Micropropagation Centre — tkabbir ta' prodotti ġodda
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Micropropagation Centre li għandu l-Gvern għamilx xi esperimenti partikulari għal dak li jikkonċerna tkabbir ta' prodotti ġodda, matul is-sentejn li għaddew? X'kienu r-riżultati miksuba s'issa?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraff lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari fil-preżent id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti mhux qed jipparteċipa f'xi programmi partikolari ġodda ta' esperimentazzjoni ta' ħxejjex jew frott ġdid għal hawn Malta. Iżda ta’ min wieħed jgħid li fil-Laboratorju tal-Mikropropagazzjoni tal-Pjanti fi ħdan id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti qed jitkompla x-xogħol li beda fl-2008 fuq it-tneħħija ta’ mard minn varjetajiet antiki taċ-ċitru Maltin, bil-għan li dawn jiġu wżati fil-futur għall-konservazzjoni. Din ir-riċerka qed titkompla bħala parti minn proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea u Malta, li matulu qed issir l-esperimentazzjoni u l-produzzjoni ta’ pjanti tal-larinġ u tal-lumi eżenti mill-mard għall-konservazzjoni. Bħalissa qed issir ukoll l-akklimatizazzjoni ta’ dawn is-siġar fis-serra. Dan il-proġett ser ikun konkluż fl-aħħar ta’ din is-sena.
Matul dawn l-aħħar sentejn, b’esperimentazzjoni d-Direttorat għamel il-mikropropagazzjoni ta’ varjetajiet ġodda ta’ qaqoċċ. Dawn il-varjetajiet inġiebu Malta fl-2011 u l-2012 minn kumpanija Taljana u l-APS Bank. Fil-laboratorju tal-Mikropropagazzjoni tal-Pjanti jsiru wkoll numru ta’ proġetti minn studenti mill-Università ta’ Malta bħala parti mit-teżijiet tagħhom fuq siġar tac-ċitru u dwieli.
Jaħsibx il-Ministru li l-ittra mibgħuta lill-BirdLife mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament tammontax għall-intimidazzjoni? Dan meta dawk il-ħafna nies li isibu tajr ferut jeħduhom lill-BirdLife biex jieħdu ħsiebhom huma, issa x’suppost jagħmlu wara din it-theddida li rċevew mingħand dan l-individwu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mill-informazzjoni li ngħatatli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari ma jirriżultax li l-imejl - u mhux ittra - inkwistjoni kienet b’xi mod tikkostitwixxi intimidazzjoni, u dan għaliex kull ma kienet qed tagħmel din l-imejl huwa li tfakkar li hemm provvedimenti speċifiċi tal-liġi li għandhom ikunu osservati minn kullħadd, inkluż il-BirdLife. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi ghar-regolament numru 4 tar-Regolamenti Dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi.
La darba l-Gvern ta l-binja restawrata fil-Buskett lill-BirdLife biex tintuża għar-rijabilitazzjoni ta’ għasafar x’sens jagħmel issa li tinforma uffiċjalment lill-istess BirdLife li jkunu qed jiksru l-liġi jekk jaċċettaw jew jikkuraw tajr ferut kif infurmati fl-ittri uffiċjalment mibgħuta mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill- Onor. Interpellant li mill-informazzjoni li ngħatatli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari jidher li l-Onorevoli Interpellant mhux qed jifhem sewwa, la l-kontenut tal-imejl inkwistjoni u li dwarha tajjeb jekk jirreferi għat-Tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19563, u lanqas l-għan u l-metodoloġija li ser tkun segwita fil-każ tal-binja msemmija minn kumitat konġunt u li ser jimxi skond ir-rekwiżiti kollha tal-liġi.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm u fejn żdiedu x-shelters għaż-żwiemel tal-karozzini u jekk sarux shelters ġodda l-Belt kif kien imwiegħed?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, b’żieda mat-Tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 15043, fejn Kastilja l-Belt Valletta, inqala’ xelter għal-żewġ karozzini u ġie stallat ieħor għal erba’ karozzini. Intant qed isiru t-tħejjijiet sabiex quddiem il-qanpiena fil-Belt Valletta stess, jitwaħħal xelter ieħor wara li jinkisbu l-permessi neċessarji.
Jista’ l-Ministru jikkoordina mal-pulizija u Transport Malta għax mhux l-ewwel darba sewwieqa irresponsabbli qed jispiċċaw jipparkjaw il-karozzi tagħhom għall-kenn fix-shelters li saru għaż-żwiemel tal-karozzini? Jistgħu jiżdiedu l-pieni għal min jipparkja l-karozza tiegħu fix-shelters li saru għaż-żwiemel?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari fil-fatt hemm komunikazzjoni regolari għaddejja bejn id-Dipartiment ikkonċernat, il-Korp tal-Pulizija kif ukoll Transport Malta sabiex dawn jagħmlu infurzar iktar strett u qawwi kontra min jabbuża billi jipparkja fix-xelters taż-żwiemel kif inhi fil-kompetenza tagħhom.
Jista’ l-Ministru jgħid meta saret l-aħħar kampanja ta’ neutering ta’ klieb u qtates? ? Kemm ġew neutered klieb u kemm ġew neutered qtates separatament?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-aħħar kampanja ta’ neutering saret fi Frar tal- 2015 fejn issewwew total ta’ 553 annimal li minnhom 498 kienu qtates u 55 kienu klieb.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ssir kampanja oħra ta’ neutering ta’ klieb u qtates? Jekk iva, hemm il-ħsieb li jintużaw veterinarji Maltin?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-kampanja ta’ neutering li jmiss ser issir f’Novembru 2015 u m’hemmx il-ħsieb li jintużaw veterinarji Maltin.
Jista’ l-Ministru jgħid x' inhi r-raġuni li s-sussidju li ħadu l-bdiewa għall-prodotti agrikoli li daħħlu fil-Pitkalija għas-sena 2014 kien bil-wisq inqas minn dak li ħadu fl-2013?
Response (BRINCAT, LEO)
Jidher li l-kelliem tal-Oppożizzjoni fuq l-Agrikoltura u s-Sajd ftit li xejn jaf dwar it-trattat ta’ adeżjoni ta’ Malta mal-UE iffirmat fl-2004 mill-amministrazzjoni preċedenti u li kien jinkludi l-programm ta’ sussidju magħruf bħala SMPPMA (Special Market Policy Programme for Maltese Agriculture) li kien ġie mfassal u negozjat, fost oħrajn, minn Dr. Simon Busuttil, illum Kap tal-Oppożizzjoni u li dak iż-żmien kien Kap tal-MIC (Malta-EU Information Centre).
Jien ċert li jekk l-Onor. Interpellant jikkonsulta mal-Kap tiegħu stess, dan jagħtih l-informazzjoni kollha u dettaljata ta’ kif kien imfassal dan il-programm tal-SMPPMA li bħala prinċipju bażiku kellu d-degressività b’massimi ffissati għal kull settur, kull sena, b’terminu sal-2014.
Fil-qosor ħafna, ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-każ tal-ħaxix frisk (fresh vegetables), is-sussidju fl-2004 kien ta’ 25.0 Euros/tonne u li dan is-sussidju niżel, sena wara sena, għal 7.5 Euros/tonne fl-2013 u 3.8 Euros/tonne fl-2014; jiġifieri fl-2014 kien 51.7% ta’ dak milli kien fl-2013 u 15.2% ta’ dak li kien fl-2004.
Fil-każ tal-frott frisk, is-sussidju fl-2004 kien ta’ 125 Euros/tonne li baqa’ niżel, sena wara sena, sakemm fl-2013 is-sussidju kien ta’ 37.5 Euros/tonne u fis-sena 2014 kien 18.8 Euros /tonne; jiġifieri fl-2014 kien 51.7% tas-sena 2013 u 14.2% ta’ dak li kien fl-2004.
Inżid ngħid li skond it-trattat iffirmat f’Mejju 2004 mhux ħa jkun hemm sussidju wara l-2014.
Nispera li l-Onor. Interpellant aktar tard fis-sena mhux ha jistaqsini għaliex il-bdiewa mhux ser jieħdu xejn din is-sena u fis-snin li ġejjin!!
Il-bdiewa u l-għaqdiet tagħhom kienu ġew avżati b’ dan sa minn qabel l-2004 permezz ta’ numru ta’ laqgħat li kienu saru qabel l-adeżjoni; kif ukoll permezz ta’ edizzjoni speċjali tal-“Aġġornat”, miktub minn Simon Busuttil u Edward Demicoli f’isem il-Malta-EU Information Centre (MIC), estratt għas-settur indikat (ħaxix u frott) qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f’Tabella.
Jista’ l-Ministru jinvestiga x'qed iwassal biex il-frott tat-tin u tat-tut ikunu-skars u jekk dawn hux qegħdin jitlaqtu minn xi marda jew insett partikolari?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mill-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, b’żieda mat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 16997, il-Ministeru qiegħed fil-proċess li jistabilixxi inventarju ta’ siġar biex ikun f’pożizzjoni li jevalwa aħjar is-sitwazzjoni u l-istat ta’ siġar f’ riskju ta’ estinzjoni. Dan se jkun parti minn sistema ġdida tal-informatika li qed tiġi żviluppata u li tifforma parti minn proġett dwar konservazzjoni ta’ siġar.
Huwa ppjanat ukoll li dan il-pjan jiskatta hekk kif jingħalaq il-proġett dwar l-istudju u konservazzjoni sostenibbli ta’ varjetajiet lokali ta’ pjanti li huwa ffinanzjat taħt il-Programm tal-Iżvilupp Rurali, u meta jiġu kkonfermati l-fondi għal dan il-pjan taħt il-Programm il-ġdid tal-Iżvilupp Rurali. Huwa ppjanat li jiġu mkabbra madwar 3000 pjanta tat-tin u li jitqassmu bejn wieħed u ieħor 18 –il xahar wara li jkun beda l-proġett. Qegħdin fil-proċess ta’ ppreparament ta’
tender
sabiex ningħataw servizz ta’ esperti f’dan il-qasam.
Billi jidher li s-siġar tal-frott tal-Bajtar ta’ San Ġwann u tat-Tin sofra telf kbir minħabba l-mard li ħakem dawn is-siġar, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru hux qed jieħu xi passi partikulari biex it-telf ta’ dawn is-siġar jonqos u biex jiġi assigurat li dawn is-siġar ma jiġux estinti?
Response (BRINCAT, LEO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 17980.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostennibli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — konsulenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti (individwi jew kumpaniji) li qed jagħtu servizz lill-Ministeru, Segretarjat Parlamentari jew entità li taqa’ taħt ir-responsabilità tiegħu fl-aħħar 12-il xahar? Għal liema skop qed tingħata din il-konsulenza? Kemm tħallsu għal din il-konsulenza xahar b’xahar fl-aħħar 12-il xahar? Dan is-servizz ingħata wara sejħa għall-offerti jew b’direct order?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella A bl-informazzjoni tal-konsulenti li qed jagħtu servizz fi ħdan il-Ministeru flimkien ma’ Tabella B bl-informazzjoni mogħtija mill-WasteServ. Infakkar lill-Onor. Interpellant li fejn ingħatat direct order waqt din l-amministrazzjoni l-permess mill-Ministeru tal-Finanzi ntalab u nġieb qabel ma ngħata d-direct order kif jitolbu l-proċeduri finanzjarji u dan jikkuntrasta għal kollox ma kif imxiet l-amministrazzjoni preċedenti, fejn kien hemm okkażjonijiet li ntalab il-permess tal-Ministeru tal-Finanzi wara li ngħatat id-direct order.
Is-Siġġiewi – Żona magħrufa bħala Tal-Ħofor – tfigħ ta’ drenaġġ tal-annimali fit-triq
Question
Jista’ l-Ministru jara li tittieħed azzjoni dwar razzett li jinsab fil-limiti tas-Siġġiewi, viċin iż-żona magħrufa bħala Tal-Ħofor, immarkata fil-pjanta bl-ittra ċ u li qed tingħata separatament, li ilu għal dawn l-aħħar 14-il sena jitfa’ d-drenaġġ tal-annimali fit-triq bil-konsegwenza li qed jinżel fl-għelieqi tal-madwar?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, għalkemm fl-amminstrazzjoni l-oħra, inħarġet Notifika ta’ Twaqqif – Enforcement Order – fl-2007 bin-numru ECF163/07, sal-aħħar Elezzjoni Ġenerali kien baqa’ ma sar xejn aktar biex is-sitwazzjoni tiġi rrimedjata, fuq każ li ninsab imgħarraf li kien ilu jtawwal mis-sena 2006. Intant, ninsab infurmat li f’Awwissu tal-2013, ħames xhur wara l-bidla fl-amminstrazzjoni, l-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari, ta struzzjonijiet biex tittieħed azzjoni legali fil-konfront tas-sid tar-razzett, liema każ għadu sub judice u dan minbarra li mill-ġdid saret Notifika oħra ta’ Twaqqif lejn l-aħħar tas-sena 2014, bin-Nru. ECF05/14. Dan juri biċ-ċar li b’kuntrast mal-amminstrazzjoni l-oħra, dan il-Gvern mhux beħsiebu jħalli jitwal aktar każ ta’ tniġġiż lill-ambjent naturali ta’ pajjiżna, b’dannu għall-agrikoltura u l-ekonomija tagħna.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu stmat li kienet il-kwantità ta’ tadam li ntilef din is-sena minħabba l-preżenza qawwija tat-Tuta absoluta fit-tadam?? X’tip ta’ kumpens hu mistenni li jingħata lill-bdiewa minħabba dan it-telf ta’ produzzjoni?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond kif infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, l-Aġenzija tal-Pagament Agrikoli u Rurali għadha qed tistenna s-sottomissjonijiet finali dwar deliveries tat-tadam tal-2015 għall-iproċessar mingħand l-proċessuri kollha tat-tadam, u għaldaqstant għadu kmieni wisq sabiex tingħata l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk mid-dipartimenti relevanti ġiex innotat li kien hawn żieda ta’ ċerti speċi ta’ żnażan f’ċerti inħawi ta’ Malta? Jekk iva, x’passi qed jittieħdu?
Response (BRINCAT, LEO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 17425, jista’ jagħti l-informazzjoni mitluba għal dawk l-annimali kollha li ġew importati minn barra pajjiżna, kemm dawk eżotiċi u kemm dawk li mhumiex?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, in-numru ta’ annimali li ġew importati minn barra pajjiżna matul is-snin 2013, 2014 u 2015 kien ta' 796,555. Dawn l-annimali jikkonsistu f’retillu, klieb, qtates u l-maġġor parti tagħhom huma ħut tropikali. Ovvjament din il-figura ma tinkludix pajjiżi tal-UE.
Produtturi tat-tadam – proposti għall-prezz ta’ sussidju
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-bdiewa li jipproduċu t-tadam għamlulux proposta għall-prezz tas-sussidju li jibda minn din is-sena? Fiex kienet tikkonsisti din il-proposta? Kemm kienet it-talba tal-bdiewa f'sussidji għal kull kilo tadam? Il-Gvern ħa jew se jieħu konsiderazzjoni l-proposti ta' dawn il-bdiewa?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif mogħti lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, is-settur tat-tadam, fid-dawl li s-sussidju nazzjonali fuq il-produzzjoni taħt it-trattat ta’ adeżjoni (SMPPMA) kienu ser jispiċċaw wara l-2014, għamel talba lill-Gvern Malti biex jinnegozja mal-Unjoni Ewropea għajnuna volontarja akkopjata (Voluntary Coupled Aid) taħt il-qafas tal-għajnuniet diretti mill-fondi Ewropej.
L-amministrazzjoni preżenti innegozjat qbil finali b’suċċess sabiex jiġu allokati €900,000 fis-sena għall-produzzjoni f’dan is-settur, liema ammont jirrifletti l-proposti li saru mill-għaqdiet tal-bdiewa kkonċernati.
Skond ir-regoli tal-Unjoni Ewropea l-għajnuna taħt l-iskema volontarja akkopjata ma tinħadimx fuq il-kilo iżda fuq kejl ta’ raba li jintuża biex jitkabbar it-tadam għall-iproċessar.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 17616, jista’ l-Ministru jgħid liema kienu s-siġar u l-pjanti magħżula mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, kif intgħażlu s-siti fejn tqegħdu, u kif ġie garantit li dawn is-siġar u pjanti kienu tajbin għall-postijiet li tpoġġew fihom?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti l-għażla tas-siti u l-pjanti oriġinali saret mill-Kunsill Lokali fuq linji gwida li ngħataw mill-konsulenti mqabbda fuq dan il-proġett. Wara l-ewwel sottomissjoni tal-Kunsill Lokali saru tibdiliet mill-konsulenti skond il-karatterstiċi tas-sit – kemm fuq effetti mix- xemx, mid-dell u mir-riħ, it-tip u daqs tal-pjanti mixtieqa, l-manteniment neċessarju u l-ispejjeż involuti biex b’ hekk l-għażla tkun ibbażata kemm jista’ jkun fuq dan kollu. L-ispeċi li ntagħżlu għal Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar huma kif ġew irrapurtati diġà fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 13048.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — ħaddiema ingaġġati
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm, tul is-snin 2013, 2014 u 2015 separatament ġew ingaġġati ħaddiema fil-Ministeru u fid-dekasteri varji fuq bażi ta' self-employed? Jista' jiġu indikati l-gradi u s-salarji bażiċi tagħhom?
Response (BRINCAT, LEO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispjega aħjar x’ irid ifisser meta jgħid ingaġġ ta’ ħaddiema fuq bażi self-employed.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol fl-inħawi tal-Moll tal-Veċċja?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif mogħti lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, is-sejħa għas-sottomissjonijiet tat-tenders għalqet u saret l-evalwazzjoni tal-offerti mitfugħa. Il-perjodu tal-appell għalaq u l-kuntrattur magħżul sejjer jiġi avviċinat sabiex jiffirma l-kuntratt. B’hekk ikun jista’ jibda x-xogħol.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17596 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura u jgħid jekk jikkunsidrax il-possibilità li fil-water park ta’ Buġibba jkun hemm xi forma ta’ xelter temporanju biex il-ġenituri li jakkumpanjaw lil uliedhom f’dan il-park ikollhom fejn jistkennu mill-elementi?
Response (BRINCAT, LEO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3524, ngħarrfu wkoll li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li minn dak iż-żmien ‘l hawn xorta waħda ġew impoġġija numru ta’ umbrellel kbar ġewwa l-Water Park. Il-problema tax-xemx qatt ma kienet indirizzata fil-livell ta’ disinn, pjanti u l-implimentazzjoni tal-proġett li kien sar taħt l-amministrazzjoni preċedenti. Il-Ministeru huwa kommess li jindirizza din is-sitwazzjoni u fil-fatt beda xogħol ta’ stallazzjoni ta’ tined protettivi. Dawn it-tined qed jitwaħħlu tul il-ġenb fejn hemm il-bankijiet. S’issa twaħħlet tinda ta’ madwar disa’ metri tul u jidher li dan ix-xogħol ġie apprezzat ħafna mill-pubbliku. Fil-ġranet li ġejjin ser jitkompla x-xogħol biex il-bankijiet jiġu mgħottija b’aktar tined.