Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Pawl il-Baħar — Bypass

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 21621, 21852, 22067, 22226 u 22480 u jgħid kemm hu stmat ix-xogħol ta' kostruzzjoni għall-irranġar ta' dik il-parti tal-bypass ta' San Pawl il-Baħar li ċediet minħabba xogħol ta' eskavar minn kuntrattur privat? Min se jħallas għal dan ix-xogħol?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Twegiba ghal din il-mistoqsija tinghata f'seduta ohra

Mosta — Vjal l-Indipendenza

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 22187, jista' l-Ministru jikkonsidra u jirrikmanda li tiġi stallata speed camera fi Vjal l-Indipendenza, Mosta minħabba l-problema ta' overspeeding li hemm f"din it-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat..

ADT — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jgħid għal liema raġuni l-impjegati ta' l-ADT mhux qed jingħataw il-qualification allowances?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-Impjegati tal-Gvern li ġew ma' l-Awtorita’ qegħdin irregolati taħt il-Ftehim Kolletiv ta’ l’Awtorita’ li ġie fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar, 2006. Fil- Ftehim Kolletiv ta’ l’Awtorita m' hemm l-ebda qualification allowance.

Attard — Triq Manuel Dimech

Question

Jista' l-Ministru jara li r-rotta ta' devjazzjoni tat-traffiku li saret minħabba x-xogħlijiet fuq il-pont fi Triq Manuel Dimech u li tgħaddi minn nofs ir-raħal ta' H'Attard titneħħa peress li din sejra toħloq inkonvenjent kbir għar-residenti kif ukoll għax-xufiera, peress li ċ-ċentru tar-raħal ikun magħluq waqt il-ħin tad-dħul u ħruġ mill-iskola primarja tar-raħal?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi r-rotot ta’ devjazzjoni tat-traffiku minħabba x-xogħlijiet fuq il-pont ta’ Manwel Dimech saru f’ diversi lokalitajiet u kienu intenzjonati biex jagħqdu n-Nofs in-Nhar, maċ-Ċentru w it-Tramuntana ta’ Malta. Għaldaqstant, ir-raħal ta’ H’Attard mhuwiex intenzjonat li jintlaqat b’mod dirett, L-inħawi msemmija mill-Onorevoli Nterpellant ser ikunu mmonitorjati fil-jiem li ġejjien sabiex tiġi evalwata l-possibilita’ li jittieħdu xi miżuri li jistgħu jkunu neċessarji.

ADT — Mechanical Horses

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21937 u jgħid kemm hu n-numru ta' mechanical horses (tructor unit) liċenzjati mill-ADT biex ikunu jistgħu joperaw barra minn Malta?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-Awtorità dwar it-Trasport ta’ Malta ħarġet 42 liċenzja ta’ operatur li jinkludu fihom 145 mechanical horses, sabiex ikunu jistgħu jagħmlu xogħol ta’ ġarr ta’ merkanzija f’pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropeja.

Żvilupp Urban u Toroq — Direct Orders

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ħarġu direct orders mid-dekasteru tiegħu din is-sena? Lil min ingħataw, kemm kien il-valur u għaliex? Minn liema dipartiment ħarġu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.

Żvilupp Urban u t-Toroq — Impjegati

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-ministeru, dipartimenti u enti oħra fid-dekasteru tiegħu matul is-sena 2005-2006? Jista' jgħid f'liema grad hu kull impjegat ġdid?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Żvilupp Urban u Toroq — Special Cleaners Limited

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Ministeru, flimkien mad-dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet, kumpanniji u azjendi li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu qattx ingaġġaw is-servizzi ta' Special Cleaners Limited? Jekk iva, f'liema każi, meta ġew ingaġġati, kif saret l-għażla tagħhom u kemm tħallsu s'issa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li kemm ilu li twaqqaf dan il-ministeru, kemm il-ministeru nnifsu, kif ukoll id-dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet, kumpaniji u ażjendi li jaqgħu taħt ir-responsabilita tiegħu, qatt ma ingaġġaw is-servizzi ta' Special Cleaners Ltd.

Swatar — Asfaltar ta' toroq

Question

Billi għalkemm fiż-żmien ta' l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali ta' Marzu ta' din is-sena kont ingħatajt x'nifhem illi kien se jsir asfaltar ta' toroq ħdejn u madwar l-appartamenti tal-gvern fis-Swatar, Block A1, Block A2, Block B1 u Block B2 u billi minn dakinhar is-sitwazzjoni baqgħet l-istess, jista' il-Ministru jagħtini indikazzjoni meta se jsir dan l-asfaltar, l-aktar minħabba l-inkonvenjent li dan għadu qed jikkawża lir-residenti, fosthom nies li ilhom joqogħdu f'dawn l-appartamenti madwar tmien snin?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi Triq Ġdida fi Triq Guttenberg fis-Swatar, li hija t-triq fejn jinsabu dawn l-appartamenti, hija nkluża fil-lista ta’ toroq li nħarġet mill-ADT. Għaldaqstant din it-triq hija ppjanata li ssir sas-sena 2008.

Swatar — Bus stop

Question

Jista' il-Ministru jara li ssir bus stop qrib l-HSBC call centre għall-benefiċċju ta-residenti tas-Swatar?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li dan il-bus stop ser jitwaħħal il-ġimgħa d-dieħla fuq talba li għamel l-HSBC stess.

Swatar — White line

Question

lBilli skond ir-residenti l-line abjad li għamlet l-ADT qrib il-kulleġġ St. Martins fis-Swatar ġie itwal mili suppost, dan qed jieħu parking space tar-residenti bla bżonn, jistgħu r-residenti jipparkjaw fi ħdan dan il-line abjad billi safejn naf jien il-parking ma jistax isir biss fejn hemm double yellow lines? Dan qed jingħad għaliex min għamel dan ġieli ngħata ċitazzjoni mill-wardens.

Response (MUGLIETT, JESMOND)

B’riferenza għal mistoqsija parlamentari, jistà l-Onorevoli Interpellant jindika f’liema parti ta’ Triq is-Swatar qiegħed il-white line li għalih qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari.

Swatar — Sleeping policeman

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk tistax issir sleeping policeman fin-nofs ta' Triq is-Swatar, fis-Swatar?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immanigjar tat-Traffiku ta’ dawn l-aħħar tlett snin, irriżulta li ma kien hemm l-ebda talba mill-Kunsill Lokali ta’ l-Imsida għal tali round-topped road hump fi Triq is-Swatar. Minn speed survey li sar fuq il-post irriżulta li l-85 th Percentile Dry Weather Speed huwa ta’ 42km/h. Minħabba li tali triq tinstab biswit skola huwa rakkommandat li ssir tali road hump sabiex l-85 Percentile Speed jinżel għal 25km/h. L-Awtorità dwar it-Trasport ta’ Malta ser tikkuntatja l-Kunsill Lokali ta’ l-Imsida rigward tali rakkommandazzjoni.

ADT — Liċenzja tas-sewqan

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'qed iżomm lill-awtorita' dwar it-trasport (ADT) milli ġġedded lill-persuna minn B'Kara, li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, il-liċenzja 01 tas-sewqan ta' coaches u mini-vans maħruġa fl-10/05/04 li sservih bħala mezz ta' għajxien?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jinforma lil din il-persuna sabiex tikkuntatja lid-Direttur tad-Direttorat dwar it-Trasport Pubbliku fl-Awtorita' dwar it-Trasport biex jistudja il-każ.

Ħ'Attard — Triq Żebbuġ

Question

Jista' il-Ministru jiċċekkja jekk il-qlib tat-triq fi Triq Żebbuġ, Ħ'Attard speċjalment fil-parti eżatt qabel il-benniena, tistax tiġi rranġata għax l-ilma tax-xita qiegħed dejjem ixaqleb fuq il-bini tan-nies b'kawża li jgħarraq l-entraturi?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li xogħlijiet meħtieġa fit-triq imsemmija mill-Onoreovli Interpellant hija nkluża fir-'Rideability Programme' li qiegħda thejji l-ADT. Dan ix-xogħol se jsir skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Ħaż-Żabbar/Wied il-Għajn — Toroq

Question

Peress li għadda żmien ġmielu minn meta twaħħlu t-tabelli li jindikaw li l-wiċċ tat-tarmac sar b'investigazzjoni bejn Ħaż-Żabbar u Wied il-Għajn (fin-naħa tal-Latmija - ara ritratti) jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm riżultati favorevoli f'dawk l-investigazzjonijiet u fi kwalunkwe każ jgħid meta se jingħata wiċċ ġdid bit-tarmac lil dik it-triq li tinsab fi stat diżastruż biex b'hekk anke n-naħa t'isfel ta' Malta tgawdi mill-benefiċċji mill-akkwist ta' fondi akkwistati mill-gvern mill-Unjoni Ewropea?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li għadu għaddej monitoring fuq il-wiċċ tat-tarmak li sar b’investigazzjoni bejn Ħaż-Żabbar u Wied il-Għajn. Dan qed isir biex jiġi stabbilit it-tip ta’ kostruzzjoni ta’ din it-triq għal meta ssir it-tender. L-ADT qegħda tipprepara pjanti u tender document u l-applikazzjoni sabiex din it-triq tinbena mill-ġdid, permezz tal-fondi strutturali ta’ EU. Huwa ppjanat li sejħa għal offerti għax-xogħlijiet tinħareġ fil-ġimgħat li ġejjin.

Fleur de Lys — Traffic Jams

Question

Minħabba li qed ikun hemm konġestjoni kbira ta' traffiku fi Fleur de Lys waqt ir-rush hours u bl-istudenti ta' l-iskola Santa Monica, partikolarment bejn is-7.00 a.m. u t-8.30 a.m. u s-1.00 p.m. u s-2.00 p.m., jista' il-Ministru jordna li tiċċaqlaq il-bus stop li hemm ħdejn l-Istitut Vincenzo Bugeja u z-zebra crossing aktar 'l isfel lejn Santa Venera li qed ikunu kaġun ewlieni ta' traffic jams, kif ukoll jingħataw struzzjonijiet biex ma jsirx taħriġ ta' sewwieqa ġodda f'din l-area kif ukoll issir sistema ta' one way, partikolarment Triq Brighella u Triq l-Indjana u ssir senjaletika ġdida fi Triq Fleur de Lys, quddiem Triq l-Indjana?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn spezzjoni li saret minn uffiċjali tal-Immaniġġjar tat-Traffiku irriżulta kif ġej: · Għalkemm fil- peak hour Triq Fleur de Lys tintuża minn ammont sostanzjali ta’ vetuuri iżda fl-ebda ħin ma rriżulta li t-traffiku kien wieqaf. L-akbar queue li kien hemm kien ta’ seba’ karrozzi li riedu jidħlu ġor- roundabout ta’ Fleur de Lys. Id- delay ta’ tali karrozzi ma kienx ta’ aktar minn 180 sekonda. · Il- bus stop u l- pelican crossing fi Triq Fleur de Lys ġew spezzjonati u nstabu li huma f’post sikur u li qed jaqdu l-użu tagħhom. · L-Awtorita’ dwar it-Trasport ta’ Malta mhux f’posizzjoni li tikkontrolla r-rotot li jittieħdu mid- driving instructors waqt il-lezzjoni tas-sewqan ma’ l-istudenti tagħhom. · Fi Triq Brighella u Triq Indjana ma nstabx li hemm xi problemi ta’ konġestjoni ta’ traffiku u minħabba s-sistema tat-traffiku fl-inħawi u r-restrizzjonijiet imponuti mill-posizzjoni ta’ l-akwedott, għaldaqstant huwa rakkomandat li l-arranġamenti tat-traffiku fi Triq Brighella u fi Triq l-Indjana jibqgħu kif inhuma. · Fir-rigward tas-senjaletika ġdida fi Triq Fleur de Lys li għaliha qed jirreferri l-Onorevoli Interpellant, jista' jingħata aktar dettal dwar tali talba sabiex l-Awtorita’ dwar it-Trasport ta’ Malta tkun tista’ tara li jittieħdu l-passi meħtieġa.

Toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid l-ammont tan-nefqa għat-toroq u tabelli tat-toroq għas-sena 2005 u sa Ottubru 2006? Jista' jgħid kemm kien l-ammont tan-nefqa tal-Gvern f'Malta u Għawdex li għalihom ħarġet tender u għal dawk li ma ħarġet ebda tender imma ngħataw b'direct order?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-informazzjoni qegħda tinġabar u tingħata f'seduta oħra.

Balzan/Attard — Xogħlijiet fi Triq Sant'Antnin

Question

Jista' il-Ministru jara li x-xogħlijiet f'St. Anthony Street, l/o Balzan/Attard jitlestew malajr kemm jista' ikun peress li din it-triq li t għaqqad it-tlett irħula ta' Ħ'Attard, Balzan u Lija ilha magħluqa għal aktar minn xahrejn b'inkonvenjent kbir għal dawk kollha li jgħaddu minnha?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li x-xogħol li qed ssir fit-triq imsemmija mill-Onorevoli Nterpellant qed issir mill-Waste Water Department tal-WSC. Il-permess għal dan ix-xogħol ġie extended għal tliet ġimgħat oħra.