Jista' l-Ministru jikkonferma jekk dawk l-istudenti li għażlu l-kors tal-marketing fl-iskola Giovanni Curmi, Naxxar ġewx aċċettati kollha? Jekk le, jista' jgħid meta se jkun hemm għalliema għal dawn l-istudenti li għad mhux qed jattendu għal dan il-kors?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li għadu kif ġie ingaġġat għalliem biex ikun jista' jgħallem lill-istudenti li għażlu l-Marketing.
Jista' il-Ministru jgħid x'wassal biex il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ġie nformat fis-7 ta' Novembru 2006 li wara li talab reviżjoni tal-karta kien għadda minn Paper II Technology Part I? Għaliex m'għaddiex mill-ewwel? X'sar minnha l-karta tiegħu fejn wieġeb fl-eżami? Kif se jsir l-interview miegħu?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li, f’dan il-każ partikulari, bi sviżta, parti minn mistoqsija nqabżet minn eżaminatur bil-konsegwenza li t-total tal-marki fuq din il-mistoqsija kien inqas milli suppost. Informat li wara li dan l-iżball ġie aġġustat, it-total tal marki tal-kandidat ġie jammonta eżattament għal ħamsin marka, li huwa l-minimu preċis sabiex wieħed jiġi kkonsidrat li għadda mill-eżami.
Il-proċedura normali hi li l-karti kollha ta’ l-eżami jingħalqu f’post sigur. Il-karta ta’ l-eżami ta’ dan il-kandidat partikulari, u ta’ kull kandidat li jitlob reviżjoni, tinżamm fil-file taħt kunfidenzjalita.
Bi qbil mal-kandidat msemmi, l-interview għandu jerġa jsir bl-istess mod kif sar mal-kandidati kollha f’data fil-futur qarib.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21774, jista' il-Ministru jgħid fejn wasal ix-xogħol biex it-tmint itfal fl-iskola primarja tal-Mellieħa jingħataw l-għajnuna meħtieġa?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-kazijiet imsemmija huma soġġetti għall-proċess ta' evalwazzjoni u statementing. L-għajnuna tingħata skond u meta jiġi finalizzat dan il-proċess li jrid jittratta kazi oħra minn skejjel oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn players tal-football barranin illum? Minn liema pajjiżi huma u f'liema diviżjoni jilagħbu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kunsill Malti għall-iSport jaf b'46 player li intalab work permit għalihom. Dawn ġejjin mill-Albanija, Bulgarija, Brazil, Cameroon, Congo, Nigeria, Rumanija, Serbia u Somalja. Dawn il-players jilgħabu fil-kampjonati tal-Malta FA (Premier u First Division) kif ukoll fil-Gozo FA (First Division).
Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Special Cleaners Limited
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Ministeru, flimkien mad-dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet, kumpanniji u azjendi li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu qattx ingaġġaw is-servizzi ta' Special Cleaners Limited? Jekk iva, f'liema każi, meta ġew ingaġġati, kif saret l-għażla tagħhom u kemm tħallsu s'issa?
Studenti li qed jibbenefikaw minn xi tip ta' stipendju
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' studenti li qed jibbenefikaw minn stipendju? Jista' jgħid fejn jattendu? Jista' jgħid ukoll x'inhuma l-ammonti differenti li jingħata lil studenti ġejjin minn kategoriji ta' studju differenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li mhux it-tagħrif kollu għadu wasal fl-uffiċċju, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienu l-persuni li ġew struck off mir-reġistru tal-qgħad matul din is-sena? Jista' jgħid x'kienu r-raġunijiet għaliex inqatgħu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minn Jannar 2006 sa’ Settembru 2006 inqatgħu 966 persuna minn fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru. Mid-966 persuna, 138 persuna nqabdu jaħdmu u jirreġistraw, 599 persuna rrifjutaw opportunita' ta’ xogħol filwaqt li 229 persuna rrifjutaw opportunita ta’ taħriġ.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22156 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' jista' jgħid meta se jitneħħew iz-zkuk tas-siġar ta' l-akaċja li s-sena l-oħra tqaċċtu mill-inħawi madwar l-iskola primarja ta' San Ġiljan peress li qed ikerrhu l-post u jagħtu dehra ta' telqa u żdingar?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dawn iz-zkuk sejrin jitwarrbu mill-aktar fis possibli.
Jista' il-Ministru jgħid meta se tintbagħat persuna oħra bħala għalliema tal-communication skills fl-istitut tal-community services ġewwa l-MCAST minħabba li l-persuna konċernata ħarġet fuq long sick leave għal raġunijiet personali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-interviews għall-għalliema li jgħallmu il-Communication Skills saru, u r-rizultati ħarġu. Bħalissa qed jistennew risposta mingħand persuna li ntgħazlet biex jibda jgħallem minflok il-lecturer li qiegħdha fuq long sick leave.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21870 u jgħid kemm hemm persuni jaħdmu full-time u part-time fil-lukandi u fir-ristoranti f'Malta u Għawdex?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta’ ħaddiema full-time u part-time li kienu jaħdmu fil-lukandi u ristoranti f’ Malta u f’Għawdex fl-aħħar ta’ Ġunju 2006 kienu kif ġejjin:
Lukandi u Ristoranti
Malta
Ghawdex
Total
Full Timers
8,406
701
9,107
Part Timers bħala xogħol ewlieni tagħhom
5,030
466
5,496
Part Timers li għandhom xogħol Full Time ukoll
3,208
207
3,415
Informat ukoll li l-aħħar statistika ippublikata hi dik ta Ġunju 2006.
Jista' il-Ministru jara għalfejn fl-iskola primarja C Anthony Valletta ta' Birkirkara, m'hemmx teacher fil-klassi 6C, għaliex it-tfal qed jiddejqu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-Supply Teacher intbagħtet l-iskola primarja 'C' Anthony Valletta ta' B'Kara fit-22 ta' Novembru 2006. Qattgħet il-jum tosserva t-tfal biex minn nhar it-23 ta' Novembru ħadet il-klassi u bdiet it-tagħlim regolari.
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk studenti tal-B. Educ li se jiggradwaw is-sena d-dieħla mill-Universita' ta' Malta hux se jkunu jistgħu jkomplu sena oħra biex iġibu l-masters jew inkella l-kors tal-masters hux se jitwal b'sentejn, biex b'hekk jiġi mtawwal għal sentejn?
Huwa veru li l-kors tal-PGCE se jitwal għal sentejn?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasalx, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21900, jista' il-Ministru jgħid jekk studenti barranin li jattendu xi kors fl-universita' iħallsux xi miżata? Jekk iva, kemm? L-istudenti li jiġu minn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea huma eżentati?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenti barranin li jattendu l-Universita' ta' Malta jħallsu dawk il-mizati stabbiliti u ppublikati b'Avviz Legali Nru 160 ta' l-1999.
Informat ukoll li studenti mill-Unjoni Ewropea jħallsu mizati bħal studenti Maltin fejn applikabbli.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21896, jista' il-Ministru jgħid jekk it-tfal barranin kollha li jattendu l-iskejjel ta' l-Istat iħallsux xi miżati jew le?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-tfal barranin li jattendu l-iskejjel ta' l-Istat ma jħallsux skond dawn il-kriterji:
-ċittadini ta' stati membri ta' l-Unjoni Ewropea,
-tfal li m'humiex mill-Unjoni Ewropea imma li huma addottati mill-Maltin,
-tfal li m'humiex mill-Unjoni Ewropea pero' li ġenitur minnhom hu mizzewweġ xi ħadd Malti jew mizzewweġ ċittadin ta' l-Unjoni Ewropea,
-hemm xi wħud li m'humiex ġejjin mill-Unjoni Ewropea u huma eżenti milli jħallsu fuq raġunijiet umanitarji.
Il-mizati fl-iskejjel ta' l-Istat huma kif indikati hawn taħt:
- fil-Primarja Lm67 kull term
- fis-Sekondarja Lm80 kull term
- fil-Post-Sekondarja Lm94 kull term.
Jista' il-Ministru jgħid min qed jeżerċita l-linja editorjali ta' l-istazzjon Education 22? X'passi qed jittieħdu biex jiġi żgurat li jkun hemm imparzjalita' fil-programmi mtella'? Kif qed isir l-iffinanzjar ta' dan l-istazzjon? Kemm qed joħroġ fondi l-Ministeru? Hemm xi finanzjament minn għejjun oħra wkoll?
Response (GALEA, LOUIS)
L-imparzjalita' ta' l-istazzjon Education 22 hija sorveljata attivament mill-Awtorita' tax-Xandir. L-istazzjon hu dedikat għal informazzjoni dwar dak li jiġri fl-edukazzjoni, fil-kultura u fl-isport.
Il-finanzjament ta' l-istazzjon isir permezz ta' allokazzjoni ta' fondi pubbliċi li fis-sena kurrenti tammonta għal Lm95,000.00. Madankollu l-istazzjon iħabrek sabiex jgħolli l-kwalita' tal-prodott tiegħu billi jniedi inizjattivi ta' public/private partnerships fit-tiswir ta' xi programmi li jxandar.
Jista' il-Ministru jikkonsidra li, bħala parti mill-proġett li hemm il-ħsieb li jiġi fis-seħħ wara l-iskola primarja ta' Ħ'Attard, jiġi nkluż car park għall-ġenituri li jkunu qegħdin iwasslu t-tfal biex tittaffa' l-problema tat-traffiku fi Triq il-Mosta?
Response (GALEA, LOUIS)
Filwaqt li m'għandi l-ebda tagħrif li hemm xi ħsieb li jsir 'car park' wara l-iskola ta' Ħ'Attard, l-Onor. Membru jista' jkompli jindaga l-kwestjoni mal-Ministeru responsabbli mit-toroq u t-trasport.
Skejjel tal-Knisja/skejjel indipendenti — Għalliema barranin
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm għalliema barranin li qed jgħallmu fl-iskejjel tal-knisja u dawk indipendenti u x'suġġett qed jgħallmu? F'liema skejjel jinsabu? Jista' jgħid ukoll minn liema pajjiż ġejjin u jekk jafux bil-Malti? Jekk le, kif jistgħu jimxu skond il-Kurrikulu Minimu Nazzjonali li jfiehmu bil-lingwa Maltija meta studenti ma jifhmux bl-Ingliż, jekk jirriżulta li dan huwa l-każ?
Response (GALEA, LOUIS)
Tagħrif dwar in-numru ta' għalliema barranin li qed jgħallmu fl-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti, l-iskola fejn qegħdin u in-nazzjonalita' tagħhom ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Informat li l-biċċa l-kbira ta' dawn l-għalliema li qegħdin jgħallmu fi skejjel fejn hemm l-aktar studenti Maltin qed jgħallmu l-lingwa nattiva tagħhom stess. Dan huwa ikkonsidrat bħala vantaġġ fit-tagħlim tal-lingwi barranin. Għalliema oħra qed jgħallmu suġġetti prattiċi bħal sport fejn il-lingwa użata mhiex wisq ta' mportanza.