Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Pawl il-Baħar — Bypass

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 21621, 21852, 22067 u 22226 u jgħid kemm hu stmat ix-xogħol ta' kostruzzjoni għall-irranġar ta' dik il-parti tal-bypass ta' San Pawl il-Baħar li ċediet minħabba xogħol ta' eskavar minn kuntrattur privat? Min se jħallas għal dan ix-xogħol?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Mġarr — Dawl tat-triq

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22356 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid għalfejn it-triq prinċipali li tagħti mill-Mosta għaż-Żebbiegħ fl-Imġarr qiegħda tkun ta' kuljum bla dawl f'dawn l-aħħar ġranet? Peress li din hija triq daqshekk importanti u arterjali, jista' il-Ministru jiżgura li din it-triq tiddawwal?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Ħal Qormi — Twessigħ ta' triq

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22164 u jgħid meta l-kantuniera fi Triq San Ġwakkin, kantuniera ma' Triq Valletta, f'Ħal Qormi, se tiġi mwessa skond il-linja tat-triq li diġa' teżisti, u dan biex jiġi megħlub il-periklu ta' blind corner, eċċ.?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

NSO/diviżjoni tal-kummerċ — Special parking scheme

Question

Jista' il-Ministru jagħti spjegazzjoni jekk hux maħsuba xi skema speċjali għall-ħaddiema ta' l-uffiċċju nazzjonali ta' l-istatistika u d-diviżjoni tal-kummerċ biex jipparkjaw fil-parkeġġ ta' ma' ġembhom, 'l hekk imsejjaħ Foss ta' San Ġakbu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li m’hemmx il-ħsieb li jkun hemm xi skemi ta’ parkeġġ għall-ħaddiema ta’ l-Uffiċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika u d-Diviżjoni tal-Kummerċ fil-Foss ta’ San Ġakbu.

NSO/diviżjoni tal-kummerċ — parking scheme

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tkun inkorporata skema għall-parkeġġ tal-ħaddiema ta' l-uffiċċju nazzjonali ta' l-istatistika u d-diviżjoni tal-kummerċ biex jipparkjaw fil-parkeġġ ta' ma' ġembhom fl-hekk imsejjaħ Foss ta' San Ġakbu, fis-sejħa għal offerti li se joħroġ biex jiġi privatizzat dan il-parkeġġ? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm se tkun tkopri numru ta' karozzi din l-iskema?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 22547.

NSO/diviżjoni tal-kummerċ — Ħaddiema li se jużaw il-park and ride

Question

Jaf il-Ministru li l-ħaddiema ta' l-uffiċċju nazzjonali ta' l-istatistika u d-diviżjoni tal-kummerċ meta jibdew jużaw il-park and ride biex jaslu x-xogħol se jkollhom minn ta' l-inqas 20 minuta sakemm wieħed juża x-shuttle service?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li s-sistema tal-Controlled Vehicular Access kif ġiet ippjanata tħalli l-impjegati ta’ l-uffiċċju nazzjonali ta' l-istatistika u d-diviżjoni tal-kummerċ parkeġġ b’xejn fi Ġnien is-Sultan u l-arja ta’ madwar, l’barra minn Victoria Gate. L-użu tal- Park and Ride shuttle bus ser ikun faċilitat għall-impjegati tal-uffiċċju nazzjonali ta' l-istatistika u d-diviżjoni tal-kummerċ bil-proġett il-ġdid ta’ l-iżvilupp tal-Foss ta’ San Ġakbu billi ser jiġu pprovduti sistemi ta’ lifts li ħa jwasslu n-nies minn Pjazza Ħelsien għall-Foss ta’ San Ġakbu u mill-Foss ta’ San Ġakbu għall-Lascaris.

NSO/diviżjoni tal-kummerċ — Ħaddiema li se jużaw il-park and ride

Question

Jista' il-Ministru jikkonsidra bis-serjeta' il-problema li se tolqot lill-ħaddiema avvanzati fl-eta' u nisa tqal fl-uffiċċju nazzjonali ta' l-istatistika u d-diviżjoni tal-kummerċ li b'effett tal-park and ride se jkollhom jitilgħu u jinżlu 150 tarġa kuljum biex jaslu fuq il-post tax-xogħol tagħhom? Barra minn hekk, m'hemm l-ebda kenn, speċjalment fix-xita.

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għal mistoqsija parlamentari numru 22552.

San Ġiljan — Traffiku

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 22157, it-triq hija dik ta' taħt l-iskola primarja ta' San Ġiljan li tieħu mill-bajja ta' Spinola lejn il-mina ta' Triq Reġjonali.

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-Onorevoli Interpellant huwa ġentilment mitlub jikkjarifika jekk it-triq li għaliha qed jirreferi fil-mistoqsija parlamentari tiegħu hix Triq M A Borg jew Triq il-Baltiku sabie l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta tkun tista' tevalwa din il-problema.

San Ġwann — Triq San Ġiljan

Question

Minħabba l-volum tat-traffiku, inkluż trakkijiet, li jkunu ġejjin mill-Industrial Estate ta' San Ġwann, tista' issir sleeping policemen fi Triq San Ġiljan, San Ġwann, biswit id-djar 109 u Nirvana?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn spezzjoni li saret fuq il-post minn uffiċjali ta’ l-Awtorità dwar it-Trasport ta’ Malta waqt il-ħinijiet ta’ dħul u ħruġ ta’ l-iskola irriżulta li l-problemi relatati mall-volum tat-traffiku u trakkijiet fi Triq San Ġiljan huma kkawżati minn parkeġġ illegali ta’ karozzi li jikkrejaw ostaklu lit-traffiku. Għaldaqstant l-Awtorità dwar it-Trasport ta’ Malta ser tikkuntattja l-entitajiet kompetenti sabiex isir l-infurzar tal- Motor Vehicle Regulations kif meħtieġ f’din iz-zona.

San Ġwann — Triq San Ġiljan

Question

Tista' issir zebra crossing fi Triq San Ġiljan, San Ġwann fejn tibda Triq Birkirkara, quddiem l-istabiliment BSL Lifestyles, qabel ma wieħed jikser għal Triq it-Trunċiera t-Twila, San Ġwann?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn spezzjoni li saret fuq il-post minn uffiċjali ta’ l-Awtorità dwar it-Trasport ta’ Malta irriżulta li ġej: § Il-wiesgħa tat-triq quddiem il- BSL Lifestyles hija ta’ 12.6 metru ( refuge island tkun meħtieġa fejn it-triq tkun usa minn 11-il metru). § L-ammont ta’ vetturi li għaddew minn Triq Birkirkara bejn is-sebgħa u nofs u t-tmienja u nofs ta’ filgħodu kien total ta’ 952 vetturi. Għaldaqstant, is-sit indikat f’din il-mistoqsija parlamentari ser ikun analizzat fid-dawl ta’ din it-talba u fil-kuntest tal-madwar.

Rabat — Għalqa ta' Kola

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22145 u jara jinvestigax il-possibbiltajiet li tissolva l-problema ta' l-għalqa ta' Kola fir-Rabat minħabba li qed tħalli impatt negattiv fuq saħħet ir-residenti u t-turisti, minħabba trabijiet li qed tikkawża?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li qiegħed issir koordinazzjoni bejn l-N.I.D. u s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali rigward ix-xogħlijiet possibli li jistgħu jsiru fl-għalqa inkwistjoni.

Tas-Sliema — Reserved Parking

Question

Jista' l-Ministru jispjega f'liema kriterju l-uffiċċju ta' l-ombudsman daħal fi kwestjoni ta' għoti ta' reserved parking lil persuna li ma ssuqx u ma tilħaqx il-kriterji li hemm illum? Hawn qed nirriferi għal każ partikolari magħruf f'Tas-Sliema u li tlabt l-uffiċċju ta' l-ombudsman stess biex jinvestiga?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

B’riferenza għal mistoqsija parlamentari, jista’ l-Onorevoli Interpellant jindika liema huwa l-każ li għalih qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari.

Żvilupp Urban u Toroq — rapporti

Question

No question text.

Response (MUGLIETT, JESMOND)

B'riferenza għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 21976 hawn fuq imsemmija, qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-lista korretta li qiegħed jitlob l-Onorevoli Interpellant.

Siġġiewi — Triq f'Ta' Brandin

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-gvern hux beħsiebu jiftaħ it-triq f'Ta' Brandin, is-Siġġiewi biex din il-parti tkun tista' tingħaqad maċ-ċentru tal-lokal? Jekk iva, xi pjani hemm u għal meta? Jekk le, għaliex?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li din il-parti tat-triq għadha mhux miftuħa minħabba li għadu ma sarx l-iżvilupp tal-bini. Il-proċedura skond il-liġi hi li t-triq tinfetaħ minn min jiżviluppa l-art li tmiss magħha. Aċċess għall-kumplament tal-lokal jeżisti u għaldaqstant m’hemmx għalfejn tinqabeż din il-proċedura billi ssir espropjazzjoni min naħa tal-gvern.

Imsida — Triq it-Torri

Question

Jista' il-Ministru jieħu passi biex Triq it-Torri, Imsida ssir one-way minħabba l-bottlenecks ta' traffiku li spiss qed ikun hemm fil-parti t'isfel tat-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku irriżulta li l-problema ta’ Triq it-Torri kienet ġiet analizzata u kien irriżulta li minħabba problemi ta’ għargħar fiż-żona, mhux rakomandabbli li Triq it-Torri ssir one way. Iżda, it-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku kien ipprovda alternattiva lill-Kunsill Lokali sabiex jindirizza l-problema billi jitħalla li jsir il-parkeġġ fuq naħa waħda biss tat-triq.

Imsida — Valley Road

Question

Jistgħu jsiru traffic lights f'Valley Road, Imsida fil-parti ta' Conception Street, kantuniera ma' Triq it-Torri, Imsida minħabba d-diffikulta' li l-karozzi jkollhom biex joħorġu f'Valley Road?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-Awtorita’ ta’ Trasport ta’ Malta ser tikkunsidra l-proposta mressqa mill-Onorevoli Nterpellant u għaldaqstant tinvestiga l-bżonn li jsiru traffic lights.

Ħaż-Żabbar — Misrah is-Sliem

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi qed jieħdu l-awtoritajiet biex il-problema ta' parkeġġ f'Misrah is-Sliem, biex niftiehmu aħjar ħdejn il-każin tal-banda San Mikiel u ħdejn l-isptar Saint James, tittaffa l-problema ta' parkeġġ u jkun hemm ordni kif jipparkjaw il-karozzi?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn spezzjoni li saret fuq il-post minn uffiċjali tat-Taqsima għall-Immanigjar tat-Traffiku irrizulta li f’Misraħ is-Sliem il-maġġoranza tal-parking bays huma viżibli sew iżda hemm xi parking bays u double yellow lines li għandhom bżonn refreshing minħabba li f’postijiet iż-żebgħa ċċarat u f’postijiet oħrajn iż-żebgħa tneħhiet minħabba trinek li saru quddiem il-każin. It-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku ser tikkuntattja lill-Kunsill Lokali sabiex isir ir- refreshing li hemm bżonn u sabiex isir infurzar tal- Motor Vehicle Regulations b’mod regolari.

Park and Ride

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk is-servizz tat-trasport bejn il-park and ride u l-Belt Valletta hux qed jieqaf fil-Floriana? Jekk iva, fejn hu l-post?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li s-servizz tat-trasport bejn il-park and ride u l-Belt Valletta ma jieqafx fl-ebda post fil-Floriana.

Kunsilli lokali — Parkeġġ riservat

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-kunsilli li għandhom awtorizzazzjoni mill-ADT għall-parkeġġ ikkontrollat bil-ħin u parkeġġ riservat għar-residenti? F'dan ir-rigward nitlob li fiż-żewġ każi ningħata l-persentaġġ fuq it-total ta' parkeġġ disponibbli f'kull kunsill.

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni li għandhom it-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku li tinkludi l-lista ta’ toroq li fihom approvata l-Iskema ta’ Parkeġġ Kontrollat għar-Residenti. It-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku m’għandux dettalji dwar il-persentaġġ fuq it-total ta’ parkeġġ f’kull skema. Fir-rigward tal-parkeġġ ikkontrollat bil-ħin, l-Onorevoli Interpellant huwa ġentilment mitlub jikkjarifika u jispeċifika l-mistoqsija tiegħu. Fir-rigward ta’ parkeġġ riservat għar-residenti biss, l-Awtorità dwar it-Trasport ta’ Malta ma toħroġx tali permessi.

San Pawl il-Baħar — Bypass

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 21621, 21852 u 22067 u jgħid kemm hu stmat ix-xogħol ta' kostruzzjoni għall-irranġar ta' dik il-parti tal-bypass ta' San Pawl il-Baħar li ċediet minħabba xogħol ta' eskavar minn kuntrattur privat? Min se jħallas għal dan ix-xogħol?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.