Jista' l-Ministru jgħid jekk f'dawn l-aħħar tlett (3) snin kienx hemm ilmenti formali mill-vittma stess jew mill-qraba tagħha dwar il-proċeduri li kienu segwiti waqt l-eżami mediku tal-vittmi ta' stupru? X'kienet in-natura tal-ilmenti jekk fl-affermattiv, u x'passi ttieħdu f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mir-records disponibbli, matul dawn l-aħħar tlett snin il-Pulizija ma kelliex ilmenti bħal dawk imsemmija mill-Onorevoli Interpellanti.
Jista' l-Ministru jagħti lista għal dawn l-aħħar għaxar snin x'propjeta' nxtrat mid-Dipartiment tal-Artijiet u l-Estate Management? Mingħand min? Kemm swiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi biex tinġabar l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant jinħtieġ ħafna ħin u riżorsi u ma jidhirlix li l-użu ta` dan il-ħin u riżorsi biex tinġabar din l-informazzjoni hu ġustifikat. Is-somma ta` flus minfuqa mid-Dipartiment ta` l-Artijiet f`esproprjazzjonijiet ta` proprjeta` tingħata globalment kull sena fl-Estimi tal-Gvern. Barra minn hekk kull kuntratt ta` xiri huwa Att Pubbliku u allura jkun fih id-dettalji kollha.
Jista' l-Ministru jgħid x'kariga kellu l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament fid-dipartiment tal-artijiet u l-estate management? Meta irtira bl-eta? Sar xi riċeviment f'din l-okkażjoni u meta sar? Jekk għadux jidħol jaħdem il-Baviera? F'liema kapaċita qiegħed jidħol ix-xogħol?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant u li għandha l-kariga ta` Principal Officer fis-Sezzjoni tal-Kuntratti fid-Dipartiment ta` l-Artijiet, għadha ma rtiratx mis-Servizz, pero` bħalissa qiegħdha fuq Retirement Leave. Fl-aħħar ġurnata xogħol qabel ma ħarġet bil-Leave, il-persuna msemmija għamlet bibita żgħira waqt il-ħin tal-break, a spejjeż tagħha, biex isellem lil sħabha, li uħud minnhom ilha taħdem magħhom fuq tletin sena. Peress illi l-persuna msemmija kienet ilha taħdem f`din is-sezzjoni mit-18 ta` Jannar 1962, jiġifieri mit-twaqqif tad-Dipartiment ta` l-Artijiet, u peress illi l-persuna l-oħra li qegħdha tieħu x-xogħol ta` din il-persuna għandha esperjenza relattivament żgħira peress li ilha biss f`din is-sezzjoni għal dawn l-aħħar sentejn, il-persuna msemmija tidħol volontarjament darba fil-ġimgħa biex tgħin lil din l-uffiċjal u l-iskrivani l-oħra tas-sezzjoni f`xi diffikultajiet li jkollhom.
Jista' l-Ministru jgħid min kienu l-periti indipendenti (mhux impjegati tad-dipartiment tal-artijiet u l-estate management) li ntuża s-servizz tagħhom? Meta u kemm tħallsu?
Response (BORG, TONIO)
Is-servizz ta` periti indipendenti (li mhumiex impjegati tat-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern) beda jintuża f`Lulju 1996, prinċipalment biex jagħtu pariri fuq il-valur ta` proprjeta` li l-Gvern ikun ser jesproprja.
Is-servizz tal-periti jintuża fuq bażi irregolari u skond il-bżonn. Ninsab infurmat illi minn Lulju 1996 sal-lum dawn tħallsu skond it-tabella illi qegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie mwettaq serq bejn l-1 ta' Marzu 2001 u l-31 ta' Marzu 2001? Jista' l-Ministru jikklassifika s-serq?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul ix-xahar ta` Marzu 2001, il-Pulizija kellha 784 rapport ta` serq. Dawn kienu ikklassifikati kif ġej:
Hold up
4
Pick pocketing
21
Snatch & grab
5
Theft of seacraft
2
Theft of vehicles
75
Theft from seacraft
8
Theft from vehicles
306
Theft from residences
55
Theft from bars/hotels
83
Theft from factories
5
Theft from retail outlets
41
Other theft
179
Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol li qiegħed isir fil-children play area taħt it-Taormina Kiosk, San Ġiljan huwiex kopert bil-permessi ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar li huma meħtieġa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi x-xogħlijiet li qed isiru mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet fil-Ġnien Indipendenza, kif proposti fin-notifika numru GD 1374/01, huma limitati għal tiswijiet ta` strutturi eżistenti flimkien ma` xogħlijiet infrastrutturali li jaqgħu taħt il-Klassi 4 ta` l-Ordni ta` l-1997 dwar Żvilupp Ġenerali (nru. 2) [Avviż Legali 137 ta` l-1997, magħruf l-aktar bħala l-"GDO"].
Għaldaqstant dawn ix-xogħlijiet la jeħtieġu permess għall-iżvilupp u, skond id-dispożizzjonijiet ta` l-istess Ordni, lanqas notifika lill-Awtorita`. Id-Dipartiment xorta waħda għażel li jinnotifika lill-Awtorita` minn jeddu, minkejja li mhux obbligat jagħmel dan, u l-Aworita` infurmat lid-Dipartiment li x-xogħlijiet li qed iwettaq m`għandhomx bżonn permess.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet il-pulizija u kontra min wara li ssejħet bosta drabi fl-20.03.2001 biex twaqqaf l-użu abbużiv ta' makkinarju li kien qed jintuża fil-post magħruf bħala Villa Cassar Torreggiani ġewwa Balluta meta dan dam sejjer sad-9.30 ta bil-lejl? Peress li dawn l-abbużi seħħew drabi oħra wkoll, jista' l-Ministru jgħid x'miżuri bieħsieba tieħu l-pulizija biex dan l-abbuż ma jiġix ripetut fil-ġejjieni.
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi f`din id-data, il-Pulizija ma kelliex ilmenti kif imsemmi mill-Onorevoli Interpellant pero` tlabt lill-Pulizija tinvestiga l-każ.
Jista' l-Ministru jgħid (1) Min awtorizza li jitwaħħlu no parking signs fi Triq il-Wegħdiet, B'Kara? (2) X'inhi r-raġuni li qiegħdin jitwaħħlu no parking signs fiż-żona tal-Laqxija f'B'Kara meta m'hemmx parking adegwat għal-residenti ta' din iż-żona?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tabelli msemmija mill-Onor. Interpellant twaħħlu mill-Kunsill Lokali. Għalhekk nissuġerixxi lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza doppja kemm ilha li ġiet emendata l-liġi?
Kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew proċessati u kemm minnhom intlaqgħu?
Response (BORG, TONIO)
B`effett tat-tibdiliet fil-liġi taċ-ċittadinanza li ġew fis-seħħ fl-10 ta` Frar 2000, persuna li mat-twelid saret ċittadin ta` Malta u wara tilfet din iċ-ċittadinanza, tista` takkwistaha mill-ġdid b`mod awtomatiku jekk tissodisfa ċerti kriterji. Oħrajn li ma jissodisfawx dawn il-kriterji jew li qabel kienu ċittadini ta` Malta b`reġistrazzjoni jew b`naturalizzazzjoni, jistgħu jiġu reġistrati mill-ġdid bħala ċittadini ta` Malta.
Dawn il-persuni kollha li b`mod jew ieħor issa għandhom iċ-ċittadinanza Maltija, jistgħu jżommu din iċ-ċittadinanza flimkien ma` dik barranija jew dawk barranin li diġa` għandhom u b`hekk ikollhom ċittadinanza doppja jew multipla.
In-numru ta` persuni li s`issa għamlu talba biex jiġi kkonfermat lilhom jekk jikkwalifikawx (awtomatikament) biex iżommu żewġ ċittadinanzi huwa 2,200 li minnhom diġa` ġew ikkonfermati madwar 1,700 każ.
In-numru ta` persuni li applikaw sabiex jakkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija s`issa huwa 1,620 li minnhom diġa` ġew ipproċessati 875 każ.
Għalhekk b`kollox dawk li ibbenefikaw mill-introduzzjoni ta` ċittadinanza doppja fl-10 ta` Frar 2000, huwa ta` 2,575.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet s'issa u b'liema riżultati t-taqsima proprjeta dwar il-każ imqajjem f'mistoqsija parlamentari nru. 23056 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni u li kienet tgħid hekk: Jista' jgħid xi żgħviluppi kien hemm fl-aħħar ħames xhur dwar il-każ li beda jinvestiga d-dipartiment tat-toroq wara li ttella' ħajt fi Triq il-Majjistral, Madliena? X'passi ttieħdu jew hemm il-ħsieb li jittieħdu? Meta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-twaqqiegħ ta’ dan il-ħajt għalissa ġie sospiż minħabba li hemm żewġ kawżi quddiem il-Qorti li jikkonċernaw il-ftuħ ta’ Triq il-Majjistral, Madliena fejn ittella` l-ħajt.
B'riferenza għal dak li deher f'"The Times" tal-Ġimgħa 23 ta' Frar 2001, fil-paġna ta' l-ittri bit-titolu "Sliema Hotels Cooperation", xi ħsieb għandu l-gvern dwar ix-xatt indikat peress li jingħad il-kliem: "we have only very recently been given the green light to the management contract in question"? Liema parti tax-xatt Slimiż se taqa' taħt dan il-management contract? B'liema kundizzjonijiet? Tqis l-impatt li se jħalli fuq in-nies li jużaw dan ix-xatt?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
B'riferenza għal konċessjoni tal-permess fir-rigward tal-kiosk bl-isem ta' Sensi fil-Bajja ta' San Tumas, jista' l-Ministru jgħid jekk dan l-istess sid hux se jiġi mogħti permess ukoll jgħatti l-ħamrija bil-konkos sabiex jagħmel l-imwejjed? Jista' jgħid x'passi qegħdin jittieħdu sabiex dan ma jsirx?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-pjanti approvati fuq l-applikazzjoni ta` dan l-iżvilupp jinkludu l-'paving' ta` area fit-tarf ta` ġnien pubbliku sabiex jitqegħdu mwejjed u siġġijiet. Wieħed irid jinnota illi l-area li ser tiġi wżata hija dilapidata u l-permess ikopri li din l-area tiġi upgraded, mingħajr ma ssir l-ebda ħsara lis-siġar indiġeni li jinstabu fil-post.
Jista' l-Ministru jgħid fir-rigward tal-permess konċess lis-sid tal-kiosk bl-isem ta' Sensi Kios, fil-Bajja ta' San Tumas, u cioe dak konċess mill-kummissarju tal-pulizija, għaxiex ġie konċess u cioe' kif jista' jopera u x'jista' jbigħ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif jidher fuq il-kopja tal-liċenzja li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hija regolari l-ħidma tal-mobile squad tal-pulizija fl-area ta' Ħal Farruġ, Ħal Luqa? Jista' jgħid kemm-il ronda tagħmel kuljum?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kemm il-Pulizija tad-Distrett kif ukoll dawk tal-Mobile Squad, jagħmlu ronda kemm fil-lokalita` msemmija mill-Onorevoli Interpellant kif ukoll fit-toroq l-oħra. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant ma jinżammx taħt forma ta` statistika.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ċitazzjonjiet li ngħataw lill-persuni li kienu qed jarmu skart bl-addoċċ fil-kampanja matul l-1999 u 2000? F'liema nħawi ta' Malta u Għawdex ngħataw dawn iċ-ċitazzjonijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant għal matul is-snin 1999 u 2000, dwar ċitazzjonijiet lil persuni talli rmew skart bl-addoċċ fil-kampanja hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' spezzjonijiet li għamlet fl-irzizet f'Malta l-ALE matul din is-sena? X'tip ta' rzizet kienu, x' kienu r-riżultati u x'passi ttieħdu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-Taqsima ta` l-Administrative Law Enforcement tal-Pulizija ma tagħmilx spezzjonijiet f`irziezet, imma tassisti lit-Tabib Veterinarju tal-Gvern fuq dawn l-ispezzjonijiet. Għaldaqstant ġentilment nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi qiegħda tieħu l-pulizija biex ma jibqgħux jiġu żarmati karozzi fi triq qrib il-blokk G f'Ħal Farruġ, għad-detriment ta' l-ambjent ta' l-area u għar-residenti li jgħixu hemm?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija qatt ma kellha rapporti dwar dan l-ilment. Barra minn hekk, infurmat ukoll, illi saru spezzjonijiet fil-post imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, pero` irriżulta li ma hemmx karozzi żarmati.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux veru li l-uffiċċju konġunt qed ikun selettiv meta qed joħroġ għal bejgħ il-proprjeta' li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu? Jekk fl-affermattiv, x'inhi r-raġuni li qed isir hekk? Huwa konxju l-Ministru li affarijiet bħal dawn iservu ta' ħmira għal abbuż? Jista' jara li l-operat ta' l-uffiċċju msemmi jkun wieħed aktar trasparenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi skond il-ftehim bejn il-Gvern u l-Knisja, qabel ma` l-Uffiċċju Konġunt jbiegħ xi proprjeta` il-'file' irid jgħaddi minn diversi proċessi, ċioe` (1) tintbagħt l-informazzjoni mill-Entita` Ekkleżjastika, (2) tiġi pproċessata u jekk meħtieġ issir korrezzjoni skond l-istess ftehim, (3) isiru aċċertamenti ulterjuri skond kif ikun meħtieġ u (4) issir reġistrazzjoni fir-Reġistru tal-Artijiet.
L-Onorevoli Interpellant jifhem li mhux kull każ huwa l-istess anki minħabba n-natura ta` ċertu kundizzjonijiet li jkun hemm fil-kuntratt jew problemi fil-provenjenza.
Nassikura lill-Onorevoli Interpellant li l-Uffiċċju Konġunt mhux qed ikun selettiv fil-bejgħ ta` proprjeta` u jekk hu għandu f`moħħu xi każ partikolari huwa mitlub jinformani.