Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet tal-gvern għall-użu ta' l-Isptar San Luqa wara li ssir l-imigrazzjoni għall-isptar il-ġdid f'tal-Qroqq?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Mill-Medical Brief ta` l-isptar il-Ġdid jirriżulta illi l-ewwelnett il-migrazzjoni ta` servizzi eżistenti ser tieħu bejn tlieta u erba` snin. Mill-istess brief jirriżulta illi hemm ħtieġa wkoll għal numru ta` sodod bħala servizz ta` rijabilitazzjoni. Għaldaqstant l-Isptar San Luqa ser ikollna bżonnu għal numru sostanzjali ta` snin.
Jista' l-Ministru jgħid mill-1 ta' Jannar 2001, kemm iddaħħlu pazjenti fis-sala apposta għall-każijiet ta' l-MSRA li ma kenux inffettati bil-mikrobu tal-M.R.S.A.? Kemm iddaħlu pazjenti fis-sala apposta għall-każijiet tal-MRSA u li verament kienu nfettati bil-mikrobu tal-MRSA?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 27665 qiegħda tinġabar. Risposta tingħata f'xi seduta oħra.
B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari nru. 27589, jista' l-Ministru jikkonferma li meta l-pazjenta imsemmija ġiet referuta fid-Dipartiment tal-Cardjoloġija fit-3 ta' Mejju 2001, ma kienx hemm komplikazzjoni tal-kundizzjoni kirurġika, iżda l-kumplikazzjoni kirurġika ġrat meta l-pazjenta kienet fis-sala tal-mediċina u li meta ġiet il-kumplikazzjoni kirurġika, peritonite, il-pazjenta ma kienetx riferuta lill-kirurgu biex jassessja s-sitwazzjoni flimkien mal-ispeċjalista tal-qalb?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għall-aħħar parti tar-risposta numru 27585.
Jista' l-Ministru jara li jitressaq 'l quddiem l-appuntament tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament għall-laser treatment li ġie iffissat għall-Novembru 2001
Response (DEGUARA, LOUIS)
Peress li l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant hija ta` natura personali, għandha tiġi segwita l-proċedura kif indikata fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 13567 f'seduta 235.
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tas-Saħħa pubblika ċċekkjax il-kwalita' ta' l-ilma ġewwa swimming pools u jekk iva, kemm instabu mniġġza. Jekk le għaliex dan ma jsirux meta il-pools ikunu mimlijin ilma baħar li, bħal ma jaf kulħadd huwa mniġġeż f'ħafna bajjiet u xtut?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li filwaqt li ma naqbilx li l-ilma baħar huwa mniġġeż f'ħafna bajjiet u xtut, infurmat li d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika jiċċekkja l-kwalita` ta` l-ilma ta` swimming pools pubbliċi u kummerċjali li skont A.L. 77 ta` 1997 huma wkoll illiċenzjati.
Kull kampjun ta` l-ilma minn dawn is-swimming pools jiġi eżaminat fil-laboratorju tad-Dipartiment kemm għal mikrobi kif ukoll għal kimiċi rakkomandati fir-rigward. Il-livelli aċċettabli huma totalment differenti minn dawk użati għal ilma baħar. Matul is-sena ġew eżaminati 345 kampjun. F'87 minnhom, il-kwalita` ta` l-ilma ma laħqitx il-livelli rakommandati. L-ilma f'dawn is-swimming pools kien ilma baħar, ilma ħelu (fresh water), kif ukoll taħlita tat-tnejn.
Ninforma għaldaqstant li l-kaġun ta` tali kontaminazzjoni ġo swimming pools jista` jkun minn ħafna fatturi, fosthom nuqqas ta` disinfetazzjoni u filtrazzjoni regolari, ċirkolazzjoni ta` l-ilma mhux adekwata, n-numru ta` nies fil-pool f'ħin wieħed li jeċċedi l-bathing load rakkomandat għal dik il-pool, kif ukoll nuqqas ta` edukazzjoni minn dawk li jużaw is-swimming pool fir-rigward ta` l-iġene personali.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma s-siti differenti f'dawn il-gżejjer li l-awtoritajiet tas-Saħħa jordnaw li jsiru testijiet fihom biex jaraw jekk il-baħar ikunx tajjeb għall-għawm? Min-nofs Ġunju sa nofs Lulju, liema kienu l-postijiet minn dawn is-siti li nstab li m'humiex tajbin għall-għawm?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika jieħu kampjuni minn 90 sit madwar Malta u Għawdex. Dawn huma maqsuma f'erba` żoni kif jidru hawn taħt.
Żona A - Nofsinhar ta` Malta
Xgħajra, M'Scala, St. Thomas Bay, M'Xlokk, B'Bugia, Wied iż-Żurrieq u Għar Lapsi.
Żona B - Ċentru ta` Malta.
Baħar iċ-Ċagħaq, Pembroke, San Ġiljan u Sliema.
Żona Ċ - Tramuntana ta` Malta
Ġnejna, Għajn Tuffiegħa, Golden Bay, Anchor Bay, Ċirkewwa, Armier, Little Armier, Mellieħa, Mistra Bay, St.Paul's Bay, Buġibba, Qawra u Salina.
Żona D - Għawdex
Nofsinhar ta` Għawdex, Xlendi, Dwejra, Marsalforn, Nadur Area, Xlokk ta` Għawdex u Kemmuna.
Ninforma ukoll lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika bejn nofs Ġunju u nofs Lulju ħareġ dawn l-avviżi:
Bejn it-2 ta` Lulju u 5 ta` Lulju - Ix-Xatt l-Aħmar - Għawdex
Bejn it-2 ta` Lulju u 11 ta` Lulju - Bay Square - Buġibba
Bejn it-12 ta` Lulju u 16 ta` Lulju - parti minn Mellieħa Bay (Tunnara Area)
Mis-16 ta` Lulju - minn Ta` Xema sa Bognor Bay - San Pawl il-Baħar u Buġibba.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-persuna li isimha jidher under separate cover għamel żmien b'uffiċju f'Gattard House, fejn kellha l-kwartieri tagħha l-FMSS? Meta kien dan? U għaliex ingħata uffiċju? Meta evakwa l-uffiċju?
Jista' l-Ministru jgħid jekk fid-Dipartiment tal-ENT hemmx il-ħsieb li jinħolqu postijiet għall-speċjalisti (audiology service) li ma jkoprux general ENT duties.
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li l-ftehim bejn il-Gvern u l-MAM ma jipprovdix għal struttura ta` promozzjonijiet għal tobba speċjalisti fil-qasam kliniku li għandhom speċjalizzazzjoni bil-gradi ta` Masters, PhD jew MPhil. Kull ma jmur dawn it-tip ta` kwalifiċi qed isiru aktar komuni. Dan il-prinċipju d-Diviżjoni diġa` tħaddmu fil-gradi mediċi fl-amministrazzjoni. Fil-qafas ta` ftehim ġdid mal-MAM dwar kundizzjonijiet ta` mpjieg għal tobba u speċjalisti mal-Gvern, tkun tista` tapplikah ukoll fil-qasam kliniku.
Awtonomija ta' Sptarijiet — Artiklu fis-Sunday Times
Question
Jista' l-Ministru jgħid minn liema vot tħallas is-suppliment li deher fis-Sunday Times lokali tal-15 ta' Lulju 2001? Kemm ġie jiswa dan is-suppliment li kien jirrigwardja l-awtonomija ta' l-isptarijiet?
Jista' l-Ministru jgħid jekk min ikkontribwixxa tħallasx tas-servizz li ta għal dan is-suppliment?
Jista' l-Ministru jgħid kif kien il-breakdown tal-ħlasijiet biex ġi kkumpilat u ppubblikat dan is-suppliment?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Intefqu biss Lm400 minn fondi pubbliċi, speċifikament mill-vot ta' l-F.M.S.
It-tieni u r-raba' mistoqsija huma ta' natura kummerċjali u mhux xieraq li nagħti nformazzjoni dwarhom.
Kull min ikkontribwixxa għal dan is-suppliment għamel dan b'mod volontarju.
Jiena żgur li wara din l-informazzjoni l-Onor. Interpellant ħa jkun konvint li dan il-Ministeru ta nformazzjoni siewja lill-pubbliku bi spiża minima speċjalment meta wieħed jiftakar li l-Festa Saħħa organizzata lejlet l-elezzjoni ta' l-1998 swiet lit-taxpayer eluf kbar ta' liri u dawk li attendew attivita' favur il-promozzjoni tas-saħħa spiċċaw jieklu l-pastizzi u l-pizza.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari nru. 27142, jista' l-Ministru jgħid minn min saru l-investigazzjonijiet dwar dan il-każ?
Waqt l-investigazzjonijiet ġew interrogati l-qraba tal-pazjenta msemmija?
Response (DEGUARA, LOUIS)
B'referenza għal P.Q 27142 infurmat li wara li saret investigazzjoni nterna, ma rriżultax li kien hemm nuqqasijiet fil-kura u l-attenzjoni (vide P.Q. 27589) li ngħatat il-persuna konċernata, u allura ma nħassx il-bżonn ta' interogazzjoni tal-qraba. Dan ma jipprekludix lill-qraba minn azzjonijiet ulterjuri kif inhu dritt tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni ħa rigward ittra (datata 5 ta' Lulju 2000) mibgħuta lill-Ministru mill-familja ta' pazjent li miet fl-isptar San Luqa (li ismu u l-ID Card tiegħu qed jingħata separatament) u li tagħmel diversi allegazzjonijiet fosthom ta' taħwid fil-pilloli mogħtija lill-qarib tagħhom, (pilloli li attwalment kien parti mill-kura ta' ħaddieħor) trattament inuman, nuqqas ta' attenzjoni neċessarja, eċċ?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li l-allegazzjonijiet imsemmija mill-Onorevoli Interpellant qed jiġu nvestigati, bħal ma jiġri kull meta ssir din it-tip ta' allegazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid rigward ir-risposta għall-mistoqsija parlamentari nru. 27142 kif min mexxa l-investigazzjoni wasal biex jikkonkludi li ma kienx hemm nuqqasijiet fil-kura u attenzjoni meta il-persuna mietet riżultat ta' peritonite meta kienet taħt il-kura fl-Isptar San Luqa għal diversi jiem u qatt ma ġiet riferuta lid-Dipartiment tal-Kiruġija, tant li d-dijagnosi saret magħrufa waqt l-awtopsja?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Kuntrarju għall-allegazzjonijiet li hemm fil-P.Q. 27589, il-pazjenta msemmija kienet fis-sala WS II u ġiet referuta għad-Dipartiment tal-Cardjoloġija fit-3 ta' Mejju 2001, għaliex kienet qed issofri minn Fast Atrial Fibrillation. Il-kirurgu li taħtu kienet din il-pazjenta kellu jħassar l-investigazzjonijiet kollha li kien ser jagħmel fuq din il-pazjenta sakemm is-saħħa medika tagħha taqleb għall-aħjar. Sfortunatament il-pazjenta mietet waqt li kienet taħt il-kura għall-kundizzjoni ta' qalbha.
Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk it-tobba gradwati Maltin li jispeċjalizzaw meta jidħlu fis-servizz pubbliku hux se jingħataw iċ-ċans li jaħdmu fl-area ta' l-ispeċjalizzazzjoni tagħhom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Iva, sakemm ikun bagħathom id-Dipartiment biex jimtlew il-vakanzi fis-servizz u wara sejħa pubblika.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern hux se jieħu ħsieb biex ikun hemm nursery għat-tfal li l-ġenituri tagħhom jaħdmu fl-isptar il-ġdid f'San Raffaele?
Jista' l-Ministru jgħid jekk jistax ir-Rodent Section tieħu ħsieb li jiġu trattati sprall fi Triq l-Isqof Caruana kantuniera ma' Triq il-Miratur, Floriana?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li ħaddiema mis-sezzjoni tal-Pest Control għamlu trattament intensiv ta' tqegħid ta' velenu fl-ispralli tat-toroq indikati, fit-18 ta' Lulju 2001.
Ninforma wkoll li l-problema ser tibqa' tiġi segwita sakemm l-infestazzjoni tal-ġrieden tkun taħt kontroll.
Jista' l-Ministru jinformana x'ikkawża t-tinġis tal-baħar mid-drenaġġ fil-bajja ta' l-Għadira fil-Mellieħa riċentement? X'passi ttieħdu u f'liema parti tal-bajja kien hemm it-tinġis ta' l-ilma baħar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għall-istqarrijiet maħruġa kemm mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika kif ukoll mill-Ministeru għall-Ambjent. Inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra dawn l-istqarrijiet.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ħafna każi ta' pazjenti infettati bl-MRSA qed jitħallew fis-swali minflok jintbagħtu fis-sala li kienet infetħet apposta għal każi similsi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-proċedura ġewwa l-Isptar San Luqa għadha l-istess kif kienet f'dawn l-aħħar snin, jiġifieri li pazjenti nfettati bil-mikrobu tal-MRSA kif ukoll każijiet speċifiċi tal-infezzjonijiet b'mikrobi multi-reżistenti jiġu trasferiti f'sala apposta fejn jieħdu attenzjoni speċjalizzata.
Madankollu, fi ftit każijiet li jkunu qegħdin jieħdu kura speċjalizzata, eżempju fl-ortopedija, il-konsulent tal-pazjenti xi drabi jħossu li jkun aħjar għal pazjent li jibqa' fis-sala oriġinali. F'dawn il-każijiet jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha ta' iżolament fis-sala li hi mgħammra b'faċilitajiet apposta.
Każijiet ta' kolonizzazjoni, b'differenza ta' nfezzjoni, jiġu evalwati mill-Infection Control Unit u jittieħdu fis-sala apposta biss meta jkunu ta' riskju ta' tixrid tal-mikrobu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus għat-trasport mid-dipartiment tas-servizzi farmaċewtiċi matul is-snin 1998, 1999 u s-sena 2000, sena sena? Kemm ingħataw kuntratti għat-trasport matul dawn is-snin, kemm sewa kull kuntratt u lil min ingħataw?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-kuntratti u l-ispiża tat-trasport fid-Dipartiment tas-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern fis-snin 1998, 1999, u 2000 ingħataw kif ġej:
1998:-
Borg Brothers, somma totali LM 1100.50 ingħataw bil-quotations.
S. Curmi & Sons Ltd. somma totali LM7956.03 ingħataw b'dipartimental tender.
1999:-
Borg Brothers, LM632.90 ingħatat bil-quotations.
LM1569.00 ingħatat b'direct order.
Somma totali LM2202.65.
S. Curmi & Sons Ltd. somma totali LM12,071.69 ingħataw b'dipartimental tender.
2000:-
Borg Brothers, somma totali LM773.95 ingħatat bil-quotations.
S. Curmi & Sons Ltd. somma totali LM14,989.12 ingħataw b'dipartimental tender.
Godwin's Garage, somma totali LM2225.25 bil-quotations.