Legislature:
Category:
Reset
Active:

Malta Enterprise – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6061 u jgħid x’inhi l-kariga tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament fil-Malta Enterprise jew f’xi kumpanija, aġenzija jew entità oħra li tifforma parti minn Malta Enterprise? Jista’ l-Ministru jgħid kif din il-persuna ġiet ingaġġata jekk hux b’għażla diretta, b’sejħa pubblika jew b’xi mod ieħor? Jista’ l-Ministru jagħti l-pakkett sħiħ ta’ ħlas u perkaċċi oħra li għandha din il-persuna?

Response (CARDONA, CHRIS)

Il-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ġiet maħtura bħala Executive Chairman, Major Projects Coordination Agency (MPCA) fi ħdan il-Malta Enterprise. Din hija pożizzjoni ta’ fiduċja u għalhekk ma kienx hemm sejħa pubblika. Il-kuntratt ma jistax jiġi pprovdut għax huwa ta’ natura kummerċjali u kunfidenzjali. Xogħol l-MPCA huwa li tikkordina l-ħidma tal-i stake holders kollha fil-każ taż ta’ proġetti kbar u kumplessi bħal per eżempju l-bini tal-Life Sciences Park, speċjalment fejn dawn il-proġetti jinvolvu aktar minn Ministeru wieħed u jinvolvu fondi Ewropej.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — tender/direct orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol ingħata mill-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għall-perijodu 1998 u Marzu 2013? Jista' jgħid għal kull każ, jekk ix-xogħol ingħatax b'direct order jew tender u kemm kienet l-ispiza għal kull każ?

Response (CARDONA, CHRIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm u kif hu maħsub li l-Ministeru tiegħu, flimkien mal-entitajiet li jaqgħu fir-responsabilità tiegħu, mistennija jibbenefikaw minn fondi tal-Unjoni Ewropea fl-2014, ġejjin mil-liema programm ġejjin?

Response (CARDONA, CHRIS)

Bħalissa l-Gvern qiegħed f’negozjati mal-Kummissjoni Ewropea sabiex ikun approvat il-Partnership Agreement għas-snin 2014-2020. Fl-istess waqt għaddejja ħidma fuq il-Programmi ta’ Operazzjoni. Huwa wara li jitlesta dan il-proċess meta l-Awtorità ta’ Ġestjoni tibda toħroġ is-sejħiet għal proġetti u inizjattivi.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — bordijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-bordijiet li jaqgħu taħt l-Ministeru tiegħu li ltaqgħu minn Marzu ta’ din is-sena sad-data li fih tkun imwieġba din l-interpellanza? Liema huma dawk li ma ltaqgħux?

Response (CARDONA, CHRIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Awtorità dwar il-Lotteriji u l-Logħob – chairman

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2618 u jikkonferma jekk il-Gvern ġiex uffiċjalment mgħarraf li ċ-chairman tal-Awtorità dwar il-Lotteriji u l-Logħob ġie maħtur bħala konsulent għad-Direttur tal-Gaming Enforcement ta' New Jersey? Il-Gvern ħa parir legali jekk din il-ħatra tmurx kontra l-provvediment 9 (4) (ċ) tal-Att dwar il-Lotteriji u Logħob Ieħor? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-parir legali li ngħata?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex rigward il-kariga ta' chairman tal-Awtorità dwar il-Lotteriji u Logħob, jagħmel referenza għall-PR maħruġa mid-DOI numru PR 2455.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — xogħol mogħti lil individwu

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ xogħlijiet li ngħataw lill-individwu u/jew kumpanija li dettalji tagħhom qed jingħataw separatament, sena b’sena, mill-2004 sa Marzu 2013 mill-Ministeru tiegħu u entitajiet, aġenziji, awtoritajiet u korporazzjonijiet li jaqgħu taħtu? Jista’ jgħid jekk f’kull każ, ix-xogħol ingħatax b’direct order jew wara li saret sejħa għall-offerti? Jista’ jgħid f’kull każ kemm kienet l-ispiża? F’kull każ, min awtorizza li jsir il-ħlas? F’kull każ fiex kien jikkonsisti x-xogħol?

Response (CARDONA, CHRIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Parteċipazzjoni fil-Private Public Partnership

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma t-30 proġett li bħalissa l-Gvern qed jikkunsidra li jipparteċipa fihom fil-forma ta' Private Public Partnerships kif iddikjara l-istess Ministru waqt li ndirizza konferenza f'Tas-Sliema? Jista' jagħti tagħrif dwar l-area ta' xogħol li fihom hu propost li jaħdmu dawn il-partnerships?

Response (CARDONA, CHRIS)

L-aġenzija tal-Gvern MIMCOL fil-preżent qed taħdem fuq dawn it-tletin proġett ġdid tal-Private Public Partnership. Xi wħud minnhom se jiġu mħabbra fl-ewwel xhur tas-sena d-dieħla.

Malta Enterprise/Malta Industrial Parks – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-kariga tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament fil-Malta Enterprise jew fil-Malta Industrial Parks? Jista’ l-Ministru jgħid kif din il-persuna ġiet ingaġġata, jekk hux b’għażla diretta, b’sejħa pubblika jew b’xi mod ieħor? Jista’ jagħti l-pakkett sħiħ ta’ ħlas u perkaċċi oħra li għandha din il-persuna?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Malta Enterprise – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-kariga tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament fil-Malta Enterprise jew f’xi kumpanija, aġenzija jew entità oħra li tifforma parti minn Malta Enterprise? Jista’ l-Ministru jgħid kif din il-persuna ġiet ingaġġata jekk hux b’għażla diretta, b’sejħa pubblika jew b’xi mod ieħor? Jista’ l-Ministru jagħti l-pakkett sħiħ ta’ ħlas u perkaċċi oħra li għandha din il-persuna?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar – konsulenti legali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni li qed jagħtu konsulenza legali lill-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu? Kemm qed jitħallsu ta’ dan ix-xogħol? Jista’ jpoġġi l-kuntratti tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CARDONA, CHRIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Rigward il-kuntratti u l-ħlas tal-persuni li qed jagħtu konsulena legali, ma nħossx li dawn għandhom jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra minħabba n-natura kummerċjali tagħhom.

Segretarju Parlamentari għall-Kompetitività u Tkabbir Ekonomiku – konsulenti legali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni li qed jagħtu konsulenza legali lill-uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari għall-Kompetitività u Tkabbir Ekonomiku, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu? Kemm qed jitħallsu ta’ dan ix-xogħol? Jista’ jpoġġi l-kuntratti tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 4603.

apparat elettromanjetiku — sorveljanza

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' sorveljanza jew protocols jeżistu rigward l-użu, l-istallar, il-manutenzjoni u l-exposure hazard għall-pubbliku inġenerali vis-à-vis apparat elettromanjetiku?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninsab infurmat li din l-Awtorita’ implimentat programm ta' moniteraġġ ta' emissjonijiet elettromanjetiċi li jiġi esegwit matul is-sena kollha. Dan tagħmlu sabiex taċċerta ruħha li l-emissjonijiet minn apparat tat-telekomunikazzjoni huma dejjem taħt il-limitu stabbilit fil-liġi. Dan il-limitu huwa dak hekk kif ġie ippublikat mill-''International Commission on Non-Ionising Radiation Protection'' (ICNIRP). Is-sena l-oħra biss, din l-Awtorita’ għamlet 276 EMF audit madwar Malta u Għawdex, li kienu jinkludu fost l-oħrajn; kejl ta' emissjonijiet minn apparat tat-telefonija ċellulari, minn apparat ta' stazzjonijiet tar-radju, kif ukoll minn apparat ta' stazzjonijiet tat-televiżjoni. Mit-total ta' 276 EMF audit, 241 minnhom saru minn postijiet pubbliċi li huma aċċessibli għal pubbliku in ġenerali, filwaqt li 35 oħra saru minn postijiet privati wara t-talba minn sid il-propjeta biex issir EMF audit mill-proprjeta privata tiegħu. Din is-sena, sa l-aħħar ta' Settembru, diġa’ saru aktar minn 250 EMF audit, u l-ebda riżultat ma' qabeż il-limitu hekk kif stabbilit fil-liġi.

nail parlours

Question

Jista' l-Ministru jghid kemm infetħu nail parlours dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (CARDONA, CHRIS)

Il-Leġislazzjoni Sussidjarja 441.07 Regolamenti dwar il-Liċenzi tal-Kummerċ ma tikklassifikax il-nail parlours f’Kodiċi tat-Tip separata. Normalment dawn ikunu klassifikati taħt il-Kodiċi tat-Tip 93.022 (Tip ta’ Liċenza - Attivitajiet ta’ trattament tas-sbuħija). Ninsab infurmat li f’dawn l-aħħar għaxar snin id-Dipartiment tal-Kummerċ ħareġ 490 liċenzja ta’ postijiet kummerċjali taħt din il-Kodiċi tat-Tip 93.022, kif ġej: 2004 – 38 2005 – 40 2006 – 55 2007 – 41 2008 – 42 2009 – 49 2010 – 41 2011 – 66 2012 – 59 2013 – 59 Total – 490 Minn dawn, 41 kienu ddikjaraw fl-applikazzjoni li kienu ser iwettqu xogħol ta’ nail technician/nail artist kif ġej: 2004 – 0 2005 – 2 2006 – 7 2007 – 2 2008 – 3 2009 – 3 2010 – 2 2011 – 8 2012 – 4 2013 – 10 Total – 41

servizz tat-telefown — premium numbers attivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn premium numbers attivi (numri speċjali li jintbagħtu b'SMS jew b'telefonata) għal skop ta' donazzjoni jew skop kummerċjali? Kemm minnhom jintużaw għal skopijiet kummerċjali kif ukoll għal donazzjonijiet?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninsab infurmat li l-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni tixtieq tikkonferma li l-figuri approssimattivi għan-numri “ premium ” li kienu attivi sal-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena, kienu madwar 125 numru utiliżżati għal skopijiet ta’ natura kummerċjali, u madwar 150 numru li kienu qegħdin jiġu utiliżżati għal skopijiet ta’ donazzjonijiet. L-operat ta’ dan is-servizz ma jippermettix li l-istess numru jiġi ntużat fl-istess ħin għal skopijiet kummerċjali kif ukoll għal donazzjonijiet. Il-figuri msemmija hawn fuq huma approssimattivi minħabba n-natura u l-operat tas-servizz "premium" fih innifsu. Hemm bosta fatturi li jaffettwaw l-użu u d-domanda għal dan is-servizz fosthom; il-perijodu tas-sena, attivitajiet kummerċjali u promozzjonali u avvenimenti lokali kif ukoll internazzjonali. Għaldaqstant, il-figuri dejjem jinbidlu minn xahar għal xahar.

servizz tat-televiżjoni — subscribers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il klijent hawn li huwa subscriber tas-servizz tat-televiżjoni? Jista’ jagħti lista ta' subscribers għal kull sena bejn 2008 -20131 sa Ġunju 2013?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninsab infurmat li n-numru totali ta’ subscribers għal servizz ta’ televiżjoni fl-aħħar ħames snin huwa kif rapportat fit-tabella segwenti: 2009 2010 2011 2012 2013 139,336 143,752 149,727 147,896 149,049

kumpaniji diġitali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn kumpaniji diġitali li qed jagħmlu użu mill-hosting, server farms u co-locations ġewwa pajjiżna? Kemm minn dawn huma reġistrati mal-Awtorità tal-Logħob u l-Lotteriji (LGA)? Minħabba n-natura ta' data protection u sigurtà ta' dan it-tip ta’ hosting u servizz, mhux qed nistaqsi min huma il-kumpaniji jew ma' liema operatur huma klijenti.

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninsab infurmat li l-Awtorità dwar il-Lotteriji u l-Logħob (LGA) għandha 229 kumpaniji diġitali reġistrati li qed jagħmlu użu mill-hosting, server farms u co-locations ġewwa pajjiżna.

Konferenza Italy and Malta Oil and Gas Summit 2013 — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-involviment tal-Gvern Malti (u l-konsulenti tiegħu, inkluż ex konsulenti) fl-organizzazzjoni tal-Konferenza Italy and Malta Oil and Gas Summit 2013?

Response (CARDONA, CHRIS)

Mhux infurmat li kien hemm konsulenti mill-Ministeru tiegħi.