Jista' il-Ministru jgħid jekk coaches barranin li huma ngaġġati ma' għaqdiet sportivi għandhomx il-permessi li jużaw it-track ta' l-atletika tal-Marsa u faċilitajiet oħra biex jagħtu taħriġ atletiku fuq bażi ta' ħlas individwali? Jista' jgħid x'kontroll għandu d-dipartiment ta' l-isports fuq dan?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-coaches barranin li huma ngaġġati ma' għaqdiet sportivi m'għandhomx permess li jużaw it-track ta' l-atletika jew xi faċilitajiet oħra fil-Marsa biex jagħtu taħriġ fuq bażi ta' ħlas individwali.
Sal-lum ma hemm ebda kontroll fuq individwi li jiffrekwentaw it-track ta' l-atletika. Madanakollu d-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport jikkontrolla l-użu ta' dawn il-faċilitajiet minn gruppi ta' persuni (għaqdiet jew timijiet). Hemm il-ħsieb li jiġu ntrodotti miżuri biex jiġi kontrollat l-użu ta' dawn il-faċilitajiet wara li jitlesta x-xogħol fuq it-track.
Jista' il-Ministru jgħid kemm inxtraw karozzi ġodda mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul dawn l-aħħar sena u nofs? Jista' jgħid minn min qed jintużaw dawn il-karozzi? Jista' jgħid x'marka huma dawn il-karozzi u kemm ġew jiswew?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-awtoritatjiet ta' l-iskola li isimha qed jidher separatament għamlu rapport dwar attakk mingħajr provokazzjoni li sar fuq għalliem minn studenta barranija u dan it-Tlieta 22 ta' Ottubru? Jistgħu uffiċjali tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni jitolbu rapport dwar dak li ġara u jekk ma ittieħdux passi għaliex?
Response (GALEA, LOUIS)
Tlabt li t-tagħrif mitlub jinġabar biex nagħti risposta f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid sarux xi spezzjonijiet fl-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż bejn Ġunju u Settembru biex jiġi żgurat li l-għalliema kollha għandhom il-kwalifiki meħtieġa? F'liema skejjel saru u meta? L-uffiċjali edukattivi ingħataw ic-chance li jaraw id-dokumenti kollha li talbu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minn Mejju 2002 sat-30 ta' Settembru 2002, iċ-Chairman tat-TEFL Monitoring Board żar l-iskejjel liċenzjati kollha li jgħallmu l-Ingliż lill-Barranin kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex. Matul dawn iż-żjajjar iċ-Chairman kien ikun akkumpanjat minn xi membru tal-Bord, u fejn instabu xi nuqqasijiet inġibdet l-attenzjoni tal-Kap ta' l-Iskola kkonċernata, sabiex dawn jirranġaw. Ir-rapport li sar fuq kull skola separatament wara kull żjara ntbgħat lill-iskejjel konċernati.
Jista' il-Ministru jgħid xi tħejjijiet qed isiru fl-iskejjel sekondarji biex minn qabel ma jaslu studenti b'diżabilita' jibda jinħoloq ambjent inkussiv, l-għalliema jiġu preparati biex jiżviluppaw mentalita' u mġieba inklussiva, x'xogħol qed isir biex jiġri l-istess fost l-istudenti u x'qed isir biex l-istudenti b'diżabilita' jkunu ltaqgħu mal-facilitator tagħhom minn qabel tibda s-sena skolastika biex isiru jafu lil xulxin biex jiġu evitati trawmi bla bżonn?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni waqfet proċeduri għat-transizzjoni ta' studenti mill-iskejjel primarji għal dawk sekondarji skond id-dokument "Inclusive Education - Policy regarding students with a disability".
Isiru "Mapping an Action Plan Sessions" (MAPS) għall-istudenti kollha fuq bażi individwali fis-sitt sena ta' l-Iskejjel Primarji li jkunu ser jibdew jattendu skola sekondarja fis-sena segwenti. F'dawn il-MAPS jieħdu sehem l-għalliema, facilitators, nies professjonali u l-amministrazzjoni ta' l-iskola. Dawn ifasslu rapport li jingħata lill-iStatemening Moderating Panel, li min-naħa tiegħu jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet lid-Dipartiment ta' l-Operat li għandu d-dritt jieħu d-deċiżjoni finali.
L-għalliema ta' l-iskejjel sekondarji jieħdu taħriġ billi jattendu korsijiet INSET li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni torganizza f'Lulju u Settembru ta' kull sena. Minbarra dan, l-iskejjel, b'inizjattiva individwali jaħgmlu użu mill-iStaff Development Meetings li jsiru kull tlett xhur, b'dan il-għan.
L-istudenti fi skejjel sekondarji llum draw is-sistema inklussiva billi ilhom is-snin jitgħallmu ma' tfal b'diżabilita` fl-iskejjel primarji.
Meta jkun possibbli, l-istudenti b'diżabilita` jiltaqgħu mal-facilitators tagħhom qabel tibda s-sena skolastika.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 36678?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Breakdown ta' l-ispejjeż involuti fil-proġett ta' l-entratura tal-Marsa hija kif se nsemmi:
Xogħol Ammont
Lm
Concrete Works 1,660.50
Concretor 917.49
Breaking and excavation works 2,926.58
Construction works 14,172.14
Manholes 626.91
Floor an wall tiles 1,455.75
Mild steel railing 450.00
Electical and Plumbing 2,908.50
Aluminium apertures 509.00
External works 47,249.19
Variations 3,269.55
V.A.T. 11,421.83
Malta Racing Club — Arretrati lid-Dipartiment tal-Vat
Question
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 36679?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-arretrati li kienu dovuti lid-Dipartiment tal-VAT kienu jammontaw għal Lm1861.63. Dawn kienu mqassmin hekk:
Mill-1 ta' Marzu 2000 sal-31 ta' Mejju 2000 - Lm 919.58
Mill-1 ta' Ġunju 2000 sal-31 ta' Awissu 2000 - Lm1012.33
Return sa' l-aħħar ta' Settembru 2000 - Lm (70.28)
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali mis-settur pubbliku li jaħdmu bħala konsulenti mal-Malta University Services fil-qasam ta' studju ambjentali u Environment Impact Assessments rispettivament.
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Malta University Services Ltd toffri konsulenza f'diversi oqsma, u sabiex twettaq din il-ħidma tirrikorri għal esperti sabiex tkun tista' tagħti l-aħjar servizz possibli. F'din l-aħħar sena l-MUS talbet is-servizzi ta' konsulenza minn tliet persuni li huma uffiċjali fis-settur pubbliku. Din il-konsulenza ingħatat fl-oqsma ta' (i) l-agrokoltura, (ii) saħħa ambjentali u (iii) maniġjar ta' l-iskart.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 36904 u cioe' li jara li jiġi pprovdut trasport għall-istudenti li l-eta tagħhom tibda minn 17-il sena u li qed jieħdu d-diploma nursing first year, u li parti mit-tagħlim se jkun prattika fl-isptar bħala nursing practice (jibda 2nd December) u jispiċċaw f'ħinijiet diffiċli ġieli tard f'nofs il-lejl, u oħrajn jibdew fis-6.00am fejn dak il-ħin it-trasport ma jkunx provdut?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minn din is-sena l-amministrazzjoni ta' l-IHC dehrilha illi għandu jiżdied shift ieħor meta jkun qed isir il-prattiku fil-wards sabiex l-istudenti jinqasmu fi gruppi żgħar, u dan għall-ġid ta' l-istudenti nfushom, tal-pazjenti u tal-lecturers. Qatt ma kienet il-prattika fl-Universita` in ġenerali, jew fl-IHC b'mod partikolari, illi tipprovdi trasport lill-istudenti. Meta nħasset il-ħtieġa li jkun organizzat it-trasport minħabba diffikulta` ta' ħinijiet, dan sar fuq inizjattiva ta' l-istudenti nfushom.
Jista' il-Ministru, filwaqt li jirreferi għad-domandi parlamentari numri 11601, 30323, u 33432, jinforma lill-Kamra jekk ix-xogħol jistax jinbeda billi din is-Smoking Shed marret aktar lura? Jista' ukoll jinforma lill-Kamra kemm hemm persuni jaħdmu fiċ-Ċentru tar-restawr u kemm spejjeż inħarġu tul dawn l-aħħar snin għar-restawr u manteniment tal-post?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu issa li l-ħajt ta' l-iskola primarja ta' M'Xlokk waqa'? Meta nbena dan il-ħajt? Min kien responsabbli meta nbena il-ħajt?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ħajt in kwistjoni nbena matul l-1998, taħt id-direzzjoni tal-Project Manager imqabbad mill-Kunsill Lokali.
Il-ħajt qed jerġa jiġi ddisinjat b'mod aktar attrajenti. Għaldaqstant, ser titwaqqa' parti oħra perikoluża u ser jinbena b'mod aktar b'saħħtu.
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm nies daħlu fil-Mużew ta' l-Arkeoloġija l-Belt mill-1999 sal-15 ta' Novembru 2002 , sena b'sena u kemm flus irċieva l-istess Mużew sena b'sena wkoll?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-Mużeq ta' l-Arkeoloġija daħlu nies u rċieva flus kif se nsemmi:
Sena Visitaturi Flus
1999 74,603 Lm29,300
2000 89,765 Lm34,642
2001 81,338 Lm33,800
2002 (31/10/02) 67,013 Lm34,894
Jista' il-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex tintbagħat għalliema oħra fl-iskola Profs. Anton Tabone ta' Birżebbuga minflok Ms Muscat tat-tielet klassi li se tirtira minn hawn u ftit ieħor, kif sar fil-każ ta' l-iskola primarja ta' Ħal Għaxaq fejn is-Sur Lofaro, li wasal biex jirtira minn għalliem, ingħata xogħol fl-uffiċċju waqt li ħaddieħor ntbagħat minn floku biex ma titħarbatx l-edukazzjoni tat-tfal?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ż-żewġ każi msemmija mill-Onor. Membru ma humiex l-istess u għahekk ma jistgħux jitqabblu. Is-Sur Lofaro li wasal biex jirtira ngħata xogħol fl-uffiċju fl-iskola ta' Ħal Għaxaq bħala soluzzjoni temporanja għal problema immedjata li nqalgħet f'din l-iskola fil-bidu tas-Sena Skolastika.
Informat ukoll li Ms Muscat, li tgħallem fl-iskola ta' Birżebbuġa "A" tibda l-pre-retirement leave f'Jannar 2003 u għalhek ser jintbagħat sostitut fit-tieni term meta verament jinħoloq in-nuqqas.
Jista' il-Ministru jgħid meta l-istudenti u l-istaff ta' l-istitut ta' l-arti u d-disinn jirritornaw lura fil-bini ta' Tarġa Gap fl-4 ta' Novembru 2002 x'inhu ppjanat li jkun lest mix-xogħlijiet kollha? Il-workshops se jkunu lesti, peress li dawn huma kruċjali għall-edukazzjoni ta' dawn l-istudenti għax ħafna units isiru fihom? Meta huwa maħsub li l-istitut jingħata l-finanzi meħtieġa biex ikun jista' iġedded is-sistema tal-computers li issa qdiemu għal dak li għandhom bżonn l-istudenti? Meta se jingħataw il-finanzi meħtieġa biex tintrema l-librerija ta' l-istitut tant meħtieġa mil-lecturers u l-istudenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li tlesta ħafna xogħol fil-bini ta' Tarġa Gap liema xogħol sar matul ix-xhur tas-sajf. Dan kien jikkomprendi tħaffir ta' trinek mal-biċċa l-kbira tas-sit, tqiegħed ta' cables ta' l-elettriku biex l-Istitut ikollu provvista adekwata ta' dawl u jkun jista' jintuża s-substation il-ġdid. Is-sit issa hu kollu ħieles mill-asbestos u b'hekk tneħħa l-periklu.
L-ewwel kunsinja ta' kompjuters u programmi ġodda diġa` waslet. Huwa ppjanat li aktar apparat Teknoloġiku jinxtara biex l-istudenti u l-għalliema jkollhom l-aħjar riżorsi għat-tagħlim.
Hemm diġa` l-permessi kollha meħtieġa biex jinbena sular ieħor fil-parti ċentrali ta' l-Istitut. Ħarġu tenders biex jinbeda x-xogħol tal-bini. Huwa wkoll ippjanat li f'parti minn dan is-sular titwaqqaf librerija għall-istudenti u l-għalliema ta' l-Istitut.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux veru li studenti li applikaw għall-kors tal-MCAST fil-vehicle body repair (panel beating) ġew mgħarrfa li dan il-kors mhux se jsir iżjed? Veru li lill-istudenti aċċettati bagħtuhom f'korsijiet oħra bħal fid-dockyard jew bħala electricians jew fuq welding fabrication? Għaliex dawn it-tibdiliet? Qed jitqies li m'hemmx bżonn iżjed ta' nies imħarrġa f'din is-sengħa tal-panel beating?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mhux minnu li l-istudenti li applikaw għall-kors tal-MCAST fil-vehicle body repair (panel beating) ġew mgħarrfa li dan il-kors mhux se jsir iżjed.
Dawk l-istudenti li wrew interess fis-sengħa tal-panel beating (vehicle body repair) ġew mogħtija l-opportunita` li jsegwu t-taħriġ f'din is-sengħa u fil-fatt instabulhom żewġ panel beaters bħala sponsors għal prattika tal-kors.
Ebda student li kien interessat fil-panel beating ma ntbagħat id-dockyard. Għall-Kulleġġ Vokazzjonali, il-panel beating hija sengħa li tingħata l-importanza tagħha.
Persuni li jaħdmu fil-customer care tal-bini tal-ministeru ta' l-edukazzjoni huma awtorizzati li meta jmorru xi ġenituri jilmentaw fuq xi każ f'xi skola jgħaddu ġudizzju kontra xi kapijiet u għalliema biex jagħtu raġun lill-ġenituri meta ma jkunux semgħu l-verżjoni taż-żewġ naħat? Ma jaħsibx il-Ministru li b'imġieba bħal din min-naħa ta' xi persuni fil-customer care jista' jiżdied id-disgwid meta l-iżjed li għandhom jagħmlu hu li jiġbru l-ilment u jgħadduh lil min hu responsabbli flok jidħlu huma fil-każ?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dak li qed jissugerixxi fil-Mistoqsija huwa dak li fil-fatt jiġri bħala proċedura. L-uffiċjali tal-Customer Care huma awtoriżżati li jiġbru l-ilmenti tal-pubbliku u jgħadduhom lill-uffiċjali responsabbli wara li jkunu semgħu il-verżjoni uffiċjali wkoll.
Kumitat — Tmexxija tat-timijiet tal-football tal-gvern u parastatali
Question
Jista' l-Ministru jgħid minn min hu ffurmat il-kumitat li ser imexxi l-football tat-timijiet tal-Gvern u parastatali? Instab sponsor għal dan il-league? Meta ser jibda? Il-ħlasijiet dovuti għal-logħob tas-sena li għaddiet tħallsu kollha?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kumitat tal-Malta Employees Sports Association huwa ffurmat hekk:
Is-Sur Mario Meli - President
Is-Sur Philip Sammut - Viċi President
Is-Sur Alfred Spiteri - Segretarju
Is-Sur Mario Meli - Teżorier
Is-Sur Joe Micallef - Segretarju Amministrattiv
Minkejja l-isforzi li saru kemm mis-Segretarjat Parlamentari u mill-istess Kumitat s'issa għadu ma nstabx sponsor għal-league tal-football li ser jibda nhar it-Tlieta 19 ta' Novembru 2002.
Informat ukoll li l-ħlasijiet għal-logħob tas-sena li għaddiet tħallsu kollha.
Peress li s-sena li għaddiet kien hemm si taħdidiet bejn il-Kumitat li mexxa l-league tal-gvern u parastatali u l-Malta football association dwar ħlasijiet lir-referees li jaħdmu mal-gvern, jista' il-Ministru jgħid jekk instabitx soluzzjoni? Kemm hemm uffiċjali tal-logħba li jaħdmu mal-Gvern u parastatali li jistgħu jieħdu sehem f'dan il-logħob?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Malta Employees Sports Association għamlet kull sforz biex jintlaħaq ftehim mal-Malta Football Association u mal-Malta Referees Association dwar il-ħlasijiet li jaħdmu mal-Gvern iżda baqa' ma ntlaħaqx ftehim.
Dwar it-tieni parti tad-domanda informat li d-Dipartiment ma jkollux informazzjoni dwar ir-referees li jkunu affiljati mal-Malta Football Association.