Il-Gvern Malti ssieħeb ma' l-Unjoni Ewropea biex is-sena 2003 tkun is-Sena Ewropea tal-persuni b'diżabilita'. Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'qed jippjana l-ministeru tiegħu għal din is-sena biex jintlaħqu l-għanijiet tagħha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u r-risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'jista' isir meta persuna tiġi miċħuda l-paga mill-employer tagħha bla ebda raġuni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Wieħed mid-doveri li għandu d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjieg hu li jirċievi rapporti minn persuni, kemm jekk ikun għadhom fl-impjieg u kemm jekk le, li jallegaw li ma tħallsux il-paga meta kienet dovuta. Meta jirċievi dawn ir-rapporti, d-Dipartiment jagħmel l-investigazzjonijiet meħtieġa u, fejn ikun il-każ, jaħroġ claim lill-prinċipal favur l-impjegat.
Jekk fiż-żmien stabbilit fil-claim, il-prinċipal jonqos li jħallas il-paga dovuta, id-Dipartiment jieħu passi legali kontra dak il-prinċipal.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti figuri tal-persuni jirreġistraw għax-xogħol fix-xhur ta' Ġunju, Lulju, Awissu u Settembru 2002, xahar b'xahar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fuq l-ewwel u tieni parti tar-reġistru fl-aħħar ta' Ġunju, Lulju u Awissu 2002 kien ta 7121, 7177 u 7412 rispettivament.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk għandux rapporti ta' ħaddiema li qed jgħaddu xhur mingħajr ma jirċievu paga? X'jista' isir sabiex dawn il-familji ma jbatux?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 36368 f'din l-istess Seduta.
Jista' il-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba hemmx żvilupp fuq il-mistoqsija parlamentari 34991?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Persuni li għandhom fuqhom reġistrati każini tal-baned jew politiċi jistgħu jirreġistraw għax-xogħol fuq l-Ewwel Parti tar-Reġistru miżmum mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ. Iżda persuna li jkollha fuq isimha permess ta' negozju, per eżempju permess ta' bar ta' każin, ma tistax tirreġistra fuq l-Ewwel Parti ta' l-imsemmi Reġistru.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament hijiex fl-impjieg tad-dipartiment maintenance and construction? Jista' jgħid x'inhi r-raġuni li din tkun fil-bini tad-dipartiment u xi tkun qed tagħmel?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant mhux impjegat tad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar iżda qed jagħti servizz ta' scanning, image editing u processing ta' dokumenti u pubblikazzjonijiet relatati mal-qasam tad-djar. Parti minn dan ix-xogħol isir fid-Dipartiment imsemmi u għalhekk, minn żmien għall-ieħor, din il-persuna jkun meħtieġ li tkun fid-Dipartiment.
Jista' il-Ministru jara li tintbagħat home help lill-anzjana li l-partikolaritajiet jidhru separatament minn din il-mistoqsija? Tista' din l-anzjana tiġi informata bl-iżviluppi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant kienet provduta b'helper iżda din waqfet mix-xogħol. Meta nstabet helper oħra biex tissostitwija, l-persuna ndikata ma ridithiex u għalhekk id-Dipartiment konċernat għadhu qed ifittex helper oħra biex din il-persuna terġa tirċievi s-servizz.
Jista' il-Ministru jagħti tagħrif bil-miktub lill-anzjana li l-partikolaritajiet jidhru separatament minn din il-mistoqsija li dan l-aħħar daħlet il-home help? Tista' tiġi infurmata kemm qiegħed jeħdulha fix-xahar mill-pensjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħlas għas-servizz ta' Għajnuna fid-Dar huwa ta' Lm1 fil-ġimgħa f'każ ta' persuna li qiegħda waħedha u ta' Lm1.50 fil-ġimgħa f'każ ta' koppja.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn nisa jaħdmu llum? Kemm minn dawn huma gradwati u x'degree għandhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li skond ir-rekords miżmuma mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, f'Mejju 2002, kien hemm 39,577 mara taħdem full-time. Il-Korporazzjoni ma żżommx statistika dwar l-informazzjoni mitluba fl-aħħar parti tal-Mistoqsija.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid illum kemm hawn single parent families? Kemm minn dawn huma hekk minħabba separazzjoni, mewt u kemm minħabba l-fatt li l-omm mhijiex miżżewġa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba dwar single parents li jirċievu l-Allowance tat-Tfal, li hi l-unika statistika dwar single parents miżmuma mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni b'diżabilita' li talbu għas-sussidji fuq il-vetturi/karozzi privati ġodda tagħhom li xtraw sabiex ikunu moqdija aħjar? Kemm minnhom ġew approvati u/jew għadhom pendenti u kemm ġew rifjutati? Jista' jikkunsidra li jitħaffu l-proċeduri tat-talba f'dan ir-rigward, minħabba n-natura ta' l-urġenza tal-każ, ta' persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Eżenzjonijiet mid-dazju fuq karozzi għal persuni b'diżabilita' jingħataw mill-Ministeru tal-Finanzi fuq rakkomandazzjoni tat-tobba ta' l-Occupational Health Unit fil-Ministeru tas-Saħħa. Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' tikkordina dan il-proċess. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-ewwel żewġ partijiet tal-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Ninsab infurmat li fit-23 ta' Settembru 2002, il-Kummissjoni reċeviet l-applikazzjoni mill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant, liema applikazzjoni ġiet referuta lill-Occupational Health Unit. Il-Kummissjoni qed tistenna risposta minn din il-Unit biex tkun tista' tkompli tipproċessa dan l-applikazzjoni.
B'riferenza għat-tweġiba tal-Viċi Prim Ministru f'mistoqsija 35270 u l-fatt li fil-final draft tan-National Plan for the Adoption of the Acquis, eżattament f'paġna 143, jingħad il-kliem ''the adoption of internal prices of several commmodities could have a direct bearing on domestic costs and may affect negatively Malta's international competitiveness, particularly in the industrial and toursim sectors'', jista' l-Ministru jinfurmani kemm fil-fatt hija ż-żieda antiċipata fil-pensjonijiet u l-pagi tal-ħaddiema sabiex tkopri dan l-għoli tal-ħajja li l-popli tal-gżejjer tagħna sa jkun suġġett għalih bis-sħubija sħiħa ta' Malta fl-Unjoni Ewropea kif qed jintqal fil-final draft tal-NPAA?
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istudji li saru mill-Gvern Malti dwar din il-materja?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Is-sentenza li kkwota l-Onor. Membru itkellem dwar "domestic cost" fil-kuntest tal-kompettitivita' tal-prodott Malti. Dan ifisser li l-kuntest huwa għal kollox differenti minn dak li qiegħed jistaqsi l-Onor. Membru, għaliex zidiet fil-pagi u fil-pensjonijiet jingħataw skond il-mekkaniżmu li jistabilixxi r-rata ta' l-għoli tal-ħajja.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jinfurmani bil-konsiderazzjonijiet tal-Ministeru dwar il-pożizzjoni ta' l-impjiegi tal-ħaddiema fl-industriji ta' l-ikel, tax-xorb u tat-tabakk fid-dawl ta' l-aħħar stqarrija ppubblikata mill-federation of industries dwar it-tneħħija tal-protezzjoni ta' l-industriji ta' l-ikel, tax-xorb u tat-tabakk lokali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jikklarifika l-Mistoqsija tiegħu.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jieħu l-passi biex il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament u li hija marida b'mod akut, jerġa' jiġi mill-ġdid investigat u rivedut il-każ tagħha għall-assistenza finanzjarja tal-mard?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li, la mir-rekords tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali u lanqas mir-Reġistru Elettorali ma jirriżulta li fl-indirizz indikat joqgħod xi ħadd bl-isem u l-kunjom indikat.
Jista' il-Ministru jgħid meta l-persuna li qed insemmi separatament se tirċievi l-pensjoni wara li għaddiet bord ta' l-invalidita'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li d-Dipartiment qiegħed jinvestiga l-każ tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant.
Aktar il-quddiem id-Dipartiment ser jinforma bl-eżitu tal-każ direttament lill-persuna konċernata.
B'riferenza għall-każ li tressaq quddiem l-arbitru - dettalji dwaru qed jintbagħtu under separate cover - li qed jikkontendi li l-pensjoni tiegħu ta' Lm251 kull erba' ġimgħat hija inqas minn ta' ħaddieħor, jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma kemm huwa intitolat bħala ġuvni u kemm kien ikun intitolat li kieku kien miżżewweġ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kif indika l-Onor. Interpellant fil-Mistoqsija tiegħu, il-każ in kwistjoni huwa sub-judice quddiem l-Arbitru mahtur skond l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali u għalhekk mhux opportun li nikkumenta dwar dan il-każ speċifiku.
Li nista' ngħid b'mod ġenerali hu li, fil-każ ta' pensjoni taż-żewġ terzi mħallsa skond l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, ir-rata ta' din il-pensjoni ma tiddependix mill-istat ċivili tal-pensjonant jew pensjonanta.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36046 li oriġinarjmanet saret lill-Ministru tal-Finanzi u cioe`: Wara li d-dipartiment tat-taxxi interni ħareġ karti għal ġbir ta' bolli tat-tieni klassi, self-employed u self-occupied, u jien informat li ħafna nies qed imorru fid-dipartiment u qed jintalbu japplikaw għal ċertifikat ta' eżenzjoni, jista' jgħid għaliex nies li qed imorru fl-uffiċċji distrettwali qed jgħidulhom li dawn m'għadhomx jeżistu? Peress li qatt ma kien hemm emenda ta' dan it-tip fil-liġi, hemm xi ħsieb li ssir?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal perjodu qasir, applikazzjonijiet għal eżenzjoni mill-ħlas tal-kontribuzzjonijiet ma kienux qed jiġu proċessati. Madanakollu dan il-proċess reġa beda u applikazzjonijiet qed jintlaqgħu għal perjodu mill-1 ta' Jannar, 1998. Din l-applikazzjoni tista' ssir f'xi Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma li l-aġenzija Appoġġ xtrat proprjeta' fi G'Mangia sabiex tużaha bħala uffiċini tagħha? Jekk fl-affermattiv, kemm inxtrat din il-proprjeta? X'inhu x-xogħol li jrid isir u kemm hu stmat il-valur tiegħu sabiex din il-proprjeta' tiġi konvertita għall-użu ta' l-aġenzija? X'inhu n-numru li se jaħdmu f'din il-proprjeta' meta tkun lesta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Aġenzija Appoġġ ma xtratx proprjeta' iżda kriet blokk ta' appartamenti wara sejħa għall-offerti permezz tad-Dipartiment tal-Kuntratti.
Il-kirja tkopri perijodu ta' ħamsa u għoxrin sena. F'din il-proprjeta' mistennija jkun hemm jaħdmu madwar 80 impjegat li bħal issa qegħdin mifruxa f'seba' postijiet differenti. Meta l-Aġenzija tibda topera mill-post il-ġdid, in-nefqa tal-kirja ta' din il-proprjeta' fis-sena ser tkun anqas minn dak li jintefaq f'kirjiet mill-Aġenzija preżentement.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jivverifika jekk il-pensjoni li qiegħda tieħu l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, hijiex korretta minħabba li tidher li hi anqas minn żewġ terzi mill-paga li kien jieħu qabel ma rtira?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jiena infurmat li d-Dipartiment qiegħed jinvestiga l-każ tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant.
Aktar il-Quddiem id-Dipartiment ser jinforma bl-eżitu tal-każ direttament lill-persuna konċernata.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li titwaħħal l-opramorta ta' block C, unit 1, Government building, Church Avenue, Paola, peress li wara li sar xi xogħol fil-flats mill-kuntrattur, saru xi konsenturi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.