Jista' l-Ministru jara li l-periklu kaġunat minn arbli tad-dawl li ma ġewx imwaħħla skond is-sengħa u l-arti tant illi wieħed partikolari nqala u qiegħed iserraħ billi jiġbed l-wires, jitneħħa?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ikun apprezzat jekk l-Onorevoli Interpellant jindika it-triq u l-lokalita' fejn jinsabu l-arbli li għalihom qed issir riferenza.
Jista' l-Ministru jara li arlbu tad-dawl li jinsab fil-front garden tal-fond 31, Triq il-Port Ħieles, B'Bugia jitneħħa mill-post li jinsab fih u dan peress li jinsab qrib il-faċċata ta' l-istess fond u l-wires high tension qegħdin jaqsmu minn fuq il-gallarija ta' l-istess b'mod li jintlaħqu minn tfal żgħar li jabitaw fl-istess fond?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-soċjetajiet Malpro I u Malpro II (f'liema soċjetajiet il-Gvern Malti għandu interess sostenzjali) ghandhomx proprjeta f'Londra li preżentement ser tinkera?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li s-soċjeta' Malpro Limited tmexxi l-Malta House f'Londra. Din hija blokk ta' uffiċini mikrija lil diversi entitajiet. Parti mill-blokk ġie vakat riċentement u għaldaqstant bħalissa Malpro Limited qiegħda fil-proċess li tieħu ħsieb li dan il-post jinkera mill-ġdid.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Maġistrat li huwa assenjat f'Għawdex bħala Maġistrat ma jingħatax preċedenza fuq it-traffic li jkun jistenna fiċ-Ċirkewwa, meta ġieli jiġri li xogħol importanti bħal xi aċċess u seduta fil-Qorti f'Għawdex ma jkunx jista' jibda għaliex il-Magistrat ikun għadu jistenna fuq il-moll fiċ-Ċirkewwa?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-Maġistrati li jkunu ser jitilgħu Għawdex, kemm fuq xogħol kif ukoll għal xi funzjonijiet in konnessjoni max-xogħol tagħhom, huma ntitolati għal Priority Boarding fuq il-vapuri kollha tal-kumpanija Gozo Channel li joperaw bejn Malta u Għawdex, u dan skond il-proċeduri li introduċiet l-istess kumpanija fit-12 ta' Mejju 2000 wara konsultazzjoni mal-Kummissarju tal-Pulizija.
Dawk kollha li huma ntitolati għall-Priority Boarding kienu kollha nfurmati sabiex fejn ikun possibbli jinfurmaw lill-Gozo Channel dwar id-data u l-ħin meta jkun fi ħsiebhom jużaw is-servizz, u wkoll sabiex ikunu fuq il-moll mill-anqas għaxar minuti qabel it-tluq skedat tal-vapur.
Jista' l-Ministru jgħid min huma u kemm qed jitħallsu il-konsulenti tal-WSC?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li fil-preżent il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma qed tagħmel użu mis-servizzi ta' tlitt konsulenti. Dawn huma Sapiano & Associates li qed jirċievu remunerazzjoni ta' Lm3,000 fis-sena, is-Sur Stephen McCarthy li għandu remunerazzjoni annwali ta' Lm2,500 u d-ditta Tua Engineering Limited li tirċievi remunerazzjoni ta' Lm3,000 fis-sena.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Foundation for Human Resources Development li qiegħda topera miċ-Ċentru għall-intrapriżi żgħar hijiex tal-gvern?
Jekk fl-affermattiv, min huma l-membri ta' din il-fondazzjoni?
Jista' l-Ministru jgħid meta twaqqfet din il-fondazzjoni?
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja ta' l-istatut tal-fondazzjoni?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża globali tal-ħsarat li ġew kawżati fil-power stations ta' Delimar matul is-sena li għaddiet? Kemm minn dawn l-ispejjes tħallsy u kemm għadhom pendenti? Jista' l-Ministru jwieġeb din il-mistoqsija għall-aħħar 5 snin sena b'sena?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal spejjeż ta' manutenzjoni. Dawn l-ispejjeż jinkludu kemm manutenzjoni ipprogrammata kif ukoll dik li jkun hemm bżonn issir minn għal żmien. Ta' min jiftakar li f'kull power station, il-Korporazzjoni Enemalta għandha bosta apparat u units oħra li tista' tiġrilhom ħsara.
L-informazzjoni mitluba hija din:
POWER STATION POWER STATION
SENA TAL-MARSA TA' DELIMARA
1996 Lm1,101,320 Lm335,967
1997 Lm1,224,838 Lm359,990
1998 Lm1,213,480 Lm349,324
1999 Lm 651,900 Lm413,353
2000 Lm1,070,061 Lm359,808
L-ammonti mogħtija, ikopru kemm il-materjal kif ukoll is-servizzi, u jinkludu l-ispejjeż tal-kimiċi li huma debitati lill-istess kont. Ħafna minn dawn l-ispejjeż ikopru spare parts li jkunu diġa' fl-istocks tal-Korporazzjoni.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex ir-residenti ta' Baħar Iċ-Ċagħaq jitħallew jużaw il-kliem Bagħar ic-Ċagħaq fil-posta tagħhom biex jiġu evitati l-iżbalji li qed jinqalgħu minħabba li fin-Naxxar kemm toroq bl-istess ismijiet u għalhekk qed tinħoloq konfużjoni sħiħa fit-territorju tan-Naxxar bħala kunsill lokali?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li ma teżisti ebda problema biex ir-residenti ta' Baħar iċ-Ċagħaq jużaw l-isem tal-post fejn joqgħodu fl-indirizz tagħhom, basta fl-istess waqt jinkludu l-Kodiċi Postali tan-Naxxar. Dan diġa' qed isir f'lokalitajiet oħra bħal San Pawl tat-Tarġa fin-Naxxar stess, in-Nigret u Bubaqra fiż-Żurrieq u x-Xemxija f'San Pawl il-Baħar.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk tistax titwaħħal lampa tad-dawl ‘il gewwa fi Triq Angelo Mellilli f’Haż-Żebbug billi din il-parti tat-triq tinsab fi dlam cappa?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet simili oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kif ġie impjegat mal-Maltacom l-ex Kummissarju tal-Pulizija? Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-post inħoloqx għalih direttament, jekk kienx hemm avviz imxandar pubblikament, jekk kienx hemm min applika għal dan il-post u jekk iva kemm applikaw u għaliex il-post ingħata lill-ex Kummissarju tal-Pulizija? Jista’ l-Ministru jgħid id-data meta inħoloq il-post li llum qiegħed jokkupa l-ex Kummissarju tal-Pulizija?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li s-Sur George Grech huwa mpjegat tal-kumpanija Technical & Management Services Limited, waħda mill-kumpaniji sussidjarji li tforni lill-bqija tal-grupp Maltacom b'servizzi ta' konsulenzi f'materji speċjalizzati, li twaqqfet fit-30 ta' Ġunju 1999. Il-ħtieġa ta' pariri fil-qasam ta' sigurta' u kontroll ta' frodi kien marbut mat-twaqqif ta' kumpanija sissidjarja oħra li ser topera f'dan il-qasam - Monitoring Services Limited. Il-proċess għat-twaqqif ta' Monitoring Services Limited tnieda fil-bidu tas-sena 2001 u din il-kumpanija eventwalment ġiet reġistrata f'Awissu 2001. Dan juri b'mod ċar li l-post ma nħoloqx għas-Sur Grech kif allegatament qed jingħad fil-mistoqsija.
Il-proċess ta' ingaġġ sar permezz ta' talba lill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ, li min-naħa taghħa irreferiet ħames persuni li kienu qed jirreġistraw għal dan it-tip ta' xogħol, fosthom is-Sur Grech. Din il-persuna intgħażlet wara li saru l-intervisti u ġie stabbilit li kien l-aktar adattat għall-kariga.
Peress li l-ingaġġ sar minn fost persuni li kienu riferuri mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ, ma kienx hemm ħtieġa li ssir sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet.
Jista' l-Ministru jivverifika kif il-persuna imsemmija fil-mistoqsija parlamentari nru. 31540 ingħatat is-servizz ta' l-elettriku meta l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ma ħarġitx compliance certificate?
Response (BONNICI, JOSEF)
Minn informazzjoni li għandi jirriżulta li ma ingħata ebda servizz ta' elettriku ġdid fuq is-sit indikat. Is-servizz eżistenti huwa wieħed antik li kien diġa' hemm.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-iskop tax-xogħlijiet ta' l-estensjoni tat-terminal ta' l-airport internazzjonali tal-Gudja li qegħdin isiru bħalissa? Kemm se jiġu jiswew dawn ix-xogħlijiet? Min minn qegħdin isiru dawn ix-xogħlijiet u kif ingħata l-kuntratt għal dan ix-xogħol?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li x-xogħolijiet li qed isiru bħalissa fit-terminal ta' l-ajruport internazzjonali ta' Malta għandhom l-iskop li jipprovdu estenzjoni tal-faċilitajiet ta' uffiċini fit-terminal li jinkrew b'rati kummerċjali.
Huwa stmat li b'kollox dawn ix-xogħolijiet ser jiġu jiswew Lm700,000.
Ix-xogħolijiet prinċipali qed isiru minn żewġ kuntratturi li rebħu l-kuntratti wara ħruġ ta' sejħiet għall-offerta li għalqu fil-31 ta' Jannar 2001. Ta' min jinnota li dan ix-xogħol qed isir wara li fit-30 ta' Awissu 2000 ħarġu l-permessi meħtieġa mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar wara applikazzjonijiet li l-MIA għamlet fis-16 ta' Marzu 2000 u li iżjed minn sebgħin fil-mija ta' l-uffiċini l-ġodda huma diġa' allokati.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra kemm flejjes intefqu sabiex l-ewwel crane li kien hemm ġewwa l-Baċir numru wieħed nieżel u ġie żarmat?
Jista' ukoll jindika kemm dam isir dan?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-ismantellar ta' l-ewwel crane fil-baċir numru wieħed beda fid-19 ta' Diċembru 2001 u spiċċa fl-14 ta' Frar ta' din is-sena. Rigward l-ispejjeż, sal-15 ta' Frar ta' din is-sena, il-labour charges kienu jammontaw għal Lm18,188.
Jista' l-Ministru jgħid f'hiex wasal ix-xogħol fuq il-household budgetary survey?
Meta mistenni li jiġi ppubblikat?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Household Budgetary Survey qiegħed jiġi proċessat.
Hu l-ħsieb ta' l-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika li r-riżultati ta' dan is-survey jiġu ppubblikati sa l-aħħar ta' Settembru ta' din is-sena.
Jista' l-Ministru jgħid billi hemm diversi indikaturi ekonomiċi li l-istatistika dwarhom ilha ma tiġi ippubblikata, tista' tgħid għaliex l-NSO jidhru li waqgħu lura fil-pubblikazzjoni ta' dan it-tgħarif essenzjali?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika qed jagħmel kull sforz sabiex l-ebda statistika ma titħalla taqa' lura.
Jista' l-Ministru jgħid l-uffiċju nazzjonali tal-istatistika qatt ikkunsidra l-possibilita li jistabbilixxi kalendarju fiss fejn diversi indikaturi ekonomiċi jibdew jiġu ppubblikati f'dati stabbiliti bil-quddiem kif jagħmlu pajjiżi oħrajn?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika qed iħejji sabiex jintroduċi kalendarju ta' pubblikazzjonijiet. Għaldaqstant, peress li ħafna mit-tagħrif ippubblikat jiġi mingħand dipartimenti u entitajiet oħra, qed isir ix-xogħol meħtieġ biex it-tagħrif mitlub jasal għand l-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika fiż-żmien propizju.
Jista' l-Ministru jara li jitranġaw il-bożoż fit-triq waħda faċċata tal-Blk 1, Scheme 3, Telgħat Raħal Ġdid, Paola u bozzo oħra fuq wara tal-istess blokk li tiġi mar-roundabout ta' ħdejn is-Sare Marbles, liema bozoz ilhom issa żmien konsiderevoli jiġu rrapurtati mir-residenti tal-inħawi bla ma jkun hemm rispons mill-awtoritajiet kompetenti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li t-tiswijiet li għalihom qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant fil-fatt diġa saru.
Jista' l-Ministru jispjega jekk il-ħaddiema tal-Maltacom li jispiċċaw biż-żmien humiex intitolati li jieħdu somma jew le meta jispiċċaw?
Hemm ħaddiema tal-gvern li huma seconded mal-Maltacom li huma intitolati li jieħdu somma w oħrajn li m'humiex li ma jieħdux?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-ħaddiema tal-Maltacom li ġew ingaġġati wara li twaqqfet il-Korporazzjoni Telamalta, illum Maltacom plc, jiġifieri wara Ġunju 1975, m'humiex intitolati għal somma meta jirtiraw bl-eta' tal-pensjoni.
Fil-kumpanija Maltacom għad baqa numru ta' ħaddiema detailed, trasferiti jew sekondati mill-Gvern u li huma ntitolati li jieħdu somma (commuted pension) meta jirtiraw bil-pensjoni.
Jista' l-Ministru jgħid sallum x'sar mit-taħdidiet u xi ftehim hemm jekk hemm barra dan l-ftehim li hawn anness mal-ħaddiema tal-Maltapost, ma l-istess Assoċjazzjoni Ħaddiema Postali fiċ-ċivil, aktar u aktar wara l-bejgħ ta' aktar minn 30% ta' l-ishma lill-kumpanija barranija fi New Zealand?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-ftehim imsemmi jikkonċerna ħaddiema li llum huma mpjegati mas-Servizz Pubbliku fuq bażi full-time. Għaldaqstant nissuġġerixxi li l-mistoqsija ssir lill-Ministru responsabbli mis-Servizz Pubbliku.