Bord tal-Malta National Laboratory – ħlas għad-diretturi
Question
Tista’ l-Ministru tgħid meta d-diretturi li kienu jservu fuq il-bord tal-Malta National Laboratory Co. Ltd. fl-aħħar leġiżlatura se jitħallsu tax-xogħol tagħhom sa dak l-istess xahar?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Malta National Laboratory għaddejja minn proċedura ta’ likwidazzjoni u għalhekk il-ħlasijiet tad-diretturi li servew fuq il-bord isiru mill-likwidatur hekk kif jiġi fi tmiemu dan il-proċess.
Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — vetturi
Question
Tista’ l-Ministru tagħti rendikont dettaljat tal-vetturi kollha mikrija jew leased mingħand il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament lil kull dipartiment tal-Gvern, awtorità, korporazzjoni jew kwalunkwe entità governattiva oħra fid-dekasteru tagħha minn Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u tindika wkoll, f’kull każ, saritx sejħa pubblika għall-offerti u jekk le, tgħid għaliex le?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Marzu 2013 sal-lum il-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili u l-entitajiet li jaqgħu taħtu krew dawn il-vetturi li ġejjin skont il-proċeduri finanzjarji tal-Gvern mingħand il-kumpanija msemmija:
MCCAA: karozza waħda għal erbat ijiem
Awtorità għal Mediċini: 96 karozza. Dawn il-karozzi nkrew għal perjodi qosra ta’ ġranet matul dawn is-sittax-il xahar li għaddew biex ikunu jistgħu jsiru l-ispezzjonijiet mill-uffiċċjali tal-Awtorità
Ministeru għad-Djalolgu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili: żewġ karozzi, waħda minnhom għal perijodu ta’ ħames t’ijiem u l-oħra għal 51 xahar.
Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 9888 li oriġrinarjament saret lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali u li issa ġiet riferuta lilha u ċjoè: Fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja C-293/12 u C-594/12, fejn il-Qorti kkonkludiet li d-Direttiva 2006/24/EC hija invalida, tista’ l-Ministru tgħid x’passi qed jieħu l-Gvern sabiex jirrevedi jew jirrevoka t-Tieni Parti tal-Liġi Sussidjarja SL.440.01.?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja C-293/12 u C-594/12, fejn il-Qorti kkonkludiet li d-Direttiva 2006/24/EC hija invalida, l-Gvern nieda diskussjonijiet biex jevalwa l-aħjar mod rigward l-azzjoni li għanda tittieħed biex din il-problema tista’ tiġi indirizzata lokalment.
Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur – Multi Amministrattivi
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il administrative fine (multi amministrativi) ġew eżegwiti mid-Direttur Ġenerali ta’ l-Uffiċċju tal-Affarijiet tal-Konsumatur matul is-sena 2013? Tista’ tgħid ukoll kemm kien l-ammont ta’ dawn il-multi u x’kienet ir-raġuni li ngħataw dawn il-multi skont kif stipulat fil-Kapitolu 378 tal-Liġijiet ta’ Malta?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fis-sena 2013 kien hemm multa amministrattiva waħda ta’ €2,329.37 li ġiet konfermata mit-Tribunal tal-Appell għall-Kompetizzjoni u għall-Konsumatur. Il-każ kien dwar reklamar qarrieqi.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk ġewx appuntati żewġ segretarji (wieħed Malta u ieħor Għawdex) għat-Tribunal tal-Konsumatur? Tista’ tgħid min huma dawk li qegħdin jaqdu din il-funzjoni bħalissa u kif ġew appuntati?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-segretarja għat-Tribunal tal-Konsumatur ta’ Malta ġiet appuntata. Is-segretarju tat-Tribunal ta’ Malta ġeneralment jaqdi ukoll il- funzjonijiet għat-Tribunal ta’ Għawdex u għal din ir-raġuni qatt ma kien ġie appuntat segretarju għat-Tribunal għal Għawdex. L-isem tal-persuna maħtura ġiet publikata fil-gazzetta tal-gvern.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġiet tiswa l-aħħar edizzjoni tal-magażin “L-Għażla”? Tista’ tgħid jekk il-ħruġ ta’ dan il-magażin inkluż is-setting, il-pubblikazzjoni u t-tqassim tiegħu ngħatax b’direct order?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-aħħar edizzjoni tal-magażin ‘L-Għażla’ ġiet tiswa €20,384.40. Is-setting tal-magażin, li sewa €1,274.40, ingħata b’direct order.
Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — xogħlijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħol ingħata mill-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament bejn l-2004 u Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jgħid għal kull każ, x’kien ix-xoghol, jekk ix-xogħol ingħatax b’direct order jew tender u kemm kienet l-ispiża għal kull każ?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili u l-entitajiet li jaqgħu taħtu ma taw ebda xogħlijiet lill-kumpanija msemmija.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il applikazzjoni għall-pożizzjonijiet vakanti ħarġu fi ħdan id-diversi awtoritajiet/dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u għal liema pożizzjonijiet ħarġu dawn l-applikazzjonijiet? Tista’ tgħid kemm-il bord tal-għażla nħatar biex jiġu mimlija dawn il-pożizzjonijiet? Tista’ tgħid minn min kienu ffurmati dawn il-bordijiet tal-għażla? Tista’ tgħid min kien iċ-chairman u l-membri ta' dawn il-bordijiet? Il-membri ta' dawn il-bordijiet inħatru minn fost uffiċjali pubbliċi jew minn barra s-servizz pubbliku? Jekk xi membri ta' dawn il-bordijiet inħatru minn barra s-servizz, fuq liema kriterji saret din il-ħatra? Tista’ tgħid xi kwalifiki għandu kull membru ta' kull bord tal-ħatra? X' rimunerazzjoni għandu kull membru tal-bord tal-għażla? Kemm ħa flus f'rimunerazzjonijiet kull membru ta' kull bord għal kull bord li ġie maħtur fih? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni li nħatru f’kull pożizzjoni vakanti?
Response (DALLI, HELENA)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li ta l-Prim Ministru għall-mistoqsija parlamentari 9545.
Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 9695 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilha u telenka min kien il-Health and Safety Officer inkarigat mill-proġetti li ġew notifikati lill-OHSA f’din l-aħħar sena bejn Marzu 2013 sa Marzu 2014?
Response (DALLI, HELENA)
M’hemm ebda uffiċjal li hu nkarigat speċifikament biex jinvestiga u jew jieħu azzjoni dwar notifiki dwar proġetti ta’ kostruzzjoni li jinbagħatu lill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol. In-notifiki jiġu pproċessati mill-pool ta’ Uffiċjali fi ħdan l-Awtorità.
Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — konsulenzi
Question
Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra dwar il-konsulenzi legali u/jew ħatriet oħra li ngħataw lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u/jew lid-ditta tiegħu mill-Ministeru, dipartimenti u/jew azjendi u korpi li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha mill-bidu tal-Leġiżlatura sal-lum? Tista' tagħti l-ħlas abbinat, meta nħarġet is-sejħa għall-applikazzjoni (jekk kien hemm) u f’kemm minn dawn l-entitajiet hemm il-Union li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ukoll involuta bħala union rikonoxxuta?
Response (DALLI, HELENA)
Jista l-Onor. Interpellant jgħid l-isem tad-ditta li qed jirreferi għaliha.
Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — xogħlijiet lill-kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol ingħata mill-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija lid-dettalji dwarha qed jingħataw separatament bejn l-2004 u Marzu 2013? Jista’ jgħid għal kull każ, jekk ix-xogħol ingħatax b’direct order jew tender u kemm kienet l-ispiża għal kull każ?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili u l-entitajiet li jaqgħu taħtu ma tawx xogħlijiet lill-Kumpanija msemmija.
Tista’ l-Ministru tgħid meta d-diretturi li kienu jservu fuq il-Malta National Board sa Ottubru 2012 se jitħallsu tax-xogħol tagħhom sa dak l-istess xahar?
Response (DALLI, HELENA)
Jista l-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema bord qed jirreferi għax taħt il-Minsiteru għad-Djalolgu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili m’hemmx bordijiet b’dak l-isem.
Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili – xogħlijiet lill-kumpanija
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħol ingħata mill-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha lill-kumpanija lid-dettalji dwarha qed jingħataw separatament bejn l-2004 u Marzu 2013? Tista’ tgħid għal kull każ, jekk ix-xogħol ingħatax b’direct order jew tender u kemm kienet l-ispiża għal kull każ?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili u l-entitajiet li jaqgħu taħtu ma taw ebda xogħlijiet lill-kumpanija msemmija
Tista’ l-Ministru tgħid meta d-diretturi li kienu jservu fuq il-bord tal-Awtorita ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijet tal-Konsumatur (MCCAA) sa Ottubru 2012 se jitħallsu tax-xogħol tagħhom sa dak l-istess xahar?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemm ebda ħlas pendenti dovut lill-Gvernaturi kollha fuq il-Bord tal-MCCAA għal perijodu bejn Mejju 2011 u April 2014.
Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — xogħlijiet lill-kumpanija
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'xogħlijiet ingħataw lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tagħha bejn Jannar 2009 u Marzu 2013, sena b’sena? Tista’ tgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Tista’ tgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux permezz ta’ direct order?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumpanija msemmija ma ngħatat ebda xogħol mill-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili u l-entitajiet li jaqgħu taħtu.
Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — transfers ta' impjegati
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm saru transfers fl-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu bejn Jannar 2003 u Marzu 2013, xahar b’xahar għal kull sena b’mod separat? Tista’ tgħid x’kienet il-kariga tal-persuni milquta, il-postijiet fejn kienu u fejn ġew trasferiti u jekk it-transfers sarux fuq talba tal-individwu jew le?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il kuntratt jew xogħol ħadu l-kumpaniji li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament mill-Ministeru tagħha, inkluż kull entità, dipartiment, awtorità u simili li jaqgħu fi ħdanha, mid-9 ta’ Marzu 2013 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza? Kemm kien il-valur ta’ kull kuntratt/xogħol u f’kull każ inħarġu sejħiet għall-offerti pubbliċi?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili u l-entitajiet li jaqgħu taħtu għamlu użu mis-servizzi tal-kumpaniji imsemmija minnu bi spiza medja ta’ €590 kull darba. F’kull każ ġew segwiti r-regoli finanzjarji tas-servizz pubbliku.
Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — xogħlijiet lill-Individwu
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'xogħlijiet ingħataw lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tagħha bejn Settembru 1998 u Marzu 2013, sena b’sena (inkluż ħatriet f’bordijiet, anki ta’ Segretarju) ? Tista’ tgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Tista’ tgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux permezz ta’ direct order?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-individwu msemmi ma ngħata l-ebda xogħol mill-Ministeru għad-Djalolgu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili jew l-entitajiet li jaqgħu taħtu.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7530, tista’ l-Ministru tgħid meta se jiġi ppubblikat dan il-business plan kif ġie kommess li jsir?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Business Plan ġie sottomess mill-Bord tal-MCCAA għall-approvazzjoni. Dan jiġi ppublikat wara li tintemm il-konsultazzjoni mal-Ministeru tal-Finanzi.
MCCAA – ċertifikazzjoni ta’ standard internazzjonali
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7465, tista’ l-Ministru tgħid x’inhu l-eżitu tal-aħħar awditjar tal-ISO 9001 li kellu jsir f’Marzu li għadda?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-awditjar sar fl-24 u l-25 ta’ Marzu li għadda. L-MCCAA żammet iċ-ċertifikazzjoni li kellha.