Jista’ l-Ministru jgħid kemm weħel penali kull operatur tat-Trasport Pubbliku separatament minn Lulju ta' 2011 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, xahar b' xahar, minħabba nuqqasijiet fil-provvista tas-servizz tat-Trasport Pubbliku? Kemm minn dawn il-penali tħallsu u kemm għadhom pendenti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-penali li ġew imposti fuq l-operaturi tat-trasport pubbliku fir-rigward ta’ puntwalita u affidabbilita’ minn Lulju 2011 kienu hekk kif ġej:
Sena
Valur ta’ Penali
Operatur
Noti
2011
€ 18,925.00
Arriva Malta Limited
Penali mħallsa kollha
2012
€ 425,950.00
Arriva Malta Limited
Penali mħallsa kollha
2013
€ 65,150.00
Arriva Malta Limited
Penali mħallsa kollha
2014
€ 0.00
Malta Public Transport
Perjodu meta l-operat tat-trasport pubbliku kien immexxi mill-kumpanija tal-Gvern
2015
€ 0.00
Malta Public Transport
Perjodu ta’ transizzjoni fejn ma’ ġewx imposti multi għal dak li jirigwarda puntwalita’ u affidabilita’
2016
€ 2,825.00
Malta Public Transport
Penali parzjali maħruġa għax-xahar t’April 2016
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 24957 ma jidhirlux il-Ministru li dan id-dewmien kollu fit-tlestija ta’ triq alternattiva għar-residenti tas-Salina huwa ingann min-naħa ta' Trasport Malta lejn l-istess residenti u dan peress li kemm Transport Malta kif ukoll l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ilhom snin jafu li f'din iż-żona kien hemm fdalijiet arkeoloġiċi tant li saħansitra snin ilu kienu wkoll ingħataw fondi Ewropej sabiex din iż-żona tiġi mħarrsa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet li qed jirreferi għalihom kienu kkundizzjonati mill-kostruzzjoni ta’ Triq il-Kosta. It-triq inkwistjoni ma setgħetx tinbena fl-istess perjodu meta kienet qed tinbena Triq il-Kosta għax kieku r-residenti kienu jispiċċaw imċaħda totalment mill-aċċess għar-residenzi tagħhom. Għaldaqstant, l-imsemmi finanzjar b’fondi mill-Ewropa m'għandu ebda effett fuq il-kawża inkwistjoni u Transport Malta ticħad kategorikament li ppruvat u wisq inqas ngannat lil xi ħadd.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 25018 rigward talba biex issir roundabout fit-tarf ta' Vjal il-Labour junction ma' Triq Franġisk Pisani fin-Naxxar, ma jidhirlux il-Ministru li din it-talba għandha tkun u tingħata prijorià massima anke għall-fatt li fuq il-post indikat seħħ aċċident fatali?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-proġett huwa fi stadju ta’ ppjanar u eventwalment se jkun hemm bżonn ta’ xi esprorpjazzjoni. Il-proġett se jsir skont prioritajiet nazzjonali, fondi disponibbli u l-proċess ta’ akwist.
Nitlob lill-Onor. Interpellant jissostanzja l-allegazzjoni tiegħu fejn qed jindika li l-assenza tar-rawndabout ikkawżat inċident fatali. F’każ illi l-Onor. Interpellant jonqos milli jagħmel dan inħossni obligat nenfasizza l-bżonn ta’ kawtela meta jingħaddu ċertu dikjarazzjonijiet għax qed tingħata l-impressjoni li l-infrastruttura qiegħda, b’ xi mod dirett jew indirett, tikkawża l-inċidenti. Huwa fatt stabbilit li ħafna mill-inċidenti huma kkawzati minn traskuraġni fis-sewqan. Jekk irridu verament innaqqsu d-disgrazzji fuq it-toroq tagħna hemm bżonn nindirizzaw dan il-fattur l-ewwel u qabel kollox. Dikjarazzjonijiet bħal dawk li saru f’din il-Mistoqsija Parlamentari jmorru fid-direzzjoni opposta.
Triq minn ħdejn il-Knisja ta’ San Pawl Nawfragu, sa ħdejn il-ħruġ minn Buġibba/Qawra — xogħlijiet
Question
Billi t-triq li ddur madwar il-kosta minn ħdejn il-Knisja ta' San Pawl Nawfragu, sa ħdejn il-ħruġ minn Buġibba/Qawra, fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar għandha bżonn ta' investiment ta' mijiet ta' eluf ta' ewro, u dan minħabba l-istat li tinsab fiha, jista' l-Ministru, ukoll fid-dawl tad-dikjarazzjoni li għamel il-Prim Ministru li l-Gvern hu mistenni li jwettaq xogħol fuq it-toroq kollha li għandhom bżonn li jsir xogħol fuqhom, jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru tiegħu hux mistenni li jwettaq xogħol, permezz ta' Transport Malta, fuq din l-imsemmija triq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-toroq in kwistjoni jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-kunsill lokali kkonċernat.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslu l-preparamenti biex ikun hemm xogħol fuq it-toroq tagħna, permezz ta' Public-Private Partnerships (PPP)? Jista' jagħti tagħrif ma’ min saru d-diskussjonijiet sa' issa dwar dan is-suġġett, kif ukoll liema ser ikunu l-ewwel xogħlijiet li ser isiru permezz ta' din l-iskema? Meta hu mistenni li fil-fatt jinbeda l-ewwel xogħol, u fejn? Min huma l-kuntratturi li wrew interess li fil-fatt jieħdu sehem fi skema ta' PPP għal dak li jirrigwarda t-toroq?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta bdietx iżżomm l-informazzjoni dwar in-numru ta' roadside checks illi tagħmel, il-lokalità, u l-post fejn dawn iċ-checks fil-fatt jinżammu, kif ukoll ir-riżultati li joħorġu minn tali road side checks? Jista' jassigura li fil-fatt dawn iċ-checks isiru b'mod mifrux madwar Malta u Għawdex, u mhux konċentrati biss f'xi area, jew lokalità partikulari?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta żżomm statistika rigward in-numru ta’ roadside checks li tagħmel, il-post / lokalità ta’ fejn isiru, kif ukoll ir-riżultati li joħorġu minn tali spezzjonijiet. Nikkonferma li dawn ir-roadside checks isiru f’lokalitajiet mifruxa madwar Malta u Għawdex.
Jista’ l-Ministru jara li jsir arranġament sabiex is-servizz ta' kull siegħa tat-trasport pubbliku numru 201 li jwasslek mill-pjazza tas-Siġġiewi sa' Lapsi ma jitlaqx qabel ma tkun waslet il-karozza bin-numru 62 mill-Belt Valletta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ttieħdet nota ta’ dan is-suġġeriment minn Transport Malta.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward problema bil-liċenzja tal-karozza?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li l-persuna li d-dettalji tiegħu ngħataw separatament għandu dawn il-kategoriji fil-liċenzja tas-sewqan tiegħu: B, B+E, B1, C, C+E, C1 u C1+E.
Infurmat ukoll li l-persuna konċernata m’għandux il-liċenzja tas-sewqan bil-kategorija D. Il-Learner’s Permit kien inħariġlu fl-2011 u fil-fatt dan kien għamel it-test tas-sewqan għal kategorija D darbtejn f’Ġunju 2011, iżda m’għaddiex.
Għaldaqstant, dan l-individwu ma rnexxilux jottjeni l-Kategorija D.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 21377 datata l-1 ta’ Diċembru 2015, jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li għadu bil-problema tal-istage tal-linja?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li Transport Malta qegħda fil-proċess li tindirizza l-problema li għandu is-sinjur li d-dettalji tiegħu ngħataw separatament.
Jista' l-Ministru jara li l-bus stop li hemm fit-telgħa tax-Xemxija li jinsab biswit il-Knisja tax-Xemxija jsirlu l-manutenzjoni meħtieġa fejn saħansitra anke l-bank li jinsab fil-bus shelter huwa mkisser?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-ġimgħat li għaddew sar xogħol ta’ manutenzjoni fuq il-bus shelter imsemmi, fejn anki twaħħal bank li fuqu jkunu jistgħu joqgħodu bilqegħda dawk il-persuni li jkunu qegħdin jistennew il-karozza tal-linja.
Il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar/Buġibba – distanza minn Bieb il-Belt
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 25020 mogħtija fis-seduta tas-27 ta' April relatata mad-distanza twila li residenti tal-Mellieħa, San Pawl u n-Naxxar qed ikollhom jimxu sakemm jaslu mill-venda tal-Belt għall-Bieb il-Belt, jista' l-Ministru jgħid meta mistenni jibda u jitlesta x-xogħol fuq it-tieni fażi tal-proġett tal-estensjoni tal-istess venda, liema proġett suppost se jkun qed inaqqas dan l-inkonvenjent lill-istess residenti u lil dawk il-persuni li jkunu jridu jużaw is-servizz lejn din iż-żona ta' pajjiżna?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-fażi tal-proġett għall-estensjoni tal-venda tal-Belt għadha fil-fażi preliminari ta’ ppjanar u għaldaqstant għadhom ma ġewx stabbiliti timeframes speċifiċi għax-xogħlijiet relatati ma’ dan il-proġett.
Mellieħa u San Pawl il-Baħar/Buġibba/Qawra – servizz tat-trasport pubbliku
Question
Minħabba inkonvenjent li diġà qed jesperjenzaw residenti tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar/Buġibba/Qawra, jista' l-Ministru jara li s-servizz offrut mill-Belt u lura jrikkeb biss residenti minn dawn il-lokalitajiet u dan peress li b'mod regolari passiġġieri li joqogħdu f'dawn l-akkwati qed ikunu kostretti jistennew ħinijiet twal biex jinqdew bis-servizz tat-trasport pubbliku peress li l-karozzi tal-linja destinazzjoni Mellieħa u lura, qed ikunu f'diversi stanzi mimlija bil-passiġġieri u għaldaqstant ir-residenti qed jitħallew l-art u l-problema żgur li se tikber hekk kif jidħol sew l-istaġun tas-sajf?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rotot li jaqdu lil dawn il-lokalitajiet ma jservux biss il-lokalitajiet imsemmija iżda fi triqithom minn u lejn id-destinazzjoni finali tagħhom jaqdu lokalitajiet oħra wkoll.
Bl-introduzzjoni tal-iskeda tas-sajf, numru ta’ rotot li jservu dawn il-lokalitajiet tiżdiedilhom il-frekwenza tagħhom. Dawn ir-rotot huma:
· Rotta 212 li fil-ħinijiet ikkunsidrati bħala
peak
ser tiżdied il-frekwenza ta’ din ir-rotta minn żewġ vjaġġi għal 3 vjaġġi fis-siegħa;
· Rotta 221 li fil-ħinijiet ikkunsidrati bħala
peak
ser tiżdied il-frekwenza ta’ din ir-rotta minn żewġ vjaġġi għal 3 vjaġġi fis-siegħa;
· Rotta 222 li fil-ħinijiet ikkunsidrati bħala
peak
ser tiżdied il-frekwenza ta’ din ir-rotta minn żewġ vjaġġi għal 3 vjaġġi fis-siegħa;
· Rotta 225 li fil-ħinijiet ikkunsidrati bħala
peak
ser tiżdied il-frekwenza ta’ din ir-rotta minn żewġ vjaġġi għal 3 vjaġġi fis-siegħa.
Hekk kif kien intqal fit-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 25022, konxji mill-fatt li n-numru ta’ passiġġieri qiegħed jiżdied u li huwa mistenni li jkompli jiżdied fix-xhur tas-sajf, il-Ministeru tat-Trasport u Infrastruttura, Transport Malta kif ukoll l-operatur tat-trasport pubbliku, qegħdin jevalwaw is-sitwazzjoni bil-ħsieb li jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex it-trasport pubbliku f’dawn l-inħawi jkompli jitjieb.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 25021 relatata maż-zebra crossing quddiem Dar il-Madonna tal-Mellieħa, filwaqt li mhux se nikkontesta l-fatt li kollox sar skont il-pjanti jibqa’ l-fatt però li din iż-zebra crossing ġiet tfisser li kontinwament dawk il-persuni li qed jagħmlu użu minnha qed ikunu f'riskju li jintlaqtu minn vetturi peress li din tpoġġiet fi blind corner u fl-eventwalità li din iż-zebra crossing ma titneħħix (li bla dubju hija l-aħjar soluzzjoni sakemm ma ssirx f'post aktar sikur), jista' l-Ministru jgħid f'każ ta' inċident min se jerfa’ r-responsabilità jekk hux il-kunsill lokali jew Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li ż-zebra crossing inkwistjoni ġiet iddisinjata skont l-istandards relevanti, u li jippermettu li tali crossing issir fil-post indikat.
Buġibba – Direzzjoni ta’ San Pawl il-Baħar – traffic lights
Question
Billi d-daħla lejn Buġibba/Qawra, għadha mingħajr dawl (traffic lights) fil-karreġġjata li tkun ġejja minn San Pawl il-Baħar, u dan b'periklu kbir għal min ikun għaddej minn dawk l-inħawi, u billi fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 22713, il-Ministru kien wieġeb li għadda s-suġġeriment tiegħi lill-Transport Malta, u dan f'Jannar li għadda, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar xi żviluppi kien hemm minn dakinhar sal-lum?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li l-karreġġjata li tkun ġejja min-naħa ta’ San Pawl il-Baħar hija kkontrollata bis-sinjaletika ta’ STOP u għaldaqstant, bl-osservanza tas-sinjaletika, ma jkunx hemm periklu ta’ sigurtà.
Rapport dwar il-bini ta’ mina bejn Malta u Għawdex
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 25262, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ir-rapport sar dwar il-mina bejn Malta u Għawdex u li b’xi mod Transport Malta kellha sehem fih, fil-preparazzjoni tiegħu, fl-użu tiegħu jew fil-ħlas tal-kontijiet li kien meħtieġ li jitħallsu dwar dawn ir-rapporti? Jista’ jagħti tagħrif dwar liema rapporti qed taħdem Transport Malta fuqhom għal dak li hu s-sehem tagħha fil-preparazzjoni tar-rapporti finali dwar il-mina? Jista’ jagħti tagħrif dwar x’kollaborazzjoni kien hemm bejn il-Ministeru jew xi entitajiet li jaqgħu taħtu mal-Gozo Business Chamber biex sar ir-rapport jew rapporti dwar l-istess mina?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta kienet involuta f’żewġ rapporti dwar il-mina bejn Malta u Għawdex: l-ewwel fl-2012 mill-kumpanija Mott McDonald, u t-tieni fl-2015 mill-ekonomista Gordon Cordina. Dan tal-aħħar kellu involviment estensiv mill-Gozo Business Chamber. Fil-preżent, Transport Malta qed tippjana numru ta’ studji sabiex ikollha iktar informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ġeoliġika u siżmika taż-żona in kwistjoni. B’hekk tkun f’pożizzjoni li tibda l-preparamenti għal pjanti preliminari tal-konfigurazzjoni tal-istess mina.
San Pawl il-Baħar (is-Salini) – produzzjoni ta’ melħ
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk is-salini tal-melħ fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar (is-Salini) hux se jiġu amministrat mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura jew minn xi entitajiet li jaqgħu taħtu? Billi fil-Gazzetta tal-Gvern hemm sejħiet għal diversi postijiet tax-xogħol marbutin mat-tmexxija ta’ dawn is-salini, jista’ jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru hux se jidħol għall-produzzjoni tal-melħ?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan is-sit fil-preżent qed jiġi amministrat mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura.
Dawn is-sejħiet inħarġu mill-Ministeru tiegħi bil-għan li l-impjegati magħżulin jagħmlu xogħol marbut mal-obbligi tal-proġett tar-rijabilitazzjoni tas-salini, li ġie ko-finanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropeja, inkluż il-produzzjoni tal-melħ.
Ħal Qormi – Triq Valletta – frekwenza ta’ rotta 64
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma li t-trasport pubbliku naqqas il-frekwenza tar-rotta 64 li tgħaddi mill-inħawi ta’ Triq Valletta Ħal Qormi minn skeda ta’ kull nofs siegħa għal waħda li tgħaddi kull siegħa fil-peak hours? Jista’ jgħid għaliex ir-residenti ma kenux avżati b’dan? Hemm xi ħsieb li terġa’ tiżdied il-frekwenza ta’ din ir-rotta sabiex in-nies ikunu moqdija aħjar?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-Rotta 64 hija rotta ġdida li daħlet fis-seħħ f'Novembru tas-sena l-oħra. Din ir-rotta qed tkopri l-akwata magħrufa bħala ta’ tal-Blat ġewwa Ħal Qormi, liema akwata, qabel l-introduzzjoni ta’ din ir-rotta ma' kinitx servuta b'rotta tat-trasport pubbliku lejn il-Belt Valletta.
Minn evalwazzjoni li saret jirriżulta li n-numru ta' passiġġieri li għamlu użu minn din ir-rotta kien baxx ħafna u għaldaqstant ittieħdet id-deċiżjoni li l-frekwenza tiġi aġġustata għal vjaġġ kull siegħa.
Ħal Qormi – Triq il-Belt Valletta – mezzi ta’ saħħa u sigurtà
Question
Jista’ l-Ministru jara li l-mezzi ta’ saħħa u sigurtà f’Triq il-Belt Valletta Ħal Qormi jiżdiedu, fosthom li jsiru pedestrian crossings? Jista’ jara li l-immaniġġjar tat-traffiku f’din it-triq traffikuża jiġi organizzat aħjar? Jista’ jgħid x’inhuma l-miżuri li se jieħu u meta huwa beħsiebu li jeħodhom?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta rċeviet talba għal zebra crossing f’din it-triq u l-Awtorità qed tistenna pjanta riveduta ta’ tali proposta li tinkludi l-arranġamenti tat-triq kif inhuma bħalissa fuq il-post. Din it-triq mhix arterjali u lanqas distributorja u għaldaqstant l-Awtorità se tiddiskuti din it-talba proposta, inkluż xi miżuri oħra, mal-kunsill lokali.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 22740 datata 21 ta’ Jannar 2016, jista' l-Ministru jindika xi żviluppi kien hemm peress li dan l-istage għadu fl-istess pożizzjoni u għaldaqstant għadu joħloq inkonvenjent u periklu għal dawn ir-residenti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li bit-tibdil li seħħ fin-network tat-trasport pubbliku, il-bus stop li qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant m’għadux iservi bħala l-punt minn fejn il-karozzi tal-linja li jkunu qed joperaw fuq ir-rotta 63 jieqfu sabiex jibdew il-vjaġġ lura lejn il-Belt. Minflok, il-karozzi tal-linja fuq din ir-rotta qed jistennew fuq bus stop ġdid li twaħħal fi Triq id-Deheb Fin.
Jista' l-Ministru jispjega għalfejn ma kienx hemm servizz tat-trasport pubbliku fil-5:30 ta' filgħodu mis-Siġġiewi għall-Belt nhar it-Tlieta 26 ta' April u nhar il-Ħamis 28 ta' April?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-ġranet imsemmija l-vjaġġi li kienu skedati li jsiru mis-Siġġiewi fil-05:30 ta’ filgħodu t-tnejn saru. Madanakollu, dawn il-vjaġġi telqu mis-Siġġiewi iktar tard mill-ħin skedat.