Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #21073 Sitting 422 2000-11-13 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru tal-Finanzi

Media Internazzjonali — Suspettat terrorist

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-reazzjonijiet tal-gvern għal rapporti fil-media internazzjonali li qed jingħad li s-suspettat terrorist Ussama Bin Ladin, jista' jkun ibbakkjat minn network finanzjarju b'saħħtu illi jiġbor fondi għal kawża tiegħu l-aktar mill-Kuwait u l-Emirati Għarab Maqgħuda, u li l-flus minn dawn il-pajjiżi jaslu pajjiżna billi jintefgħu f'accounts, fil-friegħi tat-Taqwa Management Organisation f'pajjiżna, liema organizzazjoni hija "affiliate" tat-Taqwa Bank li l-headquarters tiegħu huma mniżżla bħala li qegħdin f'Nassan, il-Bahamas?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern ma għandu l-ebda tagħrif dwar dan kollu li qed jingħad. F’każijiet bħal dawn, il-Bank Ċentrali, fir-responsabbilta’ tiegħu ta’ regolatur tal-banek, jagħmel l-istħarriġ tiegħu u jaġixxi skond it-termini li tagħtiħ il-Liġi. Fil-fatt jiena tlabt lill-Bank Ċentrali jagħmel eżattament dan.
Leg 9 PQ #21076 Sitting 422 2000-11-13 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru tal-Finanzi

Ministeru tal-Finanzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ġewx iffurmati jew hemmx il-ħsieb li jiġu ffurmati, sezzjonijiet, units jew xorta ta' gruppi oħrajn fid-dipartimenti, soċjetajiet kummerċjali, segretarjati u entitajiet oħrajn kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu jew li fihom il-gvern għandu xi forma ta' interess u li liema units, sezzjonijiet etc għandhom xogħol konness jew relatat mal-politika tal-Gvern li jsieħeb lil Malta bħala membru sħiħ fl-Unjoni Ewropea, fil-programmi ta' l-Unjoni Ewropea jew fl-addozzjoni ta' l-aquis? X'jisimhom jew x'ser ikun jisimhom dawn il-units etc? X'tip ta' xogħol mistenni jew qiegħed isir min dawn il-units? Kemm hemm nies jaħdmu f'kull wieħed min dawn il-units? Min huma, kif intgħażlu u xi grad għandhom? X'pagi, kundizzjonijiet u benefiċċji oħrajn igawdu minnhom persuni li huma ingaġġati ma' dawn il-units?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li risposta għall-din il-mistoqsija ser tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #20871 Sitting 419 2000-11-07 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Finanzi

Hospitality — Breakdown

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari nru.19893, jista' l-Ministru jagħti ċ-ċifra ta' kemm intefqu flus f'hospitality u jagħti breakdown ta' kif intefqu?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-persentaġġ ikkwotat fil-mistoqsija parlamentari Nru 19893 jirreferi għaċ-ċifra allokata għal vot ta' hospitality fl-Estimi Ġenerali u għalhekk huwa faċli għall-Onorevoli Interpellant li joħroġ iċ-ċifra li talab. Dwar breakdown ta' kif intefqet iċ-ċifra, m'għandi xejn x'inżid mar-risposta li tajt fil-mistoqsija parlamentari nru. 19181 fuq l-istess suggett.
Leg 9 PQ #20898 Sitting 419 2000-11-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Tax Compliance Unit

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni kollha li qegħdin jintervistaw lil dawk li applikaw biex jidħlu jaħdmu mat-Tax Compliance Unit? Kemm applikaw persuni għal mal-unit? Kemm ġew reklutati s'issa?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-persuni li qegħdin jintervistaw lil dawk li japplikaw biex jidħlu jaħdmu mat-Tax Compliance Unit huma kif imsemmi hawn taħt. Chairman: Mr Joseph P. Portelli – Tax Compliance Unit Membri: Mr Michael Debono – M.O.F. Mr Oliver Vassallo – V.A.T. Department Mr Paul Barbara – Inland Revenue Department Għal dettalji dwar in-numru ta’ nies li applikaw biex jaħdmu mat-Tax Compliance Unit u dettalji ta’ dawk li ġew reklutati s’issa nirreferik għar-risposti li ngħataw għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 17955 u 20756 rispettivament.
Leg 9 PQ #20908 Sitting 419 2000-11-07 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Finanzi

Pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li għaddiet bord minħabba sitwazzjoni medika, hix intitolata għal xi pensjoni mit-Teżor?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma jirriżultax li l-persuna msemmija hija ntitolata għal xi pensjoni mit-Teżor.
Leg 9 PQ #20922 Sitting 419 2000-11-07 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Finanzi

MFSC — MSE - MDC - Centra Bank - Interessi tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm individwi ġew appuntati mill-Ministeru biex jirrappreżentaw l-interessi tal-Gvern fl-MFSC, MSE, MDC u ċ-Central Bank u min huma? Kemm jitħallsu dawn l-individwi u x'benefiċċji għandhom? Kif intgħażlu dawn in-nies? X'inhuma d-doveri tagħhom u kull meta?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fil-każ ta' l-MFSC l-Gvern għandu dritt jappunta il-membri fuq il-Bord tal-Gvernaturi skond il-ligi li tirregola l-MFSC, cioe Kap 330 tal-Liġijiet ta' Malta. Il-kriterji tan-nomina tagħhom jinsabu fil-liġi stess. Il-Gvernaturi ma jirrappresentawx l-interessi tal-Gvern kif implikat fil-mistoqsija parlamentari. Il-membri tal-Bord jitħallsu onorarju annwali ta' Lm2000 kull wieħed Iċ-Chairman, iċ-Chief Executive u l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ma jirċevux dan l-onorarju. Skond l-Att ta' l-1967 dwar il-Bank Ċentrali ta' Malta, il-Bank Ċentrali huwa istituzzjoni awtonoma immexxija minn Bord tad-Diretturi li hu kompost mill-Gvernatur, id-Deputat Gvernatur u tlett Diretturi. Il-Gvernatur, u d-Deputat Gvernatur, skond il-liġi għandhom poteri eżekuttivi u huma appuntati mill-President ta' Malta fuq pariri tal-Prim Ministru. It-tlett Diretturi l-oħra huma appuntati mill-Prim Ministru skond il-provvedimenti ta' l-Att dwar il-Bank Ċentrali. Għalhekk, b'rispett lejn l-awtonomija tal-Bank Ċentrali u l-provvedimenti tal-liġi nnifisha, l-ebda individwu ma hu appuntat mill-Ministeru tal-Finanzi biex jirrapreżenta l-interessi tal-Gvern fil-Bank Ċentrali, filwaqt li għal Borża ta' Malta m'hemm l-ebda individwu appuntat. Fil-każ ta' MDC nitlob l-Onorevoli Interpellant jgħaddi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #20923 Sitting 419 2000-11-07 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Finanzi

Konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandu konsulenti l-Ministeru fuq bażi part-time / temporanja u min huma?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li m'għandiex konsulenti part-time fil-Ministeru tiegħi.
Leg 9 PQ #20946 Sitting 419 2000-11-07 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Malta Privatisation Co Plc

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies ingaġġati mal-Malta Privatisation Co Plc? X'inhu r-remunerazzjoni tad-diretturi tal-kumpanija? Il-Gvern se jillimita ruħu li jixtri securities li jkun diġa' jinsabu fis-suq bħal stocks tal-gvern u bills tat-teżor, jew ser jixtri minn dawn ukoll meta jkun hemm ħarġiet ġodda jew rolled over stock?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Kumpanija Malta Government Privatisation p.l.c. ma ghanda l-ebda haddiema ingaggati maghha. Ir-remunerazzjoni tad-diretturi tal-kumpanija ghadha ma gietx stabilita mix-"shareholders", u ghaldaqstant hadd s-issa mid-diretturi m'huwa jiehu xi remunerazzjoni. Fil-rigward tal-fondi migbura mill-"bond issue" li bhalissa qed tigi sottocritta, hija l-policy tal-kumpanija li dawn jigu investtiti f'stocks tal-Gvern u Treasury Bills li diga jinsabu fuq is-suq.
Leg 9 PQ #20770 Sitting 418 2000-11-07 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Eżenzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li kien hemm xi files ta' talbiet għal eżenzjoni mill-VAT konnessi ma' tiġijiet u funerali li ġew mislaid? Dawn instabu?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-każ li għalih qed jirreferi, d-Dipartiment tal-VAT mill-ewwel ħa l-passi meħtieġa biex dawn it-talbiet jiġu ipproċessati fuq il-bażi ta’ kopji tad-dokumenti relevanti u b’hekk il-ħlas lura seta jsir kif dovut.
Leg 9 PQ #20771 Sitting 418 2000-11-07 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Finanzi — Refurbishment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mistennija jintefqu flus fuq ir-refurbishment tal-kantina fil-Ministeru tal-Finanzi li spiss intużat għall-riċevimenti, tqassim ta' warrants lill-accountants u awdituri kif wkoll għal press previews tal-budget? Ħarġu offerti għal dan ix-xogħol?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li huwa stmat illi sa l-aħħar ta' din is-sena finanzjarja jkunu ntefqu Lm15,579 fuq xogħol ta' alterazzjonijiet strutturali u refurbishment ġenerali fil-pjan ta' taħt il-livell tat-triq fil-Ministeru tal-Finanzi. Parti mix-xogħol se jsir mill-Manufacturing and Services Department tal-Works Division u parti minn kuntratturi privati wara sejħa għall-offerti. Nispera li l-Onorevoli Interpellant jifhem li hu mportanti li ċertu postijiet jiġu restawrati b'mod li jkunu jistgħu jiġu apprezzati aktar u wżati b'mod regolari. Per eżempju parti sostanzjali minn dan ir-restawr hu l-ftuħ mill-ġdid tal-ventilazjoni naturali biex inqatgħet l-umidita' li kienet qegħda wkoll tagħmel ħsara.
Leg 9 PQ #20850 Sitting 418 2000-11-07 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru tal-Finanzi

Income Tax

Question

Jista’ l-Ministru jivverifika kif l-anzjana bin-numru tal-karta ta' l-identita anness separatament għadha tħallas kont ta' l-income tax meta din l-istess anzjana ilha tgħix bil-pensjoni għal ħafna snin?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma naħsibx li għandi nagħti informazzjoni konfidenzjali. Jekk l-Onor. Interpellant ikun awtorizzat mit-taxpayer allura r-risposta tingħata lilu privatament.
Leg 9 PQ #20918 Sitting 418 2000-11-07 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Finanzi

Kumpaniji Offshore

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kumpaniji offshore bidlu l-istatus tagħhom għal onshore matul l-aħħar sena? Kemm baqa' kumpaniji offshore u sa meta huwa garantit l-istatus tagħhom?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta' offshore companies li bidlu l-istatus tagħhom għal wieħed onshore din is-sena kien 31, sal-31 ta' Ottubru 2000. F'dik id-data kien fadal 636 offshore companies fuq ir-registru. L-istatus tagħhom huwa garantit kif provdut fil-liġi li tirregola l-offshore companies, cioe' Kap 330 tal-Liġijiet ta' Malta, li fost ħwejjeġ oħra tipprovdi li l-kumpanniji offshore jispiċċaw definitivament sat-23 ta' Settembru 2004.
Leg 9 PQ #20919 Sitting 418 2000-11-07 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Finanzi

ITC — IHC

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew iffurmati ITCs u IHCs matul l-aħħar sena? Kemm tħallsu fees minn kumpaniji offshore ITCs u IHCs? Kemm ingħataw rebates fuq dividends mħallsa lil persuni mhux residenti mill-ITCs u IHCs?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li matul l-2000, sa issa, cioe' l-aħħar ta' Ottubru, ġew iffurmati 342 ITC's u 117 IHC's. Billi ma jiżistux ebda ITCs u IHCs offshore allura ma setgħux jitħallsu fees. Ir-rebates li ngħataw huma kif tipprovdi l-liġi.
Leg 9 PQ #20920 Sitting 418 2000-11-07 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Finanzi

MFSC

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kellha impjegati l-MFSC matul l-aħħar sena, kemm tħallsu salarji, u kemm benefiċċji kienu nkorporati f'dan is-salarju?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fl-aħħar ta' Settembru 2000, l-MFSC kellu 65 impjegat. B' kollox tħallsu Lm371,675 f’salarji matul is-sena korrenti. Ma hemm ebda benefiċċji inkorporati f'dawn is-salarji.
Leg 9 PQ #20921 Sitting 418 2000-11-07 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Finanzi

ITC — IHC - Nominee Services

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ITCs u IHCs ma użawx nominee services? X'garanziji hemm li l-beneficial owner huma dawk li jidhru fuq il-Memorandum & Articles?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba fil-mistoqsija parlamentari ma tinġabarx għax ma isservi ebda skop prattiku. It-tieni parti tad-domanda hija waħda purament spekulattiva u ipotetika.
Leg 9 PQ #20602 Sitting 417 2000-11-06 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

Dipartiment tal-VAT — Claims

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' claims li għandu quddiemu d-Dipartiment tal-VAT fil-mument? Kemm hija s-somma f'ċifra ta' flus involuta f'dawn l-claims favur jew kontra d-dipartiment? Jista' jara li jiġi rimedjat il-claim tal-VAT li qed jintbagħat separatament?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li sat-28 ta’ Ottubru 2000 n-numru ta’ talbiet għall-ħlas lura ta’ kreditu eċċessiv lill-persuni reġistrati taħt l-Att tal-1994 dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud kien ta’ 1,389. Dawn it-talbiet jammontaw għal Lm1,252,793.56. Sa’ l-istess data, n-numru ta’ persuni reġistrati li kellhom taxxa iddikjarata dovuta lid-Dipartiment taħt l-istess Att kien ta’ 651. Din it-taxxa tammonta għal Lm1,026,308.16. Il-verifikazzjoni dwar il-każ li għalih qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant tlestit u l-persuna ikkonċernata ser tiġi mgħarrfa bir-riżultat fiż-żmien qasir.
Leg 9 PQ #20767 Sitting 417 2000-11-06 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Żjara fil-Libja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet in-natura taż-żjara riċenti tiegħu fil-Libja? X'laqgħat uffiċjali kellu u ma' min?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ż-żjara saret fuq stedina tal-Gvern Libjan biex saru diskussjonijiet dwar il-politika ekonomika u ndustrijali issa li l-Libja qegħda tkun attrazjoni ta' nvestiment minn pajjiżi barranin. Kien hemm laqgħat ukoll dwar il-LIMSUK. Saru laqgħat mas-Segretarju tal-Kumitat Pubbliku għall Fondazzjoni tal-Industrija Pubblika, ma' l-Assistent Segretarju għall-Investiment u Kummerċ Barrani.
Leg 9 PQ #20810 Sitting 417 2000-11-06 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Finanzi

Programm Elettorali — PN - Taxxi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk, skond il-Programm Elettorali PN Item No. 8, romol għal skop ta' taxxa hux se jibqgħu jiġu ntaxxati bħala ġuvintur/xebbiet imma bħala miżżewwġin?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skond l-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income Kap. 123 kif emendat bl-Att Nru. XI tas-sena 2000, taht Artikolu 56, romol u genituri separati jew mhux mizzewgin (single parents) li qed irabbu l-ulied, jigu meqjusa bhala mizzewgin ghall-fini tat-Taxxa fuq l-Income. Din l-emenda bdiet tghodd mis-sena ta’ stima 2000 fuq l-income tas-sena bazi 1999.
Leg 9 PQ #19855 Sitting 416 2000-11-01 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Finanzi

Finanzi — Żidiet fit-tariffi

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 19491, preċiżament fl-aħħar żewġ paragrafi tat-tweġiba, jista' l-Ministru jgħid liema taxxi rrevoka l-gvern u x'aġġustamenti oħra saru permezz ta' avviżi legali?

Response (DALLI, JOHN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' aġġustamenti li saru permezz ta' avviżi legali u taxxi oħra li rrevoka l-gvern.
Leg 9 PQ #20300 Sitting 416 2000-11-01 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Finanzi

Żjarat Uffiċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba siefer fuq żjarat uffiċjali u fejn mar mill-1992 sal-lum?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub mill-1998 sa Lulju 2000 ngħata fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet 8004 u 18353. Minn Awissu 2000 sal-lum sifirt darba għall-konferenza fi Praga. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif għas snin 1992 sa Settembru 1996.