejjel sekondarji jingħataw tagħrif dwar l-abbuż ta' l-alkoħol u d-droga?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minbarra l-lezzjonijiet normali li fihom jingħata tagħrif dwar l-abbuz ta' l-alkoħol u d-droga hemm programm li jismu Alcohol and Drugs Prevention li jsir minn grupp ta' għalliema peripatetiċi. Il-programm isir f'diversi skejjel ta' l-istat.

Xiri ta' kotba għall-iskejjel

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inxtraw kotba ġodda għall-użu ta' l-istudenti f'din is-sena skolastika? Kemm swew lill-gvern? Jista' jgħid liema kienu dawn il-kotba u f'liema livell qed jiġu wżati?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Verdala International School — Warrant lill-għalliema

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21827 u jgħid x'inhuma r-raġunijiet għala persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ma ngħatatx warrant biex tgħallem fil-Verdala International School lit-tfal bid-dyslexia u l-Ingliż bħala ESL, xogħol li ilha tagħmlu mis-sena 2000 u li għalih tħarġet f'korsijiet internazzjonali bħal dak tat-THRASS?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li mir-rekords tad-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni ma jirrizultax li l-persuna konċernata applikat għal warrant ta' għalliema. Lanqas ma jirrizulta li l-Verdala International School innotifikat lid-Divizjoni dwar l-ingaġġ ta' din il-persuna f'din l-iskola bħala għalliema jew li din il-persuna xi darba dehret bħala għalliema f'xi Staff List ipprezentata minn din l-iskola. Napprezza li l-Onor. Membru jikseb aktar dettalji dwar il-bżonnijiet tal-persuna konċernata u javviċinani biex inkun nista' nindaga aħjar.

Persuni part-timers

Question

Jista' il-Ministru jgħid fl-ewwel sitt xhur tas-sena kemm kien in-numru ta' persuni reġistrati bħala part-timers f'Malta u Għawdex separatament? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perijodu fl-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Studenti ta' l-ITS — Smart card

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li kuntrarju għal studenti oħrajn, l-istudenti ta' l-ITS mhumiex intitolati għall-ismart card?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-istudenti li jattendu l-Institute of Tourism Studies jirċievu stipendju ta' Lm12 fil-ġimgħa għall-ewwel sena, Lm17 fit-tieni sena u Lm22 fir-raba' sena (fit-3 sena jkunu msefrin). L-istudenti huma ntitolati wkoll għal nofs il-bonus u jitħallsu mhux anqas mill-paga minima matul il-perjodu ta' Local Industrial Trade Practice (14 il-ġimgħa xogħol full-time fl-industrija) fis-sajf ta' bejn l-ewwel u t-tieni sena.