Legislature:
Category:
Reset
Active:

Malta Air Traffic Services

Question

Jista' l-Ministru jgħid min hu c-chairman u l-board tad-diretturi tal-Malta Air Traffic Services (MATS)? Jista' jgħid ukoll min hu c-chief executive officer ta' din il-kumpanija? X'remunerazzjoni jew salarju u fringe benefits għandhom kull wieħed?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Karozzi tal-Linja — Parking

Question

Jista' l-Ministru jara li tiġi solvuta l-problema tal-parking għas-sidien tal-karozzi tal-linja? Aktar informazzjoni qed tintbagħat separatament.

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għal Mistoqsija Parlamentari No. 31577.
Leg 9 PQ #33484 Sitting 738 2002-05-20 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Triq Karlu Vella — Kalkara

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jitkompla l-retaining wall fi Triq Karlu Vella bħal ma sar fi Triq l-Awrat Kalkara fejn dawn it-tnejn iħarsu fuq green area, wieħed fuq ground u l-ieħor fuq playiong field?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi wara verifika li għamel id-Direttorat għat-Toroq mal-Kunsill, ma hemmx triq jisimha Karlu Vella ġewwa l-Kalkara.

Maltapost — Sett ta' Bolli

Question

B'riferenza għall-mistoqsija nru. 33273 rigward sett ta' bolli li baqa' ma ħariġx, 1 jista' l-Ministru jgħid, minħabba li fit-tweġiba tiegħu qal li il- Maltapost qed tipprova tiċċara s-sitwazzjoni jgħidilna x'iċċarat il- Maltapost ? 2 jista' jgħid x'inhuma r-raġunijiet legali li minħabba fihom ma nħarġux il-bolli? 3 minħabba li qal li ma jistax jiġi żvelat xi spejjeż saru, jista' għal inqas jgħid jekk dawn il-flus intilfux u x'se jiġri mill-bolli jekk jibqgħu ma joħorġux?

Response (GALEA, ĊENSU)

F'dan l-istadju m'għandix x'inżid mar-risposta tal-mistoqsija parlamentari nru. 33273.

Raħal Ġdid — Asfaltar

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proċess ta' l-għoti tat-tenders ta' l-asfaltar tat-toroq madwar il-Carters supermarket f'Raħal Ġdid (bħal Triq ix-Xwiek u oħrajn) fuq liema suġġett jien kont għamilt diversi interpellanzi parlamentari fix-xhur li għaddew?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi d-Direttorat għat-Toroq lesta x-xogħol preparatorju għall-asfaltar tat-toroq imsemmija u dalwaqt tiġi ppublikata is-sejħa għall-offerti sabiex ix-xogħol meħtieġ ikun jista jsir.

Għargħar — Ħal Qormi

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 30797 dwar ir-riżultat tas-survey li sar mill-awtorita' ta' l-ippjanar dwar il-problema ta' l-għargħar f'Ħal Qormi fiz-zona tal-Wied is-Sewda u l-madwar u b'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 30795, jista' l-Ministru jikkunsidra li s-survey imsemmi jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra tar-rappreżentanti u jgħid x'tip ta' azzjonijiet se jittieħdu biex tingħeleb il-problema ta' l-għargħar u meta dawn se jittieħdu? Fil-ġurnata tal-lum meta t-teknoloġija tant kibret jista' jara jekk hemmx mezzi biex isiru faċilitajiet taħt l-art bħal per eżempju culvers, mini ta' l-ilma eċċ, li żgur li l-esperti jistgħu jissuġġerixxu mingħarjr ma jintmiss l-iżvilupp f'bini li sar fl-area imsemmija?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-kamra kopja tas-Survey mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar kif mitlub. Dwar il-kumplament tal-mistoqsija, din hi propju l-intenzjoni tal-gvern, u għalhekk kull xogħol li hemm bżonn isir jitwettaq wara li dan il-pjan jitlesta.

Rapporti — Nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt kienet in-nefqa f'ċifra ta' flus għar-rapporti li saru mill-ministeru u jew id-dipartiment u jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru matul l-1999, 2000 u 2001? Liema kienu dawn ir-rapporti separatament u kemm minnhom tpoġġew fuq il-mejda tal-kamra?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jekk l-Onor. Interpellant jippreċiżali x'tip ta' rapporti għandu f'moħħu u jekk jindikali l-iskop għalfejn qiegħed jitlob tagħrif dwar in-nefqa għall kull rapport li sar fuq perjodu ta' tliet snin sħaħ, inkun nista' niddeċiedi jekk inhix ġustifikat li nordna li jintużaw ir-riżorsi meħtieġa biex tinġabar l-informazzjoni mitluba.

Għajn Dwieli — Raħal Ġdid - Zebra Crossing

Question

Jista' l-Ministru jikkunsidra li zebra crossing li hemm Għajn Dwieli ħdejn il-mini titressaq lejn tarf it-triq naħa ta' Raħal Ġdid fejn jibdew ir-residenzi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Ser ngħaddi t-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Direttorat għat-Toroq u dak għall-Maniġġ tat-Traffiku biex jaraw huwiex possibbli li ssir zebra crossing fil-viċinanzi tar-residenzi kif indikat mill-Onor. Interpellant.

Wied — Ħal Qormi

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se titwaqqa' l-parti tal-ħajt li hemm jimblokka l-wied ta' biswit il-fabbrika Lowenbrau f'Ħal Qormi li b'konsegwenza meta tagħmel ix-xita qed jaffettwa permezz ta' għargħar fl-area ta' Vjal de la Cruz - Ħal Qormi u l-area tal-madwar? Meta se jitlesta l-kumplament tal-progett li kien inbeda snin ilu biex tingħeleb il-problema ta' l-għargħar f'din l-area f'Ħal Qormi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Id-Direttorat għat-Toroq qed jara x'jista' jsir fl-area ndikata mill-Onor. Interpellanta.

Toroq — Santa Venera

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm qamu flus u min kienu l-kuntratturi biex saru t-toroq: Kanonku Bonnici, Triq il-Ġdida f'Kanonku Bonnici, Vincenzo Buġeja, Abela, Triq il-Gdid f'Guze Pace f'Sta Venera?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħlijiet imsemmija kienu mqassma bejn 3 kuntratturi kif ġej:- Triq Kanonku Bonniċi u Triq Ġdida fi Triq Kanonku Bonniċi kienu f'idejn C.J.P Tarmac Ltd.; Triq Abela u Triq C Buġeja kienu f'idejn Polidano Bros. Ltd; Triq G. Pace u Triq Ġdida fi Triq C. Buġeja kienu f'idejn P. Agius and Sons Ltd. Ix-xogħlijiet huma stmati li ser jiġu jiswew Lm75,000.

Żebbuġ/Siġġiewi — Bus Shelter

Question

Jista' l-Ministru jara li l-bus shelter li kkollassa fit-triq li tagħti minn Ħaż-Żebbuġ għas-Siġġiewi (kif taqbeż il-pont) jitneħħa u jiġi mibni mill-ġdid peress li apparti li ma kien ta' l-ebda użu qiegħed joħloq periklu kbir lil kull min jgħaddi mill-inħawi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal mistoqsija parlamentari Nru. 30066.

Triq il-Batterija — Marsaskala

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm milli titkompla Triq il-Batterija fiż-Żonqor, Marsaskala?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi xi bini li kien sar żmien ilu ġie ftit 'il barra mil-linja tat-triq u għalhekk kellhom jittieħdu l-passi neċessarji u jsiru l-konsultazzjonijiet ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex dawn id-diffikultajiet jingħelbu. Għalkemm dawn id-diskussjonijiet waslu fl-aħħar għad jonqos il-qbil finali ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar.

Toroq — Wied il-Għajn

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma t-toroq li ġew irranġati f'din l-aħħar sena, li qed jiġu rranġati jew li se jiġu rranġati fil-futur qarib f'Wied il-Għajn mill-gvern?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li t-toroq li ġew irranġati f'din l-aħħar sena f'Wied il-Għajn huma parti minn Triq il-Qrempuċ, Triq l-Iskall, Triq l-Ikħal, parti minn Triq iż-Żinżell u Triq Għaxqet il-Għajn. It-Toroq li qed jiġu rranġati bħalissa huma Triq Gidwet, Triq Maħsel, parti minn Triq Miklem Malti, Triq Sliem u Triq Ħabaq. Jien infurmat ukoll li ħarġu tenders biex jibda xogħol fuq Triq Mriekeb, Triq Wistin Borne u Triq Qawwala. Qed isiru stimi biex ikunu jistgħu jsiru Triq Aħdar, Triq Hurds Bank, Triq Artelliri u parti minn Triq Ta' Monita.

Triq Kananea — Attard - Traffic Hump

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jinvestiga ilment li wasal għandi li traffic hump (sleeping policeman) li sar fil-parti t'isfel ta' Triq Kananea, Attard sar kontra l-ispeċifikazzjonijiet tat-traffic control board u mingħajr il-permess ta' l-istess board. Jekk dan jirriżulta, jista' l-kunsill jintalab ineħħi jew jirranġa din il-hump?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li t-traffic hump li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant ma sarx bl-approvazzjoni tad-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku. Nista' nikkonferma wkoll li dan il-hump mhux skond l-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa, għaldaqstant id-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku talab lill-Kunsill Lokali ta' H'Attard biex dan il-hump jitneħħa.

Ħruġ ta' Bolli Ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar mis-sett ta' bolli ġodda li kellu joħroġ f'Marzu bħala promozzjoni għall-industrija tal-films f'Malta? Jista' jgħid għaliex, minkejja li kien diġa` tħabbar, dan baqa' ma ħariġx? Jista' l-Ministru jgħid kemm swew dawn il-bolli? Jista' jgħid x'se jiġri mill-bolli jekk jibqgħu ma joħorġux?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li l-bolli dwar l-Industrija tal-Films, li kellhom jinħarġu f'Marzu, inżammu milli jinħarġu minħabba raġunijiet legali. Maltapost qed tipprova tiċċara s-sitwazzjoni. Minħabba raġunijiet kummerċjali, Maltapost ma tistax tiżvela xi spejjeż saru.

Parking Bays — Regolamenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-marki fit-toroq tal-parking bays huwiex regolat bil-liġi jew bir-regolamenti? Jekk fl-affermattiv, minn liema liġi u/jew regolament tat-traffiku? X'inhu d-daqs uffiċjali tal-parking bays? Dawn għandhom ikunu fuq iż-żewġ naħat tat-toroq jew fuq naħa waħda? Kemm-il darba dawn huma regolati bil-liġi, jista' wieħed jipparkja ħażin fihom u ma jiġix imħarrek jew jipparkja fejn m'hemmx parking bays miżbugħa u jiġi mħarrek?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-parking bays huma regolati bir-Regolamenti dwar is-Sinjali tat-Traffiku u l-Marki tal-Karreġġata paragrafu 3 c (ORDINANZA DWAR IR-REGOLAMENT TAT-TRAFFIKU (KAP. 65). F'Avviż Legali Nru. 207 ta' l-2000 il-paragrafu nkwestjoni ġie emendat b'mod li: "Il-vetturi għandhom jiġu hekk ipparkjati, kemm jisa' jkun, ġewwa l-ispazju għall-ipparkjar b'dan li jidħlu fin-nofs tal-bays. Fil-każ ta' bays ta' daqsijiet diversi l-vetturi għandhom jiġu pparkjati, kemm jista' jkun, ġewwa l- bay xieraq skond id-daqs tagħhom." Dwar il-mistoqsija jekk dawn il-bays għandhomx ikunu fuq żewġ naħat tat-toroq jew fuq naħa waħda, jiddependi minn diversi fatturi prinċipalment il-wisa' tal-karreġġata, il-volum u d-direzzjoni tat-traffiku (one way jew two way). Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija nikkonferma li persuna tista' tipparkja fejn m'hemmx marki ta' parking bays miżbugħa sakemm il-persuna ma tkunx qed tipparkja fejn huwa ndikat b'xi sinjali li dak il-parkeġġ huwa projbit jew f'post fejn il-liġi ma tippermettix parkeġġ.

Summer Workers

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk id-dipartimenti, azjendi u entitajiet oħra fid-dekasteru tiegħu li jieħdu intake ta' summer workers? Kif isiru l-għażliet?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-Onor. Interpellant hu mitlub li jindirizza d-domanda lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni.

Triq l-10 ta' Settembru — Ħal Qormi

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta Triq l-10 ta' Settembru 1456 Ħal Qormi se tiġi mibnija għaliex illum il-bini f'din it-triq inbena kollu u għalhekk il-gvern m'għandux problema li jrid isegwi l-policy u jibni triq meta din tkun inbniet kollha?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li ħarġet sejħa għall-offerti biex isiru xogħlijiet f'din it-triq. Din is-sejħa għall-offerti li ġġib in-numru Adv. No. 63 ġiet ippubblikata fit-12 ta' April qabel ma saret id-domanda parlamentari, u tagħlaq fit-tlieta ta' Mejju 2002.

Triq Gerry Żammit — Gzira

Question

Jista' l-Ministru jgħid tistax tiġi kkunsidrata l-possibilita' li Triq Gerry Żammit, il-Gzira ssir one way bit-traffiku jinżel biss, kif inhuma ħafna triqat fl-inħawi? Għad hemm xi ħsieb li tiġi pproġettata triq ġdida li tmiss ma' din it-triq kif kien oriġinarjament maħsub mill-istess gvern tal-lum?

Response (GALEA, ĊENSU)

Dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija għaddejt it-talba lid-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku biex jara x'jista' jsir. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq għadu għaddej bil-proċess biex jiġi ffinaliżżat il-proġett ta' toroq ġodda fl-inħawi.