Legislature:
Category:
Reset
Active:

Affarijiet Rurali u Ambjent — Advertising Agencies

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18138 u jgħid: B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17971, jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

MEPA — Bord ta' l-Appell

Question

Jaf il-Ministru li persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ilha tistenna mis-6 ta' April, 2005 sabiex jiġu maħtura membri ad hoc sabiex jippresjedu l-bord ta' l-appell fi ħdan il-MEPA u dan minħabba f'raġunijiet legali ma jistgħux joqogħdu s-soliti membri? Jidhirlu l-Ministru li dan id-dewmien kollu bl-ebda mod m'hu raġonevoli u qed jikkrea preġudizzju serju lil persuna indikata? Meta beħsiebu l-Ministru jappunta l-membri msemmija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddej il-proċess sabiex jiġu maħtura l-membri għall-Bord ad hoc ta’ l-Appell.

Għawdex — Sidien tal-Baqar

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentiari 13497 dwar skema ta' sussidju temporanja li twaqqfet fl-2001 għall-bhejjem li jinġarru minn Għawdex għal Malta, jista' il-Ministru jgħid għaliex twaqqfet din l-iskema? Inoltre jista' jgħid jekk il-gvern hux beħsiebu jerġa' jintroduċi din l-iskema?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Pembroke — Animal Shelter

Question

Jista' il-Ministru jgħid hemmx xi ħsieb li l-gvern jgħin lill-animal shelter - aktar dettalji qed jintbagħtu separatament - ġo Pembroke li għandu bżonn jiġi mċaqlaq minfejn qiegħed b'ordni tal-MEPA? Il-gvern għandu policy ġenerali lejn dawn l-istrays klieb u qtates?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li d-Diviżjoni għall-Ikel u Attività Veterinarja fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent għamlet ispezzjoni fuq il-post li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant u jikkonkludi li l-post fejn jinżammu dawn il-klieb mhux addattat għal dan l-iskop. Għaldaqstant qed jittieħdu miżuri sabiex jiġu rilokati għal sit alternattiv in-numru ta’ klieb li qed jinżammu f’dan is-sit, u fil-fatt għadd ta’ klieb diġa ġew addottati. Il-Ministeru qiegħed jikkonsidra proposta mill-Kunsill għat-Trattament Xieraq ta’ l-Annimali sabiex titnaqqas il-problema ta’ klieb mingħajr sid.

Animal Welfare Act

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid min huma l-membri fuq il-kunsill fuq l-Animal Welfare Act? Meta ġew maħtura? Jista' jgħid kemm-il darba ltaqgħu s'issa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Kunsill fuq l-Animal Welfare

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk il-kunsill fuq l-Animal Welfare għandux policy fuq stray dogs? Jekk iva, x'inhi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Numru 18270.

San Pawl il-Baħar — Menqa

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jindaga jekk il-passaġġ fuq in-naħa tal-Menqa, f'San Pawl il-Baħar hux se jibqa' aċċessibbli għall-pubbliku, kif kien qabel ma beda l-iżvilupp li qiegħed isir bħalissa? Dettalji tal-permess qed jintbagħtu separatament.

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-permess ta' żvilupp PA 05008/04 inħareġ għall-iżvilupp mill-ġdid tas-sit. Il-bini l-ġdid għandu jżomm ma' l-impronta tal-bini eżistenti, bil-kundizzjoni li jirrispetta l-linji uffiċċjali. B'hekk, kwalunkwe passaġġ pubbliku eżistenti m'għandux jiġi affettwat mill-iżvilupp kif approvat.

Ex fabbrika Kastellana

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-art fuq is-sit fejn kien hemm il-fabbrika Kastellana hijiex tal-gvern u jekk hux se jinbena supermarket? Jista' jgħid jekk ingħatatx għal użu kummerċjali flok industrijali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Fuq l-ewwel part ital Mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jistaqsi lill-Ministru kkonċernat. Dwar it-tieni part ital-Mistoqsija ninsab infurmat li fuq is-sit li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant ħareġ permess għal supermarket.

Marsacala — Fun Park

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-fun park li ntqal li se jsir f'ġurnal bl-Ingliż bejn ir-Razzett tal-Ħbiberija u l-impjant tar-riċiklaġġ ġewwa Marsascala hux se jkun hemm xi spazji rikreattivi oħra li se jitneħħew, bħal ngħidu aħna l-bandli li hemm fejn ix-xatt faċċata tal-bus terminus?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li dan l-iżvilupp jirrigwarda biss l-akwati bejn ir-Razzett tal-Ħbiberija u l-Impjant ta' Sant'Antnin.

Environmental Landscape Consortium — Ħaddiema tal-gvern

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm impjegati tal-gvern jaħdmu ma' l-Environmental Landscape Consortium? F'liema gradi jaħdmu? Jista' jgħid x'charges ingħataw il-ħaddiema tul is-sena 2005 u għal liema raġunijiet ingħataw dawn iċ-charges? Jista' jivverifika jekk hux il-każ li hemm Ingliż ma' dan il-consortium li qed jitratta ħażin lil dawn l-impjegati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li hemm 231 impjegati tal-gvern jaħdmu ma' l-Environmental Landscape Consortium, dawn huma kif jidher fit-tabella hawn taħt : Agricultural Foreman 4 Assistant Agricultural Foreman 1 Assistant Foreman 4 Assistant Technical Officer 1 Gardener 54 General Hand 103 Health Attendant B 4 Heavy Plant Driver 17 Hospital Auxiliary 1 Labourer 14 Motor Transport Driver 3 Operative 9 Senior Agricultural Foreman 2 Senior Operative 2 Senior Technician 1 Senior Tradesman 6 Supervisor 1 Timekeeper 4 231 Fis-sena 2005 kien hemm għaxar (10) każi ta’ proċeduri ta’ dixxiplina skond Regolament 18 tar-Regolamenti tad-Dixxiplina 1999 (Proċedura ta’ Dixxiplina) fuq: (a) Diżubbidjenza; (b) Negliġenza fit-twettieq tad-dmirijiet; (c) Nuqqas ta’ osservanza jew ubbidjenza tar-regoli; (d) Simulazzjoni ta’ mard; Kien hemm 64 każ ta’proċeduri ta’ dixxiplina skond Regolament 19 tar-Regolamenti tad-Dixxiplina 1999 (Proċedura ta’ Dixxiplina). Ħamsa (5) minn dawn il-każi ġew mwaqqfa għaliex l-individwi eskulpaw ruħhom. L-akkużi kienu fuq: (a) Nuqqas ta’ osservanza jew ubbidjenza tar-regoli; (b) Assenza minn fuq il-post tax-xogħol mingħajr permess; (c) Tnikkir fuq ix-xogħol; (d) Simulazzjoni ta’ mard; (e) Negliġenza fit-twittiq tax-xogħol; Fis-sena 2005 kien hemm ħmistax (15) il-każ ta’ proċedura ta’ dixxiplina skond Regolament 20(2) tar-Regolamenti tad-Dixxiplina 1999 (Proċedura ta’ Dixxiplina). Sitta (6) minn dawn ma nstabux ħatja ta’ l-akkuża miġjuba kontrihom, zewġ (2) każi ġew mwaqqfa għaliex l-individwi skolpew ruħhom, tnejn (2) laħħqu għaddew Bord Mediku qabel ma ingħalaq il-każ tagħhom, u ħamsa (5) nstabu ħatja. L-akkużi kienu jinkludu: (a) Nuqqas ta’ osservanza jew ubbidjenza tar-regoli; (b) Simulazzjoni ta’ mard; (c) Tnikkir fuq ix-xogħol; (d) Assenza minn fuq il-post tax-xogħol mingħajr permess; (e) Tbagħbis jew użu hażin ta’ karti u records ta’ l-attendenza Ma naf bl-ebda każ ta' trattament ħażin ta’ impjegati. Jekk l-Onor. Interpellant jaf b'xi każ, nitolbu jagħtini l-informazzjoni.

MEPA — Każi quddiem il-Qorti ta' l-Appell

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm każi li l-Qorti ta' l-Appell bagħtet lura għand il-MEPA għal deċiżjoni? Kemm ilhom pendenti dawn il-każi? Meta se jinqatgħu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’Seduta oħra.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Advertising Agencies

Question

B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17971, jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

MEPA — Zona ta' l-agrikoltura

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm sew lill-MEPA il-kwestjonarju dwar iz-zona ta' l-akwakultura li ntbagħtet lill-familji f'Marsascala? X'kien l-eżitu ta' dan il-kwestjonarju? Kemm-il familja kienet favur il-proġett, kemm kienu kontra u kemm indeċiżi? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tar-rapport dwar dan il-kwestjonarju?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kwestjonarju dwar iz-Zona ta' Akwakultura li qed isemmi ma ħallasx għalih l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) iżda d-Dipartiment ghall-Harsien u l-Kontroll tas-Sajd fi ħdan dan il-Ministeru bħala parti mill-Konsultazzjoni Pubblika dwar l-Istudju dwar l-Impatt Ambjentali li sar għal dan il-Proġett skond kif mitlub mill-liġi. Fil-waqt li l-liġi titlob biss li ssir laqgħa ta' konsultazzjoni ta' ftit sigħat, id-Dipartiment għamel ħafna iżjed minn hekk billi waqqaf esibizzjoni pubblika u Public Hearing fuq jumejn, iċċirkola dan il-kwestjonarju lil kull indirizz f'Wied il-Għajn (kemm residenzjali kif ukoll kummerċjali), apparti li intbagħat ukoll lil għaqdiet konċernati, u waqt il-konsultazzjoni pubblika mexxa xejn inqas minn seba’ (7) laqgħat konsultattivi (focus meetings) ta' aktar minn siegħa u nofs kull waħda. Il-pubbliku kien mistieden jattendi għal u jintervjeni fi kwalunkwe minn dawn il-laqgħat. Il-kwestjonarju (produzzjoni, stampar, u ċirkolazzjoni) sewa Lm1,182 (inkluż VAT). Minn dawk li wieġbu kien hemm residenti, entitajiet kummerċjali f’Wied il-Għajn u persuni li ma joqgħodux f’Marsaskala. Il-Kwestjonarju ma kienx jittratta biss l-applikazzjoni iżda kien hemm mistoqsijiet fuq l-akwakultura in ġenerali, dwar it-tuna penning in ġenerali, kif ukoll dwar il-proposta u dwar l-Istudju dwar l-Impatt Ambjentali. Għall-mistoqsija dwar kif jaħsbu li l-proġett propost jista' jaffettwa l-kwalità tal-ħajja tagħhom, ir-residenti wieġbu hekk: 21.2% qalu li jitjieb (non-residenti 36%) 51.5% ma tinbidilx (non-residenti 12%) 9.8% tiħżien (non-residenti 32%) 9.8% mhux ċerti (non-residenti 20%) 3.8% ma tapplikax għalihom (non-residenti 0%) 3.8% ma weġbux (non-residenti 0%) Il-kwestjonarju kellu diversi mistoqsijiet. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-kwestjonarju, rapport dwar ir-risposti, kif ukoll ir-riżultati tal-kwestjonarju (maqsumin bejn residenti u mhux). Mir-risposti għall-kwestjonarju jidher biċ-ċar li l-maġġoranza tal-familji kienu favur il-proġett.

Marsascala — Fishfarms

Question

Jista' il-Ministru jagħti assigurazzjoni li l-fishfarms preżenti li hemm Marsascala ser jiġu ri-allokati? Kemm 'il bogħod mill-ixtut se jiġu ri-allokati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li, jekk segwa d-diskussjoni tal-ħruġ tal-permess ta' l-Aquaculture Zone, għandu jinduna li l-attività tat-Tonn preżenti, illiċenzjati fuq tlett siti fin-Nofs in-Nhar ta' Malta, hija marbuta li tagħmel ri-allokazzjoni fi żmien sentejn għaz-zona ġdida ta' l-Akwakultura li tinsab 6.3km 'l barra mill-Ponta ta' Żonqor. L-attività tat-tonn li tinsab fil-Majjistral ta' Malta wkoll huwa maħsub li tiġi ri-allokata aktar 'l barra, u fil-fatt ġiet identifikata zona biex tiġi studjata għal dan il-għan. Ix-xogħol fuq din iz-zona ser jibda hekk kif ikun mitmum ix-xogħol għall-ewwel staġun fuq iz-zona ta' nofs in-nhar. L-attività ta' l-akwakultura ta' speċi oħra għal issa mhux maħsub li tiġi mċaqalqa għaliex teknikament għadu mhux possibbli li ħut żgħir bħal Awrat u Spnott jiġi mkabbar f'kundizzjonijiet differenti minn dawk eżistenti. Fil-fatt il-kundizzjonijiet tal-permessi ta’ żvilupp tal-fishfarms tat-tonn għandhom kundizzjoni li teħtieġ ri-allokazzjoni meta iz-zona ta’ l-akwakultura tkun approvata. Il-kundizzjonijiet tal-permess PA 87/04 għaz-zona ta’ l-akwakultura jeħtieġu li d-Diviżjoni tal-Konservazzjoni u l-Kontroll tas-Sajd fi ħdan danil-Ministeru jagħti proposta ta’ meta għandha ssir din ir-ri-allokazzjoni. Din id-data ma tistax tkun iżjed minn 24 xahar mill-ħruġ tal-permess.

Marsascala — Zona ta' Akwakultura

Question

Jista' il-Ministru jgħid qabel ma ntgħażlet Marsascala bħala sit għal zona ta' akwakultura, kemm-il sit ġie studjat u kkonsidrat? Minn min kien kompost il-kumitat li wasal għall-konklużjoni li Marsascala kien l-aħjar sit? X'kienu r-raġunijiet li fuqhom iddeċidew li jagħżlu Marsascala?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni kollha ġiet ittrattata fid-diskussjonijiet pubbliċi li saru matul l-esibizzjoni pubblika fuq dan il-proġett fil-lukanda Jerma Palace f'M'Scala. Għalkemm l-applikazzjoni tirreferi dejjem għal M'Scala, wieħed ma jistgħax jikkunsidra li zona li qiegħda 6.3km 'l barra mill-kosta taqa' taħt il-ġurisdizzjoni ta' Kunsill Lokali. Fuq l-art 6.3km tista’ tkun d-distanza minn ċentru ta' lokalita' għal ċentru ta' lokalità oħra. Nirreferu dejjem għaz-zona bħala M'Scala għaliex l-eqreb art hija il-Ponta ta' Żonqor. Fis-sena 2001 il-policy ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) dwar l-akwakultura kienet li kull żvilupp kellu jkun f'fond iżjed minn ħamsin metru, u l-inqas distanza mill-kosta kella tkun mil nawtiku. Billi l-interess f'din l-industrija żdied, diskussjonijiet biex jitfassal Policy Nazzjonali fuq l-Akwakultura bdew bejn l-istess Awtorità, id-Dipartiment tas-Sajd, u l-Awtorità Marittima ta’ Malta (MMA), l-Awtorità tat-Turismu (MTA), il-Malta Development Corporation (MDC), u t-Taqsima għas-Servizzi Veterinarji fi ħdan dan il-Ministeru. Fis-sena 2002 sar moratorium fuq applikazzjonijiet ġodda sa kemm ittieħdet id-deċiżjoni fuq il-possibiltà li tiġi stabbilita zona ta' l-akwakultura. Kien hemm numru ta' applikazzjonijiet li ġew miċħuda, irtirati, jew diferiti. Dawn l-applikazzjonijiet kienu għal diversi nħawi mxerrdin mal-kosta tal-Gżejjer Maltin. F'dan il-mument saret proposta mill-Awtorità Marittima ta’ Malta (MMA) dwar sit possibbli lejn in-naħa t'isfel ta Malta. Alternattivi li kienu kkunsidrati kienu barra mil-Qala, Għawdex, u bejn Malta u Filfla. Is-sit fin-naħa t'isfel ta Malta ntgħazel minħabba li dan is-sit jinstab ġo fond ta’ bejn il-ħamsin u l-mitt metru, hu l-iżjed il-bogħod mill-art, li għandu l-inqas impatti ambientali, u li jista’ jkollu l-inqas impatt fuq attivitajiet oħra. Dan il-proċess hu descritt fl-Environment Impact Assessment (EIA) li sar għall-applikazzjoni għall-iżvilupp numru PA 87/04.

Wied il-Għajn — Zona ta' l-akwakultura

Question

Kemm mistennija jaħdmu nies Maltin fiz-zona ta' l-akwakultura li l-gvern irid jagħmel f'Wied il-Għajn? Kemm ħaddiema Maltin qed jaħdmu fil-fishfarms preżenti f'Wied il-Għajn?

Response (PULLICINO, GEORGE)

In-numru ta’ ħaddiema li jaħdmu mal-fishfarms ilaħħaq għal madwar tletin (30) ruħ.

Bdiewa — Fondi mill-UE

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'qed jagħmel il-ministeru sabiex iġib lil bdiewa konxji mill-fatt li jridu japplikaw issa għal fondi mill-UE? X'qed jagħmel il-ministeru sabiex jiffaċilita u jgħin lil bdiewa japplikaw?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li kull bidwi rreġistrat irċieva fuljett ta' tagħrif estensiv rigward l-applikazzjoni għal għajnuna fuq 12-il miżura. F'dan il-fuljett ingħata tagħrif fuq kull miżura, meta bdiet tintlaqa’ l-applikazzjoni u meta tagħlaq, kemm kienet l-għajnuna u liema rata tapplika. Barra minn hekk, il-bidwi qed jingħata tagħrif ta' x'inhuma l-obbligazzjonijiet li hu jrid jaċċetta li jirrispetta biex ikun eliġibbli għal għajnuna bħal ma huma il-prattiċi għal biedja għaqlija u kondizzjonijiet oħra ambjentali inklużi dawk imsejħa Cross-Compliance. Saru laqgħat ta' informazzjoni ma’ l-assoċjazzjoni tal-bdiewa, u kooperattivi, kif ukoll jitħaddem freephone li jilqa’ kull diffikultà li jistaqsu l-bdiewa. L-applikazzjoni hija elettronika u magħmula b'tali mod li l-bidwi ma hemmx għalfejn jimla karti, iżda jġib miegħu pjanti magħmula mid-dipartiment ta' l-Integrated Administration and Control System (IACS) stess bla ħlas, u jiddikjara fuq liema għajnuniet irid japplika, u xi prodott ikabbar fuq l-art li jaħdem. Il-bidwi jingħata kopja ta' l-applikazzjoni li jkun għamel elettronikament permezz ta' l-Uffiċjali tad-Dipartiment ta' l-Integrated Administration and Control System (IACS), u dan ikun jista’ jirrevediha ġo daru u wara, jekk jkun il-każ, jitlob tibdil fi żmien stipulat. Barra minn hekk, bdiewa li jaħdmu aktar minn 40 tomna raba qed jingħataw appuntamenti nhar ta’ Sibt u Ħadd. Il-ħin meta jintlaqgħu l-applikazzjonijiet mit-Tnejn sal-Ġimgħa ġie wkoll estiż biex kull bidwi jkun jista’ japplika l-Għammieri fuq it-12-il miżura f'ġurnata waħda. Sar ukoll eżerċizzju biex bdiewa minn ċerti lokalitajiet ġew mitluba japplikaw fi żmien speċifikat biex l-ammont ta' applikazzjoniijiet jkun imqassam kemm jista’ jkun ugwalment bl-anqas inkonvenjent għall-bidwi.

Bdiewa

Question

Jisa' il-Ministru jgħid kemm hemm bdiewa reġistrati ma' l-uffiċċju għall-amministrazzjoni u kontroll ta' l-art agrikola (IACS)? Jista' jgħid kemm minn dawn il-bdiewa applikaw għal xi għajnuna finanzjarja? Jista' jgħid kemm kien hemm bdiewa reġistrati li ma humiex sid tar-raba li ddikjaraw li jaħdmu u hemm min minnhom irċieva għajnuna?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ bdiewa reġistrati fl-uffiċċju għall-Amministrazzjoni u l-Kontroll ta’ l-Art Agrikola (IACS) huwa ta’ 14,098. Għad m’hemmx statistika li turi jekk dawn il-bdiewa humiex is-sidien tar-raba’ li jaħdmu. Fis-sena 2004 kien hemm 6,257 applikazzjoni għall-għajnuna finanzjarja, waqt li fis-sena 2005 saret 4,950 applikazzjoni. Din is-sena, s’issa daħlu 2,453 applikazzjoni.

Bdiewa — Għajnuna mill-UE

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienu dawk li applikaw sabiex jirċievu għajnuna derivanti mill-Unjoni Ewropea: a) għar-restawr ta' ħitan tas-sejjieħ ta' l-ilqugħ; b) għall-ipproċessar tat-tadam; c) għat-tkabbir ta' frott u ħxejjex; d) għajnuna lil min jipprattika l-biedja u tkabbir ta' dwieli; u kemm kienu l-fondi allokati f'kull kategorija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jista’ l-Onorevoli Membru jindika għal liema perjodu qed jirreferi?

Fondi mill-UE

Question

Jista' il-Ministru jgħid: a) kemm ġiet allokata fondi Malta mill-Unjoni Ewropea għas-sena 2004 u 2005 separatament; u b) kemm kienu dawk li applikaw għal din l-għajnuna?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hi kif tidher fit-tabella annessa hawn taħt : 2004 Allokazzjoni f’Euros 2004 Beneficjarji 2005 Allokazzjoni f’Euros 2005 Beneficjarji EAGGF 3,257,154.18* 81 2,742,745.82* 62 FIFG Nil Nil 3,679,061** 12*** TOTAL 3,257,154.18 81 6,421,806.82 74 * Euro 1,800,000 minn din is-somma hi minn fondi Maltin ** Euro 766,549 minn din is-somma hi minn fondi Maltin *** Din iċ-ċifra hi provisorja għaliex għad hemm proġetti li l-proċess ta’ tendering għadu għaddej jew għad m’hemmx approvazzjoni.