Jista' l-Ministru jgħid jekk il-vot ta' tmexxija ta' St. James Cavalier hux se jitħallas taħt il-Ministeru għall-Ambjent?
Kemm hu stmat li se jintnefaq din is-sena għat-tmexxija?
Kemm hu l-pakkett ta' remunerazzjoni li ġie mogħti d-direttur Chris Gatt?
Ġaladarba ċ-ċentru għadu ma nfetaħx x'għamel dan id-direttur sal-lum?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Sa l-aħħar ta' din is-sena l-ispejjeż għat-tmexxija ta' St. James Cavalier qed jitħallsu mill-voti tal-Ministeru tiegħi.
Għad mhux magħruf kemm se tkun in-nefqa għal din is-sena.
Il-pakkett ta' remunerazzjoni tas-Sur Chris Gatt, bħala Executive tal-Proġett, huwa ta' Lm8392. fis-sena, flimkien mal-Bonus ta' nofs is-sena u tal-Milied. Huwa ntitolat ukoll Lm50. petrol allowance fix-xahar.
Dan l-Executive ħa ħsieb il-ftuħ uffiċċjali taċ-Ċentru u qed jippjana, flimkien ma' l-awtoritajiet konċernati, programm ta' xogħol, esebizzjonijiet u affarijiet oħra li se jibdew minn Settembru li ġej.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallas il-perit Richard England sal-lum għax-xogħol ta' St. James Cavalier? Kemm tħallas għal proġett ta' Bieb il-Belt?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Perit England s'issa tħallas is-somma ta' Lm166,967. fuq il-proġett ta' St James Cavalier matul il-ħames snin minn mindu beda l-proġett.
L-istess perit tħallas Lm65,900. fuq il-proġett ta' Bieb il-Belt.
Iż-żewġ somom jinkludu t-taxxa tal-VAT u CET.
Jista' l-Ministru jara li jsir tindif mill-ħaxix ħażin fejn l-oqbra li hemm fi Triq il-Vittmi tax-Xogħol, Raħal Ġdid?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultat ta' l-ewwel fażi ta' l-istudju li kellu joħroġ sa l-aħħar ta' Ġunju mill-kumpannija Ingliża biex tiġi stabilita b'mod xjentifiku l-oriġini tat-trab iswed li qed ikun ta' inkonvenjent kbir għar-residenti tal-Kottonera, Fgura u l-area ta' madwar?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Bil-għan li l-perjodu ta' l-istudju jinkludi parti mis-sajf, bi qbil mal-konsulent Ingliż, il-perjodu ta' l-istudju ġie kemmxejn estiż.
Dan ifisser li r-rapport hu mistenni li jkun jista' jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra sa l-aħħar ta' Settembru.
Jista' l-Ministru jara li mill-aktar fis jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex il-biċċa art kantuniera ma' Triq Karlu Moratta u Triq Anglu Mangion ġewwa Tarxien, liema art hija mimlija munzelli ta' żibel u terrapien u bejta ideali u reali ta' għexieren ta' ġrieden, tiġi mnaddfa u occorendo jittella' ħajt jew ċint biex ma jibqax jintrema' żibel?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-biċċa art kantuniera ma' Triq Karlu Moratta u Triq Anġlu Mangion ġewwa Tarxien, hija propjeta' privata u għalhekk il-Gvern ma jistax jagħmel direttament hu l-intervent propost mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jara li jsir il-kordinament meħtieġ sabiex titnaddaf it-triq prinċipali tal-Baħrija mill-ħaxix ħażin mal-ġnub tat-triq? Jekk fl-affermattiv meta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu x-xogħlijiet ta' estensjoni tad-drenaġġ fil-Baħrija? Meta se jibdew u meta se jkunu lesti? Peress li l-bżonn ta' l-estensjoni tad-drenaġġ fil-Baħrija issa sar urġenti, jista' l-Ministru jara x'jista' jsir sabiex dawn ix-xogħlijiet jiġu approvati u mwettqa bla aktar dewmien?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Waqt li nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 7269, 12663 u 15452, ninsab infurmat li dawk l-estensjonijiet kollha li jistgħu jiġu mqabbda mas-sentina tal-Baħrija qegħdin inqabduhom.
Preżentament bdejna xogħol ta' taħfir biex l-aħħar estensjoni titqabbad.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi sabiex il-ħaddiema li qed jaħdmu fuq il-proġett tal-promenade ta' Tas-Sliema u li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu jitħallsu ta' l-overtime peress li dawn ilhom ma jitħallsu tiegħu għal madwar tliet xhur?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-overtime tal-ħaddiema li qed jaħdmu fuq il-proġett tal-promenade ta' tas-Sliema qiegħed fil-proċess li jitħallas matul dan ix-xahar, minbarra numru żgħir ta' ħaddiema.
Dan l-overtime ta' l-aħħar hu mistenni li jitħallas matul ix-xahar id-dieħel.
Jista' l-Ministru jagħti aktar dettalji dwar it-talba li saret lill-EIB għal finanzjament tax-xogħol li jrid isir f'Bieb il-Belt?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li saru diskussjonijiet ma' l-EIB fejn ġew spjegati d-dettalji kollha inkluż il-'costings', għall-konsiderazzjoni tagħhom, u biex jagħmlu proposta f'dan ir-rigward lill-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk li applikaw biex jattendu għall-eżami għall-Permessi tal-Bini mill-1990 sal-lum? Kemm minnhom għaddew mill-eżami?
Jista' l-Minsitru jara li jinqata' l-ħaxix ħażin li hemm f'Wied Blandun, Paola/Fgura sabiex jiġi evitat li jaqbad xi nar minħabba l-kwantita' ta' ħaxix ħażin li hemm?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 17424 (Seduta 332).
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 16800 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u cioe': Jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet li għalihom tneħħiet il-funtana tal-pjazza ta' Buġibba? Meta tneħħiet u għaliex baqgħet ma twaħħlitx lura? Jista' l-Ministru jara li jsir il-kordinament meħtieġ mad-dipartimenti jew il-kuntratturi konċernati ħalli għas-sajf li ġej tkun ġiet imwaħħla mill-ġdid? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-funtana tneħħiet minħabba li din tista' tibqa' biss fil-baħar bejn Mejju u Settembru minħabba l-maltemp. Tneħħiet f'Settembru 1999.
Il-kordinament sar bejn it-Taqsima tax-Xogħlijiet u l-M.D.S. Il-funtana tniżlet lura fil-baħar fl-aħħar ta' Mejju ta' din is-sena u jien infurmat li issa bdiet tiffunzjona.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ministeru tiegħu ikkummissjonax xi economic impact assessments dwar is-sħubija prospettiva ta' Malta fl-Unjoni Ewropea? Jekk iva, x'terms of reference kellhom? Minn min saru? X'kienu s-suġġetti ittrattati?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Iva, il-Ministeru għall-Ambjent ikkummisjona diversi economic impact assessments:
Dawn huma kif jidhru f'Lista Numru 1 li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
It-terms of reference tagħhom huma kif jidhru f'Lista Numru 2 li wkoll qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
It-terms of reference saru mill-uffiċċjali tad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent responsabbli mis-suġġetti trattati.