Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #17164 Sitting 327 2000-06-27 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Imdina Rehabilition Committee

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' familji li applikaw sabiex jirreġistraw id-djar tagħhom taħt l-iskema ta' l-inċentiv ta' l-Imdina Rehabilitation Committee? Jista' l-Ministru jgħid x'permessi jirrikjedi mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar dan ir-restawr u min se jikkumpensa lill-familji residenti fl-Imdina għal dawn fi spejjeż?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li n-numru ta' applikazzjonijiet li daħlu taħt l-iskema tal-Historic Buildings Subsidy Scheme kien ta' 27. Il-Kumitat għar-Riabilitazzjoni ta' l-Imdina ma jidħolx fil-kwestjoni ta' jekk hemmx bżonn permess ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar jew le. Il-formola ta' l-applikazzjoni tagħmilha ċara li jrid ikun l-applikant li jrid jara jekk ix-xogħol li għalih qed ikun rikjest sussidju għandux bżonn jew le l-approvazzjoni ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Kien għal din ir-raġuni li l-applikazzjoni trid ta' bil-fors tkun iffirmata minn perit li jrid jara jekk hemmx bżonn ta' permessi. Għar-rigward ta' kumpens, l-applikant seta' jitlob għal kwalunkwe kumpens u fil-fatt kważi l-applikazzjonijiet kollha qed jitolbu kumpens għal spejjeż professjonali.
Leg 9 PQ #17129 Sitting 325 2000-06-26 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru għall-Ambjent

Naxxar — Drenaġġ

Question

Filwaqt li nagħmel riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 2666, jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslu ix-xogħlijiet fi Triq Andrea Debono fin-Naxxar, u sa meta ix-xogħol ta' drenaġġ u surfacing se jitlesta?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li għal din it-triq infetaħ tender. Dan jinkludi gravity main, rising main u bini ta' Pumping Station . Għadna qed nistennew l-easement approval mil-Lands u l-approvazzjoni tal-bini tal-Pumping Station mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar, u qabel dawn l-approvazzjonijiet, ma jistax jiġi ppubblikat dan it-tender.
Leg 9 PQ #17239 Sitting 325 2000-06-26 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Ambjent — Direttur

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il direttur inħatar fid-dipartiment u entitajiet li jaqgħu taħtu minn Settembru 1998 sal-lum? Jista' jgħid: (1) min huma dawn id-diretturi; (2) x'kundizzjonijiet igawdu; (3) kemm minnhom u min minnhom huma intitolati li jkollhom karozza; (4) kemm minnhom u min minnhom huma intitolati għal mobile phone?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li minn Settembru 1998 'l hawn inħatru żewġ Diretturi fil-Ministeru għall-Ambjent. 1. Dawn huma Anthony Abela A&CE u Joseph Spiteri Bailey. 2. Dawn għandhom Salary Scale 4, free telephone facilities u Annual Bonus skond il-performance tagħhom. 3. It-tnejn li huma ntitolati li jkollhom karozza. 4. Il-Mobile Phone jingħata skond l-esiġenzi tax-xogħol tagħhom.
Leg 9 PQ #17301 Sitting 325 2000-06-26 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru għall-Ambjent

Ambjent — Konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-avukati, għaqdiet ta' avukati jew konsulenti legali li taw jew qegħdin jagħtu servizz lil dipartimenti, awtoritajiet jew korpi/entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu u li taw dan is-servizz minn Jannar 1999 sal-lum? X'tip ta' servizz ingħata f'kull każ? X'kienet in-nefqa jew ħlas li ingħata u li qiegħed jingħata f'kull każ? Jekk ħarġet sejħa, min kienu l-applikanti? Min jew liema bord ta' għażla jew xort'oħra għażel din il-konsulenza u abbażi ta' liema kriterji u kundizzjonijiet intażlet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Leg 9 PQ #17305 Sitting 325 2000-06-26 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru għall-Ambjent

Ambjent — Konsulenti

Question

Jista' l-Ministu jgħid min huma l-avukati, għaqdiet ta' avukati jew konsulenti legali li taw jew qegħdin jatu servizz lil dipartimenti, awtoritajiet jew korpi/entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu, f'xogħol relatat ma' monitoring, screening, addozzjoni, kompatibilita' etc. ta' liġijiet, direttivi, deċiżjonijiet, regoli etc. ta' l-Unjoni Ewropea u li taw dan is-servizz minn Jannar, 1999 sal-lum? X'tip ta' servizz ingħata f'kull każ? X'kienet in-nefqa jew ħlas li ngħata u li qiegħed jingħata f'kull każ? Jekk ħarġet sejħa, min kienu l-applikanti? Min jew liema bord ta' għażla jew xort'oħra għażel din il-konsulenza u abbażi ta' liema kriterji u kundizzjonijiet intażlet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-Avukat Kevin Aquilina LL.M., LL.D., Ph.D. ġie nkarigat biex jipprepara abbozzi ta' liġijiet minn direttivi u regolamenti ta' l-Unjoni Ewropea dwar l-ambjent. Sa llum għadu ma sar l-ebda ħlas iżda dan mistenni jkun fuq l-istess bażi għal xogħol simili li qed isir f'Ministeri oħra. L-Avukat Aquilina ntgħażel minn fost dawk li rreġistraw ruħhom mad-Direttorat ta' l-Unjoni Ewropea biex jagħmlu xogħol ta' konsulenza in konnessjoni mad-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea. L-għażla saret mis-Segretarju Permanenti a bażi tal-kompetenza kbira li għandu l-Avukat Kevin Aquilina fil-qasam tal-liġijiet ambjentali.
Leg 9 PQ #16916 Sitting 324 2000-06-23 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Xemxija — Bajja

Question

Peress li t-taraġ tal-ħadid li hemm biex tinżel fil-bajja tax-Xemxija huwa kollu msaddad u nifhem li qed ikun ta' periklu serju għal min jużah, jista' l-Ministru jara li japprova x-xogħlijiet meħtieġa ħalli qabel is-sajf li ġej isir taraġ ġdid tal-ħadid? Peress li l-bżonn ta' aċċess li jestendi t-taraġ tal-ħadid huwa neċessarju ħafna għar-residenti u ċittadini li jiffrekwentaw l-inħawi, jista' l-Ministru jara li fil-fatt ix-xogħlijiet meħtieġa jitwettqu verament? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Leg 9 PQ #17237 Sitting 324 2000-06-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

Ambjent — Konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti li għandu l-ministru/ministeru? F'liema oqsma? Għal kemm żmien? Xi ħlasijiet għandu kull konsulent?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar.
Leg 9 PQ #17240 Sitting 324 2000-06-23 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

MIDI — Ftehim

Question

Issa li ġie finalizzat il-ftehim mal-MIDI dwar it-trasferiment ta' proprjeta' f'Manoel Island u Tigne Point, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim kollu li ntlaħaq ma' terzi sabiex min kien qiegħed jokkupa proprjeta' jingħata xi tip ta' kumpens kif ġie mitlub u mwiegħed li se jagħmel fil-kumitat tal-Kamra meta ġie diskuss dan il-proġett?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Leg 9 PQ #17241 Sitting 324 2000-06-23 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Dipartiment tad-Drenaġġ — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga x'inhi r-raġuni għaliex il-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jintbagħtu separtament u li jaħdem fid-dipartiment tad-drenaġġ ġie trasferit minn xogħol li kien ilu jagħmel għal ħafna snin u ngħata xogħol ieħor li hu ta' livell anqas mill-grad tiegħu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant qed jiġi investigat.
Leg 9 PQ #17242 Sitting 324 2000-06-23 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

MIDI — Kuntratt

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt (inkluż id-dokumenti relattivi kollha) li għadu kif ġie offrut mill-gvern lill-consortium MIDI għal trasferiment ta' proprjeta' f'Manoel Island u Tigne' Point?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Leg 9 PQ #17246 Sitting 324 2000-06-23 Oral · Interim From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Ambjent

EU — Economic Impact Assessment

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ministeru tiegħu ikkummissjonax xi economic impact assessments dwar is-sħubija prospettiva ta' Malta fl-Unjoni Ewropea? Jekk iva, x'terms of reference kellhom? Minn min saru? X'kienu s-suġġetti ittrattati?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Leg 9 PQ #17157 Sitting 323 2000-06-23 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Ambjent

Kumitat tar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera

Question

Jista' l-Ministru jieħu ħsieb li l-ġnien żgħir li hemm quddiem l-uffiċċju preżenti tal-Kumitat tar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera jiġi mnaddaf?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Hu maħsub li dan il-ġnien jiġi mnaddaf hekk kif xogħol ieħor li hu għaddej u li huwa ta' natura urġenti jkun lest. Nispera li dan it-tindif jibda f'qasir żmien.
Leg 9 PQ #17158 Sitting 323 2000-06-23 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Ambjent

Bormla — Kappella tal-Madonna tas-Sokkors

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bix-xogħol li sar fuq il-Kappella tal-Madonna tas-Sokkors ġewwa Bormla u jistax ukoll jieħu ħsieb li l-lapida li hemm tiġi mnaddfa u mdawwla? Jikkonsidrax li jagħmel mill-post uffiċjali għall-informazzjoni tat-turisti?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera ħa ħsieb li jnaddaf il-faċċata ta' l-entratura ta' din il-Kappella li kienet sewda faħma. Barra minn hekk sar studju dwar il-kappella, l-istorja tagħha u dwar x'jista' jsir. Għar-rigward tal-lapida din għandha titnaddaf. Se nara x'jista' jsir għar-rigward tad-dawl. Għar-rigward ta' l-użu tal-post il-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera kien xhur ilu talab l-opinjoni tal-Kunsill Lokali ta' Bormla u għadu qed jistenna risposta.
Leg 9 PQ #17159 Sitting 323 2000-06-23 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Ambjent

Bormla — Mina ta' Sant Liena

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra bix-xogħol li sar tul dawn l-aħħar snin fuq il-Mina ta' Santa Liena, Bormla u jistax jieħu ħsieb li l-lapida li hemm fuq quddiem tiġi mnaddfa u mdawwla mal-lejl? Jista' l-Ministru ukoll jieħu ħsieb li din il-mina tiġi mnaddfa mill-ħmieġ tad-duħħan tal-karozzi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera għandhom proġett sħiħ għall-Mina ta' Santa Liena. Għandi l-pjaċir ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għadha kemm ħarġet sejħa għal offerti għall-ewwel fażi ta' dan il-proġett. Dan il-proġett jinkludi t-tneħħija tas-swidija li hemm, restawr, sistema ġdida ta' dawl, titjib fid-dehra kollha tal-madwar. Meta jitlesta l-proġett kollu din il-mina mportanti tingħata d-dehra li jixirqilha. Il-proġett kollu għandu jieħu madwar sena biex jitlesta.
Leg 9 PQ #17160 Sitting 323 2000-06-23 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Ambjent

Bormla — Tindif

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra bix-xogħol li sar f'dan l-aħħar ġimgħat ta' tindif mill-ħaddiem tad-Dipartiment ta' l-Ambjent ġewwa Bormla u jistax jieħu ħsieb Bieb il-Polversita ukoll ssir?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħol imsemmi mill-Onorevoli Interpellant li sar mill-Unit Għal Ambjent Nadif kien jikkonsisti f'tindif ta' ħaxix ġo, Triq Għajn Dwieli, San Ġwann T'Għuxa, Triq Verdala, Triq Cospicua u Triq Ġublew tal-Fidda. Saru tiswijiet ta' centre-strips u roundabouts u dawn ġew ukoll miżbugħa, filwaqt li twaħħlu reflectors mal-crash barriers tal-Mina ta' Bormla. Saret manutenzjoni inkluż żebgħa fil-Bus Shelters. Dwar tindif ħdejn il-bieb ta' Polverista, dan huwa wkoll inkluż fil-programm tax-xogħol.
Leg 9 PQ #17161 Sitting 323 2000-06-23 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Ambjent

Kalkara — Tindif

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra bix-xogħol li sar f'dan l-aħħar ġimgħat ta' tindif mill-ħaddiem tad-Dipartiment ta' l-Ambjent ġ.ewwa l-Kalkara u jistax jieħu ħsieb li ħajt tas-sejjieħ jiġi mibni f'partijiet ta' Triq is-Salvatur?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ix-xogħol imsemmi mill-Onorevoli Interpellant li sar mill-Unit għal Ambjent Nadif kien jikkonsisti f'tindif, qtugħ ta' ħaxix u tneħħija ta' kull tip ta' skart minn art mhux mibnija ġo Triq il-Kapuċċini. Ix-xogħol sar fi żmien tlett ijiem u tneħħew madwar tletin truck. Ġie rranġat ukoll parti mill-ħajt li jdawwar din l-art, u tneħħa wkoll il-ħaxix li kien hemm f'din it-triq. Rigward il-ħajt tas-sejjieħ li jrid jinbena f'partijiet ta' Triq is-Salvatur, it-talba ser tiġi kkunsidrata.
Leg 9 PQ #17162 Sitting 323 2000-06-23 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

San Ġwann — Triq il-Fuxa - Scammel

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa biex scammel truck bin-numru ta' reġistrazzjoni BBA 909 (KIP 16) ma jibqax jipparkja bil-lejl fi Triq il-Fuxa, San Gwann peress li: (a) qed joħloq inkonvjent lir-residenti bl-irwejjaħ; u (b) qiegħed ikun ipparkjat kontra kif permess bil-liġi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Għalkemm ir-responsabbilta' tal-Koperattiva għall-Indafa Pubblika ma taqax taħt il-Ministeru għall-Ambjent, dan il-Ministeru ħa l-passi meħtieġa biex dan l-inkovenjent jitneħħa.
Leg 9 PQ #17163 Sitting 323 2000-06-23 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Sliema — Triq Blanche Huber - Bankina

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa biex isir wiċċ ġdid fil-bankina ta' Triq Blanche Huber, Sliema li twassal sa Triq San Franġisk, Sliema peress li tinsab fi stat ħażin ħafna?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Leg 9 PQ #17165 Sitting 323 2000-06-23 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Cottonera Rehabilitation Committee

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn min hu ffurmat il-Cottonera Rehabilitation Committee? Jista' l-Ministru jgħid x'remunerazzjoni tingħata lill-membri tal-CRC?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 17128 (Seduta 320). Ma tingħata l-ebda remunerazzjoni lill-membri tal-Cottonera Rehabilitation Committee.
Leg 9 PQ #17166 Sitting 323 2000-06-23 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Cottoner Rehabilitation Committee

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħata flus sena b'sena mit-twaqqif tiegħu l-CRC? Jista' jgħid ukoll fuq liema proġetti ntnefqu l-flus?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar.