Legislature:
Category:
Reset
Active:

MEPA — H'Attard

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux se jitneħħa l-ġnien li hemm biswit il-knisja, quddiem il-każin tal-MLP, f'H'Attard u jsir parkeġġ minflok? Hemm bżonn permess tal-MEPA? Jekk fl-affermattiv, hemm xi applikazzjoni għal dan ix-xogħol?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Hemm bżonn permess ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għall-iżvilupp kif deskritt mill-Onor. Interpellant iżda s'issa ma jidhirx li ġiet sottomessa applikazzjoni f'dan ir-rigward.

Tħawwil ta' siġar

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' siġar, magħrufa bħala Guda's Tree, li tħawwlu matul l-aħħar sena, 2005? Billi dawn is-siġar f'dawn iż-żmenijiet tas-sena joffru kulur sabiħ, jista' il-Ministru jara li jitħawwlu aktar fis-soft area u landscaping ieħor li jsir fil-lokalitajiet ta' Malta u Għawdex?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li fis-sena 2005 tħawlu diversi siġar magħrufa bħala Judas Trees fit-toroq u soft areas. Dawn kienu fi pjan biex jitħawlu aktar siġar endemiċi Maltin fosthom din is-siġra. Minn naħa tas-Sezzjoni tal-Parks, Afforestazzjoni u Restawr tal-Kampanja fi ħdan dan il–Ministeru fis-sena 2005 ġew imħawlin : Cercis Siliquestrum (Judas Tree) - 99 Cercis Siliquestrum Alba - 2 Cercis Siliquestrum forest pensi - 6 Total ta’ 107 Judas Trees.

MEPA — Attard

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx bżonn permess tal-MEPA sabiex il-playing field li hemm wara blokk A1 tal- housing estate tal-gvern f'H'Attard titneħħa u minflok isir parkeġġ? Jekk fl-affermattiv, hemm xi applikazzjoni għal dawn ix-xogħlijiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika, permezz ta’ site plan, il-post eżatt li qed jirreferi għalih.

Fishfarms

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru totali ta' ħaddiema li qed jaħdmu mal-fishfarms f'Malta u Għawdex? Kemm minn dawn huma Maltin u kemm barranin? Kemm hawn fishfarms f'Malta u Għawdex u fejn huma? Kemm hu stmat li ħallew revenue dawn il-fishfarms u x'kien ir-revenue li minnu gawda u qed igawdi l-pajjiż? Jista' il-Ministru jirrispondi għad-domanda fid-dettall?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni qed tinġabar.

Wied il-Għajn — Impjant ta' riċiklaġġ

Question

Peress li fl-aħħar elezzjonijiet tal-kunsilli lokali r-residenti ta' Wied il-Għajn bl-aktar mod ċar urew li ma jridux l-impjant tar-riċiklaġġ u proġett ta' agrikoltura, iħoss il-gvern li għandu jirrispetta din id-deċiżjoni tar-residenti u flimkien mal-kunsill u l-kumitati interessati jiddiskuti biex tinstab soluzzjoni li tkun aċċettabbli għall-gvern u r-residenti? Peress li l-gvern jiddikjara li jemmen fid-djalogu, jista' jgħid jekk iddjalogax mar-residenti ta' Wied il-Għajn u r-rappreżentanti tagħhom dwar l-impjant ta' Wied il-Għajn qabel ma ttieħdu d-deċiżjonijiet li l-impjant jibqa' u jikber f'Wied il-Għajn? Jekk il-gvern iddjaloga, x'kien ir-riżultat ta' dan id-djalogu? Peress li jidher ċar li r-residenti ta' Wied il-Għajn huma kontra li l-impjant tar-riċiklaġġ jibqa' fejn hu peress li qed ikerrah u jnitten id-dħul tal-villaġġ għad-dannu ta' l-iżvilupp u l-kummerċ f'Wied il-Għajn, x'widen lest li jagħti jew qed jagħti l-gvern lix-xewqat tar-residenti ta' Wied il-Għajn?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nittama li l-Onor. Interpellant huwa konxju li r-residenti vvutaw għall-membri tal-Kunsill Lokali u mhux f’referendum fuq xi issue/s partikolari. Ninforma lill-Onor. Interpellant l-ewwel nett li diġa għidna diversi drabi li l-Impjant ta’ Sant’Antnin f’Wied il-Għajn mhux se jikber iżda se jkun irranġat, sabiex jegħleb dawk il-problemi li qed jiltaqgħu magħhom ir-residenti. Dwar djalogi, saru laqgħat ta’ konsultazzjoni u informazzjoni kemm mal-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn, kif ukoll mal-pubbliku. Ir-riżultat ta’ dawn il-laqgħat kienu oppożizzjoni għamja għall-proġett minn naħa tal-Kunsill, filwaqt li fil-laqgħa pubblika kelli nkun skortat mill-pulizija minħabba l-abbuż verbali, għajjat u tgħajjir li sofrejt jiena personalment. Il-Gvern dejjem lest jiddiskuti sabiex tinstab soluzzjoni aċċettabbli, iżda l-Gvern huwa wkoll responsabbli mid-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu fl-interess nazzjonali. Barra minn hekk il-Gvern emenda l-proposta finali tiegħu a bażi ta’ kummenti validi li kien hemm fir-rapport tekniku li l-Kunsill Lokali ta’ M’Scala kkummissjona mingħand il-Profs. Alfred Vella. Ma nafx b’xi proġetti ta’ agrikoltura li huma kontroversjali f’M’Scala.

Kwestjonarju dwar iz-zona ta' l-Akwakultura

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 18084, jista' il-Ministru jgħid kemm-il kwestjonarju dwar iz-zona ta' l-akwakultura ntbagħtu lir-residenti, lill-enti kummerċjali f'Wied il-Għajn u lil persuni li ma joqogħdux f'Wied il-Għajn ? Kemm irrispondew f'kull każ (numru mhux persentaġġ)?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-kwestjonarju dwar iz-Zona ta' l-Akwakultura intbagħat lir-residenti u lill-entitajiet kummerċjali f'Wied il-Għajn. F'dan l-eżercizzju tqassmu ftit aktar minn 4,000 fuljett (3,978 lid-djar u 365 lill-entitajiet kummerċjali ta' Marsascala) li kien jagħti wkoll spjega sommarja tal-proġett. Barra minn dawn tqassmu wkoll ftit inqas minn 500 fuljett ieħor lill-Għaqdiet mhux governattivi, lis-sajjieda u lil kull min interessa ruħu fih meta żar l-esibizzjoni pubblika li kienet inżammet il-Jerma Hotel. Minn dawn in-numri kollha 132 residenti jew entitajiet kummerċjali ġo Wied il-Għajn wieġbu l-kwestjonarju, u 25 tweġiba oħra waslu minn għand l-Għaqdiet mhux Governattivi, jew persuni li mhumiex residenti f'Wied il-Għajn. Il-perċentwali li ngħataw fit-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari Nru 18084 huma kkalkolati fuq in-numru ta' tweġibiet li waslu lura. Ta’ min igħid li dan il-kwestjonarju ma kenx obbligatorju bħala parti mill-proċess ta’ l-Environment Impact Assessment (EIA) iżda kien intiż biex jagħti lir-residenti opportunità oħra sabiex jagħtu l-opinjoni tagħhom permezz ta’ dan il-kwestjonarju.

Wied il-Għajn — Impjant ta' riċiklaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru totali ta' nies li jaħdmu full time u part-time ġewwa l-impjant tar-riċiklaġġ f'Wied il-Għajn? Kemm minn dawn huma ta' nazzjonalita' Maltija u kemm huma ta' nazzjonalita' barranija? Minn liema pajjiżi huma dawk ta' nazzjonalita' barranija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li hemm 48-il persuna full-time u 2 apprentisti jaħdmu fl-impjant ta' Sant'Antnin, u li huma ta' nazzjonalità Maltija. Ma’ dawn hemm ukoll 14-il persuna barranija li qed jassistu fl-immaniġġjar ta' dan l-Impjant, u jiġu kkumpensati billi tingħata donazzjoni lill-Kummissjoni ta' l-Emigranti. In-nazzjonalità ta' dawn il-persuni huma hekk:- 5 mis-Somalia 5 mill-Liberia 2 minn Mali 1 minn Sierra Leone 1 mill-Eritrea

Impjant tar-riċiklaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-area totali u l-aktar punt għoli li jokkupa bħalissa l-impjant tar-riċiklaġġ f'Wied il-Għajn? X'area u x'għoli massimu se jkun jokkupa meta jkun lest l-impjant il-ġdid kif approvata mill-MEPA? Minn min kien kompost il-bord li ta parir lill-gvern biex l-impjant ta' Sant'Antnin jibqa' Wied il-Għajn? X'kienu r-raġunijiet li taw? Jistgħu jiġu elenkati waħda waħda? Minn min kien kompost il-bord li studja siti alternattivi f'Malta għal bini ta' impjanti ta' riċiklaġġ barra dak ta' Wied il-Għajn? X'kienu t-terms of reference li l-gvern ta lil dan il-bord?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-area ta’ l-impjant ta’ Sant’ Antnin, kemm dik mibnija kif ukoll l-art annessa magħha, tammonta għal 4.5 ettari u mhux maħsub li l-footprint ta’ l-impjant tiġi estiża. L-għola bini li hemm fl-impjant huwa l-blokk fejn illum qed jirċievi l-iskart. Peress li din il-binja ħa tibqa’ tintuża biex tilqa’ l-iskart, hu maħsub li l-għola bini jibqa’ l-istess. Fl-istrateġija li ġiet ppublikata f’Ottubru 2001 (task D1O) kien hemm qbil li l-impjant għandu jiġi mmodernizzat biex jirċievi volum akbar ta’ skart kif ukoll ta’ l-isludgeli għandu jirriżulta mill-impjanti kollha tad-dranaġġ. Din l-istrateġija kienet ġiet iffinalizzata wara konsultazzjoni wiesgħa ma’ kull minn seta’ kien ikkonċernat. Ma nħatru l-ebda Bordijiet uffiċjali dwar din il-kwistjoni għaliex l-evalwazzjoni ta’ siti alternattivi ffurmat parti integrali mill-proċess ta’ l-Environment Impact Assessment (EIA) li huwa rregulat bil-liġi.

Entratura tal-Belt Valletta

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jittieħdu xi passi biex tissebbah l-entratura tal-Belt Valletta biex tidher aktar attraenti kemm għall-Maltin kif ukoll għat-turisti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

ELF446/01 u ELF447/01

Question

B'riferenza għall-ELF446/01 u ELF447/01 jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li: (a) sal-lum l-ebda passi għadhom ma ttieħdu; (b) illi nonostante l-garages li nbnew, dawn issa anke ġew mogħtija saqaf u l-ebda passi ma ttieħdu; c) illi dawn l-istess garages qegħdin jintużaw illegalment bħala farm għat-tkabbir tat-tiġieġ; d) iddaħħal fl-istess garage, b'mod illegali, id-dawl?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li ż-żewġ Avviżi tat-Twettieq indikati kienu nħarġu separatament kontra persuni li allegatament kienu bnew l-istrutturi 'msemmija. Wieħed miż-żewġ każi (ECF 446/01) kien ġie inkluż fil-lista t'azzjoni diretta wara li l-persuna kkonċernata naqset li tobdi l-Avviż notifikat lilha. Għalkemm dan il-garaxx jidher li hu abbandunat u mhux użat, tpoġġielu saqaf bi ksur ta' l-istess Avviż. Dan il-fatt ser jiġi nnutat u il-każ ser jibqa' inkluż fil-lista ta’ l-azzjoni diretta meta l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tkun tista' taġixxi billi tneħħi l-istruttura imsemmija għas-spejjeż tal-persuna responsabbli. Il-garaxx l-ieħor (ECF 447/01), li dak iż-żmien kien għadu pedamenti, kien twaqqa' iżjed tard u dan skond kif ġie stabbilit minn spezzjoni li saret riċentament. Dan il-każ ser jingħalaq. Ma jirriżlutax li l-Awtorità ħarġet xi compliance certificate għal xi struttura li ġiet indikata f'din l-interpellanza, sabiex jiddaħħal servizz ta' dawl u ilma. Irid jingħad li dawn l-istrutturi jagħmlu parti minn kumpless ikbar li primarjament qed jintuża għat-trobbija ta' l-annimali minn diversi persuni. F'dan ir-rigward ser issir investigazzjoni separata dwar il-legalità ta' dan l-iżvilupp sabiex ikunu jistgħu jittieħdu l-passi t’infurzar neċessarji jekk ikun meħtieġ.

Magħtab

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex fix-xogħol li qed isir fl-inħawi ta' Ħammut fil-Magħtab għall-iskart ma jinqerdux u jindifnu taħt it-terrapien madwar 50 ħarruba?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li mhuwiex il-ħsieb tal-kumpanija WasteServ Malta Ltd li dik il-parti li qed isemmi l-Onor. Interpellant tiġi mmaniġġjata għad-depożitu ta' l-iskart u għalhekk dawk is-siġar mhumiex ser jiġu mirduma.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Xiri/Kiri ta' Proprjeta'

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu, awtoritajiet u kull ente li taqa' taħtu mill-2005 sal-lum xtrawx u/jew krewx u/jew ħadu b'ċens xi proprjeta' mis-settur privat? Jekk fl-affermattiv, meta u b'liema titolu? Ħarġet sejħa għall-offerti? Mingħand min akkwistaw din il-proprjeta'? Għal liema raġuni akkwistaw din il-proprjeta'? Jista' jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt jew tal-ftehim?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li mill-2005 sal-lum, il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent la xtara u lanqas ħa b’ċens proprjetà mis-settur privat. Mill-2005 sal-lum l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ma daħlet fl-ebda arranġament għall-xiri, kiri jew ċens ta' propjetà mis-settur privat. Ninsab ukoll infurmat li mill-2005 sal-lum il-kumpanija Wasteserv Malta Ltd kriet propjetà f’Għawdex biex tintuża bħala uffiċċju mill-impjegati ta’ l-istess kumpanija. Id-data ta’ meta bdiet il-kirja hija l-1 ta’ Awissu 2005, bit-titolu ta’ kirja. Is-sejħa għall-offerti ħarġet fit-28 ta’ Mejju 2004 bit-titolu ta’ ‘Leasing of premises in Gozo to be used as offices by WasteServ Malta Ltd’. Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija ta’ natura kummercjali u ghaldaqstant ma nħossx li l-Ministeru ghandu jxandar dawn id-dettalji.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Mobile Phones

Question

Jista' il-Ministru - kif ġentilment għamel il-Prim Ministru - jagħti tagħrif dwar l-infiq tal-ministeru, korporazzjonijiet, azjendi, enti u dipartimenti li jaqgħu taħtu, fuq mobile phones fis-sena 2005?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-infiq tal-Ministeru u tad-Diviżjonijiet u d-Dipartimenti li jaqgħu taħtu fuq mobile phones fis-sena 2005, kien Lm 30,715.27. L-ispiża totali li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għamlet fuq mobile phones matul is-sena 2005 tammonta għal Lm 13,470. L-ispiża totali li għamlet il-kumpanija Wasteserv Malta Co Ltd fuq mobile phones matul is-sena 2005 kienet ta' Lm 5,771.30.

Żwejra — Qtugħ ta' Blat

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm se jħallas il-kuntrattur li qed jieħu l-blat li qed jaqta' mill-inħawi taż-Żwejra għall-engineered landfill li se jsir fl-inħawi tal-Magħtab?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li dan il-bejgħ ta' blat sar permezz ta' tender li għandha rakkomandazzjoni li dan jinbiegħ bir-rata ta' Lm1.53, VAT inkluża.

MEPA — Sptar Sir Paul Boffa

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17715, jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li dan il-bini mhuwiex skedat? Jista' jgħid jekk saritx xi evalwazzjoni ta' dan il-post mill-MEPA minn meta twaqqfet fl-1992 'il hawn? Jekk fl-affermattiv, jista' ipoġġi kopja ta' dawn id-dokumenti fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-bini ta' l-Isptar Sir Paul Boffa għadu ma ġiex skedat iżda dan il-proċess ser jibda dalwaqt. Ta’ min iżid, però, li studji fuq dan il-bini nnifsu għadhom qatt ma saru mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) minħabba li s'issa għad ma kienx hemm talba għall-iskedar. F'każ li dan il-bini jiġi propost għall-iskedar, ikun hemm bżonn li jsiru studji u ġbir ta' informazzjoni qabel jitressaq quddiem il-bord ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għall-aprovazzjoni.

Tas-Sliema — Chalet

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'sar mill-proġett għall-iżvilupp tax-Chalet? Meta mistenni jitwaqqa'? Kemm mistennija tkun l-ispiża?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Xewkija — Waste Transfer Station

Question

B'riferenza għall-waste transfer station l i l-gvern beħsiebu jagħmel fix-Xewkija, jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proċess?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-proċess ta’ l-applikazzjoni għall-iżvilupp tat-'transfer station' qed tiġi pproċessata mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Il-proċess ta’ l-istudju dettaljat dwar l-impatti ambjentali (EIA) ġie konkluż u issa qed jitkompla l-ipproċessar ta’ l-applikazzjoni mid-Direttorat ta’ l-Ippjanar.

MEPA

Question

Jista' il-Ministru ġentilment ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni li ntalbet f'mistoqsija parlamentari 17590 fis-seduta 361 tas-6 ta' Marzu 2006 u liema informazzjoni kellha titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra skond it-tweġiba 18006 fis-seduta 370 tas-27 ta' Marzu, 2006?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. B’mod ġenerali l-maġġor parti ta’ l-ipproċessar ta’ dawn l-applikazzjonijiet qiegħed fi stadju avvanzat.

Isla — Arloġġ

Question

Jista' il-Ministru, permezz tal-MEPA, jara min hu responsabbli għall-istat inaċċettabbli li jinsab fih l-arloġġ ta' l-Isla?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ser nitlob lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) sabiex, flimkien ma’ Heritage Malta, jikkunsidraw l-aħjar passi li jistgħu jittieħdu.