Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni li l-kuntratt taċ-Ċentru San Franġisk ma ġiex imġedded? Jista’ jgħid sa kemm kien validu l-kuntratt u meta dan ġie tterminat jew se jiġi terminat? X’miżuri ttieħdu sabiex is-servizz mogħti lill-klijent u lid-Direttorat tal-Animal Welfare miċ-Ċentru San Franġisk ma jieqafx hekk kif se jieqaf jew se jitwaqqaf il-kuntratt?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-kuntratt inkwistjoni kien validu sat-28 ta’ Settembru 2015 iżda l-operatur għandu sat-28 ta’ Ottubru biex ibattal il-post u dan dejjem skond il-kuntratt li kien iffirmat mill-Amministrazzjoni Preċedenti. Il-kuntratt ma ġiex imġedded fuq l-istess xewqa tal-operatur.
Teknikament is-servizz li kien mogħti miċ-Ċentru San Franġisk kien wieħed privat u li kien qed jiġi offrut kemm lill-pubbliku in ġenerali kif ukoll lid-Direttorat tal-Animal Welfare. Illum il-ġurnata, il-pubbliku huwa moqdi tajjeb b’dsatax il-klinika liċenzjata li fiha wieħed jista’ jmur sabiex jingħata servizz veterinarju filwaqt li l-istess kliniċi llum huma wkoll marbuta bil-Liġi li joffru servizz ta’ emerġenza 24 siegħa kuljum. Min-naħa l-oħra, id-Direttorat tal-Animal Welfare ħaseb fi pjan ta’ kontinġenza li jinkludi servizz veterinarju provdut minn operaturi privati li joperaw f’dan is-settur.
Sadanittant il-Gvern ħaseb ukoll sabiex tinħareġ sejħa għall-offerti għat-tmexxija taċ-Ċentru San Franġisk minn operatur ġdid. F’dan il-konfront is-Segretarjat Parlamentari diġà ħareġ Stqarrija għall-Istampa li qed inpoġġi kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra.
Wild Birds Regulation Unit – applikazzjonijiet għal-liċenzji speċjali
Question
Skont rapporti fuq il-media, kif ukoll kif ġie kkomunikat mill-kumitat Ornis, il-Wild Birds Regulation Unit fetħet l-applikazzjonijiet għall-liċenzji speċjali tal-insib rigward staġun tal-insib għall-għasafar tal-għana, kif ukoll għal staġun tal-insib għall-pluviera u l-malvizz f’Lulju. Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-ammonti ta’ applikazzjonijiet għal-liċenzji speċjali rispettivi li ġew irċevuti? Ingħata xi forma ta’ risposta għal dawn l-applikazzjonijiet, u jekk ingħata, jista’ jgħid meta ngħatat din ir-risposta u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ din il-korrispondenza?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari t-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (WBRU) irċiviet 3,880 applikazzjoni għal-liċenzja speċjali tal-insib għall-għasafar tal-għana kif ukoll 1,122 applikazzjoni għal-liċenzja speċjali tal-insib għall-Pluviera u l-Malvizz. Wara l-verifika ta’ dawn l-applikazzjonijiet, ġew maħruġa 3,877 liċenzji speċjali tal-insib għall-għasafar tal-għana kif ukoll 1,122 liċenzji speċjali tal-insib għall-Pluviera u l-Malvizz. Kopja ta' din il-korrispondenza flimkien mal-liċenzja speċjali tal-insib tal-għasafar tal-għana, il-liċenzja speċjali tal-insib tal-pluviera u l-malvizz, il-formola ta’ notifikazzjoni tal-għasafar bi ċrieket xjentifiċi kif ukoll il-fuljett b’informazzjoni ġenerali li ntbagħtu lin-nassaba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra forma ta’ Tabella.
Peress li jidher li ċ-ċrieket għall-qbid tal-għasafar permezz tal-insib diġà ġew irċevuti min-nassaba li applikaw għal-liċenzji, allavolja l-avviż legali li jippermetti dan l-insib għadu ma ġiex ippubblikat, jista’ l-Ministru jgħid għalfejn sar dan? Jista’ jikkjarifika kemm ħarġu ċrieket għal kull speċi, u jgħid jekk il-ħruġ ta’ dawn iċ-ċrieket hux qed jiġi bbażat fuq kwoti, kif il-kwoti ġew maħduma jew deċiża meta l-avviż legali li tiddikjara l-kwoti rispettivi għadu ma ġiex ippublikat?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, issa li ġew ippubblikati n-notifiki (avviż legali) fis-16 ta’ Ottubru li għadda, jistgħu jintużaw il-liċenzji u ċ-ċrieket speċjali maħruġa mit-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (WBRU).
It-tip u ammont ta’ ċrieket awtorizzati li jistgħu jintużaw darba biss huwa kif ġej:
Bojod - 28,078
Ħodor - 6,188
Kulur il-metall - 4,332
Ħomor - 7,187
Sofor - 5,573
L-ammont ta’ ċrieket li jinħarġu huma bbażati fuq il-kwota individwali ta’ kull persuna liċenzjata kif stabbiliti skond in-notifiki tad-derogi u skond ir-Regolamenti tal-2014 dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi (Qafas biex tiġi permessa Deroga li Tiftaħ l-Istaġun fil-Ħarifa għall-Insib tal-Għasafar tal-Għana) (LS 504.124) u ir-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi (Qafas biex tiġi permessa Deroga li Tiftaħ l-Istaġun fil-Ħarifa għall-Insib tal-Malvizz u l-Pluviera) (LS 504.113).
Kunsill għall-Ħarsien tal-Annimali – pariri fuq esperimentazzjoni fuq annimali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill għall-Ħarsien tal-Annimali tax pariri lill-Gvern fuq esperimentazzjoni fuq annimali?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, il-Kunsill għall-Ħarsien tal-Annimali ma għadda l-ebda parir lill-Gvern fuq esperimentazzjoni fuq l-annimali.
Ambjent Esperimentazzjoni fuq annimali – pożizzjoni tal-Gvern
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni tal-Gvern fuq esperimentazzjoni fuq l-annimali?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-pożizzjoni tal-Gvern dwar il-materja hija dik kif regolata minn Kapitlu 439 tal-Liġijiet ta’ Malta, partikolarment Artikli 32 sa 42 tal-Liġijiet ta’ Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali ngħatax uffiċini addati minn fejn jista’ jaħdem? Minn fejn qed jaħdem il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li l-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali bħalissa qed jopera b’mod indipendenti u separatament għalih minn uffiċċju li jinstab fil-kumpless tal-Ministeru. Hija x-xewqa tagħna li dan ikollu uffiċċju aħjar u qed isiru sforzi biex tinstab proprjetà oħra li tkun taqdi l-bżonnijiet meħtieġa.
Jista’ l-Ministru jgħid xi staff complement għandu l-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lil-Onor. Interpellant li skond tagħrif mogħti lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-istaff complement li għandu l- Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali huma żewġt Promotional Officers u Inspector for Animal Welfare.
Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali – investigazzjonijiet fuq funzjonijiet u ħidma
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali rrevediex jew investigax minn jeddu jew wara li rċeva lmenti, il-funzjonijiet u l-ħidma tal-Kunsill tad-Direttorat għas-Servizzi Veterinarji jew tad-Direttorat responsabbli mit-Trattament Xieraq tal-Annimali?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li r-rapporti dwar investigazzjonijiet li saru mill-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali huma ippubblikati online. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ rapport li jittratta każ li l-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali investiga minn jeddu dwar żamma ta’ għasafar fil-kwarantina mid-Direttorat għas-Servizzi Veterinarji.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ rapporti dwar diversi oqsma li saru mill-Kummissarji għat-Trattament Xieraq tal-Annimali?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, fil-waqt li nirreferi għat-tweġiba li ngħatat għal Mistoqsija Parlamentari preċedenti bin-Nru. 19579, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport ieħor hekk kif jidher fuq il-websajt tal-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostennibli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima – entitajiet — safar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’safar sar minn uffiċjali mill-Ministeru, mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari u mill-entitajiet li jaqgħu taħtu fl-aħħar 12-il xahar? Jista’ jgħid fejn sar is-safar (belt u pajjiż) u x’kienet ir-raġuni għal kull safra? Jista’ jgħid min mar għal kull safra? Kemm kienet l-ispiża għal kull safra?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostennibli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – servizz ta’ kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru, inkluż id-dipartmenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, għamlux użu u/jew qegħdin jagħmlu użu mis-servizzi tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mid-9 ta’ Marzu 2013 sad-data li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari? Jekk iva, jista’ jgħid jekk dan is-servizz ingħatax b’tender, b’direct order jew b’kwotazzjoni? Jista’ jgħid kemm-il quote jew direct order inħarġu f’dan il-perjodu u jgħid kemm kien il-valur ta’ kull quote jew direct order inkluż liema dipartiment jew entità talbet dawn il-quotes jew ħarġet dawn id-direct orders? Jista’ jgħid kemm huwa l-ammont komplessiv li tħallas s’issa u kemm għad fadal biex jitħallas?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti ninsab infurmat li fil-perjodu msemmi l-kumpanija msemmija ma ngħatat l-ebda xogħol mill-Ministeru, mid-dipartimenti u mill-entità li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħi.
Jista’ l-Ministru jwieġeb dawn il-mistoqsijiet li ġejjin u:
(a) jikkonferma li nstab kelb f’qagħda kritika fil-garaxx tal-katamaran li jopera bejn Malta u Sqallija?
(b) Jgħid jekk hux vera li sa dak iż-żmien il-
policy
tal-katamaran kienet li klieb ma jitħallewx jitilgħu mal-passiġġieri kif isir fuq il-vapur t’Għawdex?;
(c) Jgħid jekk hux vera li l-kelb in kwistjoni aktarx miet b’
heat stroke
?
(d) Jekk saritx awtopsja fuq il-kelb u x’irriżulta?
(e) Jekk saritx jew qed issir inkjesta? u
(f) Jekk ġewx involuti l-pulizija?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari rrispondew kif ġej:
a) Xi ġimgħat ilu proprjetarju ta’ kelb għarraf lill-uffiċjali tad-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali li l-kelb tiegħu kien instab ibagħti, sofferenti u f’qagħda kritika meta mar biex jiġbru mill-garaxx tal-katamaran fi traġitt bejn Malta u Sqallija.
b) Sa dak iż-żmien il-policy tal-katamaran kienet li l-klieb ma jitħallewx jitilgħu mal-passiġġieri;
c) Skond veterinarju Sqalli li eżamina l-kelb u mill-kopja tar-rapport li ntbagħat lir-regolatur veterinarju Malti jirriżulta li l-kelb kien miet f’Messina fi Sqallija aktarx kawża ta’ ħsara newroloġika kkawżata minn temperatura tal-ġisem għolja ħafna (ipertermija).
d) Mill-informazzjoni li għandu d-Dipartiment ma’ jirriżultax li l-awtoritajiet Sqallin għamlu awtopsja fuq il-kelb;
e) Fil-waqt li wieħed ifakkar li l-kelb ma mietx Malta, ir-regolatur veterinarju Malti għamel investigazzjoni fuq il-każ u,
f) Il-Pulizija ma kinitx involuta.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm telqu impjegati mid-Dipartiment tal-Animal Welfare minn Marzu 2013?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, kien hemm tlettax (13) -il ħaddiem li telqu mid-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali minn Marzu 2013 sas-6 ta' Ottubru 2015. Ninsab infurmat ukoll li ħafna minnhom telqu minħabba promozzjonijiet li huma kisbu.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġiex imwaqqaf il-Kunsill għall-Ħarsien tal-Annimali? Jekk iva, min huma l-membri maħtura fuq dan il-kunsill?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-Kunsill għall-Ħarsien tal-Annimali twaqqaf skond kif ippubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern, ħarġa numru 19,444 datata 23 ta’ Ġunju 2015.
Jista’ l-Ministru jwieġeb dawn il-mistoqsijiet li ġejjin u jgħid tul l-2013, l-2014 u sal-aħħar ta’ Awwissu 2015, kemm saru spezzjonijiet mid-Dipartiment tal-Animal Welfare? Jista’ jgħid kemm ittieħdu passi legali fuq trattament mhux xieraq ta’ annimali fl-istess perjodu? Jista’ jgħid kemm-il sid ġie mwiddeb mingħajr ma ttieħdu passi? Kemm minnhom tressqu l-Qorti? Jista’ jagħti break down sena b’sena?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari qed inqiegħed Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati nies fid-diviżjoni tal-Animal Welfare minn Marzu 2013 sal-lum? Jista’ jgħid kemm ġew seconded ħaddiema ma’ din id-diviżjoni mill-elezzjoni tal-2013 sal-lum? X’inhu l-grad tagħhom? Mil-liema lokalità ġejja kull persuna li ġiet seconded? Dawk li ma kinux seconded u kienu qed jirreġistraw, għal liema xogħol kienu qed jirreġistraw?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari kien hemm sbatax (17) –il ħaddiem li ġew impjegati mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali minn Marzu 2013 sas-6 ta' Ottubru 2015. Kien hemm ukoll erba’ (4) ħaddiema li kienu seconded u li tnejn huma Uffiċjali fi Skala 10, ieħor fi Skala 13 u ieħor Transport Officer. Dawn ġejjin minn Ħal Luqa, Santa Venera, Ħal Qormi u Għajnsielem Għawdex. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jireferri d-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid x’pariri ta s’issa l-Kunsill għall-Ħarsien tal-Annimali lill-Ministru?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari minn mindu twaqqaf il-Kunsill f’Ġunju li għadda, dan iltaqa’ tlett darbiet. Il-minuti ta’ kull laqgħa ġew mgħoddija lis-Segretarju Parlamentari u l-kontenut jitqies mill-Kunsill bħala l-fehma tiegħu għall-użu tas-Segretarjat.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-feasibility plan li hemm imsemmi fil-Waste Management Plan 2014-2020 dwar l-istrateġija li għandha tiġi adottata għar-rimi u trattament tal-iskart? Jista' jgħid xi pjanijiet għandu l-Gvern għall-esportazzjoni tal-iskart? Jista' jgħid kemm fadal spazju f'termini ta' kwantità u persentaġġ għar-rimi tal-iskart fil-landfill tal-Għallis?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti l-feasibility plan dwar l-istrateġija li għandha tiġi adottata għar-rimi u trattament tal-iskart huwa mistenni li jkun iffinalizzat sa tmiem din is-sena. Dan il-feasiblity plan huwa wieħed li qed jiġi mfassal minn esperti barranin, u qiegħed jiffoka fuq il-‘feasilibty’ li Malta tinvesti f’Waste to Energy Treatement Plant (Impjant li jiġġenera l-enerġija mill-iskart). Rigward l-esportazzjoni ta' skart, il-Ministeru ikkummissjona studju biex janalizza l-cost effectiveness ta' tali miżura. Ladarba dan l-istudju jkun iffinalizzat fix-xhur li ġejjin, il-Ministeru jkun f'pożizzjoni li jiddeċiedi t-triq 'il quddiem f'dan ir-rigward. Fir-rigward tal-miżbla tal-Għallis, minn informazzjoni pprovduta minn WasteServ Ltd, l-ispazju vojt sa Marzu 2015 kien ta' 1.5 miljun metri kubi.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostennibli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima — Safar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kellu safar fl-aħħar 12-il xahar? Jista’ jgħid fejn siefer (belt u pajjiż) u x’kienet ir-raġuni għal kull safra? Min kienu l-uffiċjali li akkumpanjawh f’kull safra? Kemm kienet l-ispiża għal kull safra?
Response (BRINCAT, LEO)
Għall-perjodu Lulju sa Novembru 2014 nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 12104. Skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba għall-perjodu Diċembru 2014 sad-data li saret l-Interpellanza.
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fuq impenji uffiċjali barra l-pajjiż, inkun akkumpanjat minn uffiċjali tas-Segretarjat privat tiegħi u minn uffiċjali oħra tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru ħax xi passi partikulari biex jikkumbatti diversi tipi ta' problemi li qed jaffaċċjaw is-siġar tal-frott f'Malta, bħal bajtar ta' San Ġwann, u siġar oħra tal-frott, biex jiġi assigurat li dawn ma jkomplux jinqerdu? X'pariri partikulari ngħataw lill-bdiewa biex jiġu evitati sitwazzjonjiet li jistgħu jkunu kompromettenti għas-siġar tipiċi Maltin?
Response (BRINCAT, LEO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Mistoqsijiet Parlamentari 16997, 17980 u 18808 fejn ingħatat l-informazzjoni relatata mas-siġar tat-tin miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari. Fir-rigward ta’ siġar oħra tal-frott, ma jirriżultax li kien hemm xi interċezzjoniijiet u sejbiet ta’ pesti ġodda jew inkella ta’ xi pesti emerġenti. Ninsab infurmat mill-istess Uffiċċju li mard komuni - ikkaġunat minn fungi u baktirja - u insetti li jattakkaw siġar tal-frott ġewwa Malta, huma magħrufa u stabbiliti sew u għalhekk m’humiex misħarrġa jew regolati bl-ebda mod. Madanakollu, pariri dwar kura u kontroll tagħhom jiġu pprovduti reġolarment skond il-ħtieġa lill-bdiewa, partijiet interessati u lill-pubbliku inġenerali meta dawn il-pesti u mard tas-siġar tal-frott jiġu rrapportati lid-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti. Ta min wieħed jgħid ukoll li dan l-istess Direttorat iwettaq programm ta’ stħarriġ sabiex jiċċekkja għall-pesti ġodda u fl-istess ħin jissorvelja l-istatus ta’ dawk diġà preżenti.