Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kumpanija Proximus hijiex tagħmel xi xogħol ta' relazzjonijiet pubbliċi jew xogħol ieħor relatat mal-Ministeru tiegħu, jew xi kumpanija, agenzija jew entita oħra li taqa' taħt ir-responsabilita' tiegħu?
Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid: X'inhu t-tip ta' xogħol? Kif saret l-għażla tal-kumpanija? Jekk saritx sejħa għall-offerti jew inkella ingħatax b'direct order? Meta l-entita' bdiet tagħmel użu mis-servizzi ta' din il-kumpanija? Xi ħlas sar lil din il-kumpanija min mindu din ingħatat ix-xogħol? Xi ħlas mistenni jkun dovut lil din il-kumpanija fit-12 il-xahar li ġejjien? Xi ħlas mistenni jkun dovut lil din il-kumpanija sat-terminu tal-kuntratt, fejn huwa l-każ? Xi inhuwa it-terminu tal-kuntratt fejn huwa l-każ?
Response (BORG, JOE)
Jien infurmat li l-kumpanija Proximus mhiex tagħmel xogħol ta` relazzjonijiet pubbliċi jew xi xogħol ieħor relatat mal-Ministeru tiegħi jew mal-MIC.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm investigazzjoni dwar id-diplomatic bag ta' xi ambaxxata Maltija? Meta saret l-investigazzjoni? X'irriżulta? U x'passi ttieħdu jekk kien hemm xi abbuż?
Response (BORG, JOE)
Minn indaġni li l-Ministru tiegħi għamel, ma rriżultax li qed isir abbuż mill-valiġġa diplomatika ta' xi Ambaxxata Maltija. Għaldaqstant, ma kienx hemm ebda ħtieġa li ssir xi investigazzjoni. Jekk l-Onorevoli Interpellant għandu x'informazzjoni speċifika, nitlobu jgħaddhieli, sabiex inkun nista` nagħmel l-indaġnijiet neċessarji.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa ż-żjara fostna tal-Prim Ministru Irlandiż? Jista' jgħid fiex kien jikkonsisti l-infiq?
Response (BORG, JOE)
Żjarat fil-livell ta' Prim Ministru huma koordinati mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Il-Ministeru tiegħi kien responsabbli li jipprovdi għat-trasport kollu matul iż-żjara tal-Prim Ministru Irlandiż. In-nefqa totali għal dan is-servizz kienet tammonta għal LM1,479.45.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 26845?
Response (BORG, JOE)
Minħabba fil-kobor ta' din id-diżgrazzja fatali, sar sforz komuni bejn l-Italja, l-Greċja u Malta biex l-investigazzjonijiet li għadhom sejrin jagħtu r-riżultat mixtieq. Nixtieq nassigura lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għadu qed jagħti kontribut siewi skond il-ħtieġa fir-rigward ta' din it-traġedja.
Għar-rigward tat-tieni parti tal-mostoqsija nixtieq nassigura lill-Onorevoli Interpellant li l-awtoritajiet kompetenti dejjem jieħdu in konsiderazzjoni kull informazzjoni rilevanti għall-investigazzjonijiet tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma iż-żjarat prospettivi ta' uffiċjali tal-Gvern Malti f'pajjiżi barranin, inkluż il-President tar-Republika?
Response (BORG, JOE)
Iż-żjarat prospettivi li l-Ministeru tiegħi huwa involut fihom huma kif ser jingħad:
- Id-Direttur responsabbli għall-affarijiet multilaterali ser jipparteċipa fl-Annual General Conference of the International Atomic Energy Agency fi Vienna;
- Jien ser nakkompanja lill-Prim Ministru fil-Commonwealth Heads of Government Meeting fi Brisbane;
- Ser nattendi għall-Committee of Minister's Session of the Council of Europe fi Strasbourg;
- Ser nattendi għan-Ninth Ministerial Council Meeting of the OSCE fi Vienna;
- Ser nakkumpanja lill-Prim Ministru għall-EU Summit fi Brussell;
- Id-Director Policy tal-EU Directorate ser jattendi għall-EU Political Directors Meeting fi Ljubljana;
- Żewġ uffiċċjali tal-EU Directorate ser jattendu għat-TAIEX Round Table on Databases fi Brussell;
- Uffiċċjali tal-Ministeru ser jattendu għall-Political Dialogue Meetings li jinżammu fi Brussell dwar dawn it-temi:
i) The EU and the UN;
ii) The EU and Human Rights;
iii) The EU and Arms Exports;
iv) The EU and the OSCE;
v) The EU and non-proliferation.
- Ser nattendi għall-Gymnich Meeting f'Genval, Belgium;
- Ser nattendi għall-United Nations General Assembly fi New York;
- Ser nieħu sehem fil-Foro Formentor f'Majorca;
- Ser nattendi EuroMed Ministerial Meeting fi Brussell;
- Ser nindirizza l-Joint Parliamentary Committee fi Brussell.
Nixtieq inżied li dawn huma oltre iż-żjarat statali w uffiċċjali fejn jien nakkompanja lill-President jew lill-Prim Ministru. Dawn iż-żjarat jiġu mħabbra fi żmien opportun.
Għal dak li jirrigwarda żjarat prospettivi minn Ministeri oħra, l-Onorevoli Interpellant għandu jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeri konċernati.
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema bażi ġie deċiż li l-Gvern ma jagħtix każ ta' l-oggeżżjoni tal-GRTU li ċittadini tal-UE jitħallew jiftħu negozji u ħwienet f'Malta jekk Malta tidħol fl-UE?
Fuq liema studju bbaża d-deċizjoni tiegħu l-Gvern? X'effett jistenna li se tħalli d-deċiżjoni tiegħu?
Response (BORG, JOE)
Id-deċiżjoni tal-Gvern li ma jitlob ebda arranġament speċjali jew perjodu transizzjonali f'dan ir-rigward kienet meħuda wara diversi konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati u bl-approvazzjoni tal-MEUSAC.
Ta' min wieħed jgħid li l-esperjenza ta' pajjiżi oħra li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea wriet biċ-ċar li l-liberaliżżazzjoni tas-suq tas-servizzi wasslet għal benefiċċji sinjifikanti għall-pajjiżi kkonċernati. Il-Gvern huwa konvint, li bl-istess mod, l-ekonomija Maltija tmur il-quddiem bil-liberaliżżazzjoni tas-suq tas-servizzi. Ta' min wieħed ifakkar ukoll li kwalunkwe persuna jew ditta li tkun trid tistabbilixxi ruħha f'Malta jkollha ssegwi l-istess proċeduri, tottjeni l-istess permessi, tkun soġġetta għal istess taxxi u ħlasijiet oħra bħal persuni jew ditti Maltin, mingħajr ma jkollhom l-għarfien tas-suq lokali u l-esperjenza tal-gosti tal-konsumatur li għandhom l-operaturi Maltin.
Jista' l-Ministru jikkonferma li kien hemm ħruq fir-residenza tal-Ambaxxatur Malta f'Washington? Meta sar dan il-ħruq? Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin kien infurmat minn xhur ilu wara ħruq f'inħawi simili minħabba problemi fis-sistema tad-dawl? X'passi ttieħdu wara r-rapporti dwar il-problemi fl-inħawi?
Response (BORG, JOE)
Nikkonferma li nhar l-Erbgħa 11 ta' Lulju madwar it-tmienja u nofs ta' fil-għodu kien hemm ħruq żgħir fir-residenza ta' l-Ambaxxatur ikkawżat minn difett elettriku li żviluppa fil-cooling system tar-residenza.
Għar-rigward tat-tielet u r-raba parti tal-mistoqsija, nixtieq ngħid li f'Ottubru 2000 il-Ministeru kien ġie mgħarraf li kien hemm ħtieġa ta' xogħolijiet ta' manutenzjoni nklużi dawk ta' l-elettriku u plumbing. Fil-fatt il-Ministeru ħa ħsieb li tiżdied l-allokazzjoni ta' fondi, li minn LM5,700 fis-sena 2000 żdiedet għal LM9,000 għas-sena finanzjarja kurrenti u diġa f'Ġunju li għadda ngħatat l-awtoriżżazzjoni meħtieġa biex isiru diversi xogħolijiet ta' manutenzjoni fir-residenza. Inoltre qed jittieħdu passi biex jiġu determinati x-xogħolojiet meħtieġa fis-sistema ta' l-elettriku.
Jista' l-Ministru jinfurmani bil-progress dwar il-linja ta' gwida li kellhom jiġi stabbiliti bejn il-Ministeru u l-Ambaxxata ta' l-Eġittu u l-Libja f'Malta dwar proċeduri li japplikaw bħala kundizzjoni għall-ċittadini rispettivi meta jidħlu fil-gżejjer Maltin?
Response (BORG, JOE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċeduri w ir-regolamenti sabiex ċittadini barranin jidħlu f'pajjiżna huma regolati mill-Att dwar l-Immigrazzjoni. Fix-xhur li għaddew saru diversi taħdidiet, kemm mal-Eġittu u wkoll mal-Libja, bil-ħsieb li titkattar il-ko-operazzjoni fil-qasam tal-immigrazzzjoni. Kien hemm qbil ġenerali biex Malta u l-Eġittu, u Malta u l-Libja jaħdmu mill-qrib ma xulxin sabiex jingħelbu d-diffikultajiet relatati ma abbużi mir-regolamenti dwar l-immigrazzjoni, partikolarment minn immigranti illegali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru bookings u eventwalment inħarġu biljetti għas-safar għal ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mit-22 ta' Ġunju 1999 sal-lum?
Jista' l-Ministru jgħid separatament:
(1) għand liema aġenziji saru dawn il-bookings u mingħand liema aġenziji nxtraw il-biljetti ta' l-ajru;
(2) kull aġenzija kemm tħallset għal dawn il-biljetti;
(3) għal liema destinazzjonijiet inħarġu dawn il-biljetti?
(PQ waslet 6/6/2001)
Response (BORG, JOE)
Jien m'inhiex sodisfatt li l-utilita` ta` l-informazzjoni dettaljata mitluba fil-Mistoqsija Numru 26815 tiġġustifika li nordna li din għandha tinġabar.
Għalhekk sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li l-informazzjoni tinġabar.
Jista' l-Ministru jagħti definizzjoni ta' x'qed jifhem meta jingħad influss kbir ta' ħaddiema minn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid ukoll jekk din tapplikax bl-istess mod għal setturi u oqsma differenti?
Jista' jgħid ukoll min se jiddeċiedi jekk hux influss kbir jew le?
Response (BORG, JOE)
Il-ftehim li ntlaħaq mal-Unjoni Ewropea dwar il-moviment ħieles tal-ħaddiema jgħid li mid-data ta' sħubija Malta se żżomm is-sistema eżistenti tal-permessi tax-xogħol. Il-permessi se jinħarġu awtomatikament għal ħaddiema li huma ċittadini ta' pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea. Madankollu, għal perjodu ta' seba' snin żmien wara sħubija, il-Gvern Malti se jżomm id-dritt li japplika salvagwardji jew limiti fuq id-dritt ta' ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jaħdmu Malta. F'każi ta' influss, jew biża ta' influss, ta' ħaddiema minn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea, sew jekk ġejjin mill-ħmistax il-pajjiż membru eżistenti jew minn dawk ġodda, li jista joħloq effett negattiv ta' natura urġenti jew eċċezzjonali fuq is-suq tax-xogħol f'Malta, il-Gvern Malti jkollu d-dritt kollu li jdaħħal dawn is-salvagwardji billi jissospendi l-applikazzjoni tal-acquis u ma' joħroġx permessi tax-xogħol. Huwa biss wara li jkun ħa din l-azzjoni ta' salvagwardji li l-Gvern jinnotifika lill-Kummissjoni bl-azzjoni li jkun ħa.
Din is-salvagwardja tista tiġi applikata għal settur partikolari jew għas-suq tax-xogħol kollu skond il-bżonn. Huwa l-Gvern Malti illi, minn jeddu, jiddetermina meta u kif għandha tiġi applikata s-salvagwardja. Huwa l-Gvern Malti li waħdu jiddetermina jekk influss joħloqx problemi jew le. Dan jagħmlu skond il-ħtiġijiet u ċirkustanzi tal-mument.
Meta jieħu din it-tip ta' azzjoni, kuntrarjament għal dak li ntqal minn xi wħud, il-Gvern Malti ma' jkunx jista' jittieħed quddiem il-Qorti Ewropea minn xi ħadd li jrid jikkontesta d-deċiżjoni tiegħu. Dan għaliex l-azzjoni tal-Gvern Malti tkun koperta bl-arranġament negozjat kif imsemmi hawn fuq.
Wara li jintemm dan il-perjodu transitorju ta' seba' snin, f'każ li jinqalgħu diffikultajiet fil-futur bil-moviment ħieles tal-ħaddiema, il-Gvern Malti xorta se jkun jista' jressaq din il-kwistjoni quddiem l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni bil-għan li tinstab soluzzjoni. F'dan il-każ, il-Gvern u l-Unjoni Ewropea ifittxu flimkien soluzzjoni fil-qafas ta' l-istituzzjonijiet ta' l-istess Unjoni.
Hija l-fehma tal-Gvern li bit-tisħih tal-ekonomija li ġġib magħha sħubija fl-Unjoni Ewropea, is-suq tax-xogħol Malti se jkollu l-kapaċita li jassorbi mingħajr problemi il-ħaddiema li jiġu mill-Unjoni Ewropea. Madankollu, minħabba l-biżgħat li seta kien hemm f'dan ir-rigward, il-Gvern ħass li kellu jindirizza din il-kwistjoni. Bir-riżultat miksub, il-bażi ta' dawn il-biżgħat m'għadhiex teżisti.
Il-fatt li l-arranġament negozjat jippermettielna nieħdu azzjoni kemm b'mod ġenerali kif ukoll b'mod settorjali jfisser ukoll li nistgħu nħallu ħaddiema barranin jidħlu f'dawk is-setturi fejn għandna bżonnhom, filwaqt li nżommu l-kontrolli, skond il-bżonn, f'setturi oħra.
Għandu jingħad ukoll li l-kontrolli eżistenti fuq ħaddiema li jiġu minn pajjiżi li mhumiex membri ta' l-Unjoni Ewropea jibqgħu fis-seħħ anke wara sħubija u ma jiġux effettwati bl-ebda mod bi sħubija. Dak li ġie negozjat japplika biss għal ħaddiema minn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea u mhux għal ħaddiema minn barra l-Unjoni Ewropea.
Inoltre, ta' min ifakkar li l-ftehim li ntlaħaq jagħti wkoll lok għall-Maltin u l-Għawdxin li jmorru għal esperjenza ta' xogħol, studju jew taħriġ fi kwalunkwe pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea sa mill-ewwel ġurnata tas-sħubija. Dan japplika wkoll għall-pajjiżi l-ġodda li se jissieħbu fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll għan-Norveġja, l-Islanda, Liechtenstein u l-Isvizzera (fir-rigward ta' din ta' l-aħħar, ladarba jidħlu fis-seħħ l-arrangamenti li l-iSvizzera għadha kif għamlet ma' l-Unjoni Ewropea).
Din hija l-faċċata l-oħra ta' dan il-ftehim u hija kisba kbira għaliex ċittadini Maltin ser jingħataw dritt li s'issa ma' kellhomx.
L-ebda pajjiż kandidat ieħor ma talab w akkwista arranġament simili għal Malta. Dan ikompli juri kemm il-Gvern qed jinnegozja bis-serjeta' skond l-interessi ta' Malta u kemm in-negozjati jistgħu jsiru skond iċ-ċirkustanzi u l-ħtiġijiet ta' kull pajjiż individwali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew jiswew il-ħarġiet kollha tal-ġurnal Crossroads maħruġ mill-MIC? Jista' jgħid f'kull okkażjoni kemm ġie jiswa l-istampar u fejn sar jew min għamlu? Jista' jgħid f'kull okkażjoni kemm ġie jiswa l-artwork u fejn sar jew min għamlu? Jista' jgħid f'kull okkażjoni kemm ġie jiswa l-pustaġġ? Jista' jgħid minn liema fondi qed jiġi ffinanzjat?
(PQ waslet 5/6/2001)
Response (BORG, JOE)
Bi tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26810 magħmula mill-Onorevoli Interpellant, nixtieq ngħid li s'issa kien hemm tmien ħarġiet tal-ġurnal Crossroads maħruġ mill-MIC.
Għal kull ħarġa:
1. L-istampar sar mill-Progress Press u ġie jiswa LM290.00
2. L-Artwork sar mill-Istandard Publications u ġie jiswa LM 251.00
3. Il-pustaġġ kien ta' LM 600.00 (20,000 kopja bl-ammont ta' LM0.03 kull gazzetta)
Għaldaqstant il-MIC nefqet s'issa LM9,128.00 mill-fondi tagħha fuq il-publikazzjoni Crossroads.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew jiswew il-ħarġiet kollha tal-ktejjeb Question and Answer maħruġ mill-MIC? Jista' jgħid f'kull okkażjoni kemm ġie jiswa l-istampar u fejn sar jew min għamlu? Jista' jgħid f'kull okkażjoni kemm ġie jiswa l-artwork u fejn sar jew min għamlu? Jista' jgħid f'kull okkażjoni kemm ġie jiswa l-pustaġġ? Jista' jgħid minn liema fondi qed jiġi ffinanzjat?
(PQ waslet 5/6/2001)
Response (BORG, JOE)
Bi tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26811 magħmula mill-Onorevoli Interpellant, nixtieq ngħid li:
1. L-ewwel fuljett tal-Question and Answer li ħareġ il-MIC ġie stampat għand Gutenberg Printing Press u ġie jiswa LM12,715.15. L-Artwork sar għand JP Advertising u ġie jiswa LM 358.80 u l-pustaġġ sewa LM2,134.04. Dan il-fuljett ġie ffinanzjat mill-fondi tal-MIC. B'kollox saru 160,000 kopja li ġew mibgħuta fid-djar kollha ta' Malta u Għawdex.
2. It-tieni fuljett tal-Question and Answer li ħareġ il-MIC ġie stampat għand il-Gutenberg Printing Press u ġie jiswa LM2,176.00. L-Artwork sar għand MPS Ltd u ġie jiswa LM207.00. Il-pustaġġ sewa LM 657.00. B'kollox saru 30,000 kopja li ġew mibgħuta lill-Business Community. L-ammont totali li ġie jiswa t-tieni fuljett kien għalhekk ta' LM3,040.00. Dan ġie ffinanzjat parti mill-fondi tal-Unjoni Ewropea taħt ir-Raba` Protokoll Finanzjarju (LM 2,383.00) u l-kumplament mill-fondi tal-MIC li bihom tħallsu l-ispejjeż tal-pustaġġ biss ta' LM 657.00.
Jista' l-Ministru jgħid jekk tistax tiġi mwieġba il-mistoqsija pendenti dwar nefqa fuq l-istudji kollha li saru in konnessjoni mal-applikazzjoni Maltija għall-sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropeja?
Response (BORG, JOE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, kif diġa kelli okkażjoni ngħid fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 18411, l-EU Directorate fil-Ministeru tiegħi ma 'kkummissjona ebda consultancy għal studji u economic impact assessments fuq materji li huma parti mill-acquis communautaire fiż-żmien speċifikat mill-Mistoqsija, u ma sar l-ebda tibdil minn dak iż-żmien l'hawn. Dan japplika mhux biss għall-EU Directorate iżda għall-Ministeru tiegħi kollu.
Kif għedt fir-risposta għall-Mistoqsija 18411 fuq imsemmija, l-EU Directorate pero` għamel użu minn dawn il-flus biex iffinanzja ċerti consultancies li ġew ikkummissjonati minn Ministeri oħra. L-EU Directorate ma kienx involut la fil-formazzjoni tal-kriterji tal-għażla għal dawn il-consultancies u l-anqas fl-għażla 'nnifisha tal-consultants. Lista tal-consultancies li ġew iffinanzjati mill-EU Directorate minn dawn il-fondi tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra fis-Seduta 355 li fiha 'ngħatat ir-risposta għall-Mistoqsija 18411 imsemmija.
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant dwar studji oħra li ġew ikkommissjonati u mħallsa minn Ministeri oħra għadha qegħda tinġabar mill-Ministeru tiegħi biex inkun nista nipprovdi lill-Onorevoli Interpellant bl-informazzjoni mitluba u għalhekk, risposta bid-dettalji kollha tingħata f'xi seduta oħra, sakemm l-Onorevoli Interpellant ma jridx jagħmel Mistoqsija individwali lil kull Ministeru konċernat.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 25370, jista' l-Ministru jagħti lill-Kamra d-dettalji mitluba peress li l-informazzjoni mitluba: (1) tikkonċerna nfiq pubbliku; (2) biex il-Kamra tkun informata, kif wara kollox huwa d-dover tal-gvern li jonforma, dwar il-pożizzjoni tal-kontijiet finanzjarji ta' l-entitajiet governattivi; (3) biex il-Kamra tkun assigurata li l-proċeduri wżati u li qed jintużaw fi ħlasijiet u f'kontijiet pendenti huma korretti u fl-ambitu tar-regolamenti?
Ma jaħsibx il-Ministru li bl-informazzjoni mitluba jkun qiegħed jikkonferma bil-fatti li jemmen fi trasparenza u amministrazzjoni bla ħabi u bla abbuż?
Fin-nuqqas li tingħata din l-informazzjoni, jista' jagħti raġuni għala mhijiex tingħata meta din hija informazzjoni importanti u tikkonċerna infiq pubbliku u għaldaqstant għandu dritt għaliha?
(PQ waslet 29/5/2001)
Response (BORG, JOE)
Nirreferi l-Onorevoli membru għat-tweġiba li tajtu għall-Mistoqsija Numru 25816.
Għalkemm is-suġġett taż-żewġ mistoqsijiet huwa differenti, il-parametri huma simili u l-istess stedina li għamiltlu f'dik it-tweġiba tgħodd ukoll għal din.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 25359, jista' l-Ministru jagħti lill-Kamra d-dettalji mitluba peress li l-informazzjoni mitluba: (1) tikkonċerna nfiq pubbliku; (2) biex il-Kamra tkun informata, kif wara kollox huwa d-dover tal-gvern li jonforma, dwar il-pożizzjoni tal-kontijiet finanzjarji ta' l-entitajiet governattivi; (3) biex il-Kamra tkun assigurata li l-proċeduri wżati u li qed jintużaw fi ħlasijiet u f'kontijiet pendenti huma korretti u fl-ambitu tar-regolamenti?
Ma jaħsibx il-Ministru li bl-informazzjoni mitluba jkun qiegħed jikkonferma bil-fatti li jemmen fi trasparenza u amministrazzjoni bla ħabi u bla abbuż?
Fin-nuqqas li tingħata din l-informazzjoni, jista' jagħti raġuni għala mhijiex tingħata meta din hija informazzjoni importanti u tikkonċerna infiq pubbliku u għaldaqstant għandu dritt għaliha?
(PQ waslet 29/5/2001)
Response (BORG, JOE)
Nirreferi l-Onorevoli membru għat-tweġiba li tajtu għall-Mistoqsija Numru 25816.
Għalkemm is-suġġett taż-żewġ mistoqsijiet huwa differenti, il-parametri huma simili u l-istess stedina li għamiltlu f'dik it-tweġiba tgħodd ukoll għal din.
Jista' l-Ministru jgħid fhiex wasal ix-xogħol għall-ħames protokoll Malta-Italja?
Response (BORG, JOE)
It-taħdidiet bejn Malta u l-Italja dwar il-Ħames Protokoll Finanzjarju jinsabu għaddejjin. It-taħdidiet kienu bdew taħt l-administrazzjoni Taljana preċedenti, u dawn ġew sospiżi minħabba l-elezzjonijiet ġenerali fl-Italja. Hu maħsub li dawn it-tahdidiet jitkomplew fil-futur qrib ma` l-administrazzjoni ġdida fl-Italja.
Jista' l-Ministru jgħid x'laqgħat saru jew kuntatti ma' awtoritajiet barranin jew entitajiet barranin dwar il-każ tat-traġedja ta' lejlet il-Milied bejn Malta u Sqallija li fiha mietu 283 persuna u hemm irrapurtati nieqsa ċittadin Malti u ieħor miżżewweġ Maltija?
Saru rappreżentazzjonijiet ma' l-Ambaxxata Taljana f'Malta dwar il-każ? Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin talab spjegazzjoni u informazzjoni wara l-artiklu li deher fil-ġurnal Kullħadd miktub mill-ġurnalista Joe MIfsud fis-6 ta' Diċembru 1998 bit-titlu 'Igsma, ħwejjeġ u żraben fix-xbiek tat-tkarkir?
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu s-salarju u l-kuntratt tax-xogħol ta' Victor Vanni Bruno u s-segretarja Miss Marie Lou Gatt li ġew ingaġġati biex jieħdu ħsieb t-translation ta' l-acquis għal-lingwa Maltija?
Response (BORG, JOE)
Peress li x-xogħol ta` traduzzjoni tal-acquis huwa responsabilta` tal-Ministeru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali, nitlob lill-Onvervoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 26419 dwar kemm kien hemm uffiċjali pubbliċi minn skala 5 il fuq kif wkoll konsulenti mal-Gvern illi mill-ewwel ta' Jannar 2001 ġew mogħtija jew żieda f'xi allowance jew xi allowance ġdid kompletament u x'pozizzjoni qed jokkupaw dawn l-uffiċjali. Jista' jwieġeb din il-mistoqsija b'riferenza għad-dipartimenti w entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid min huma dawn l-uffċijali? Kemm ingħatat żieda jew kemm hija l-allowance l-ġdida għal kull uffiċjal? X'inhija r-raġuni għal din iż-żieda jew allowance li qed tingħata għal kull uffiċjali?
Response (BORG, JOE)
Ma kien hemm ebda uffiċċjal minn skala 5-il fuq jew konsulent li jaħdem f'dan il-Ministeru jew f'xi entita li taqa` taħt id-dekasteru tiegħi, li ngħata xi allowance ġdid jew żieda ta` allowance mill-ewwel ta` Jannar 2001 għajr dik iż-żieda fl-expense allowance mħabbra mill-Prim Ministru fit-tweġiba għall-mistoqsija Nru. 26419.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 25336, jista' l-Ministru jagħti lill-Kamra d-dettalji mitluba peress li l-informazzjoni mitluba: (1) tikkonċerna nfiq pubbliku; (2) biex il-Kamra tkun assigurata li t-tqassim ta' dawn l-għoti ta' donazzjonijiet jekk sar, sar b'ġustizzja, b'fairness, bla abbuż u mingħajr favoritiżmu; u (3) biex il-Kamra tkun assigurta li l-proċeduri wżati u li qed jintużaw huma korretti u fl-ambitu tar-regolamenti?
Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk iħossx li bl-informazzjoni mitluba jkun qiegħed jikkonferma bil-fatti li jemmen fi trasparenza u amministrazzjoni bla ħabi u bla abbuż?
Jista' jagħti din l-informazzjoni importanti dwar infiq pubbliku b'mod trasparenti peress li l-poplu għandu dritt ikun jaf?
(PQ waslet 14/5/2001)
Response (BORG, JOE)
Nirreferi l-Onorevoli Membru għat-tweġiba li tajtu għall-Mistoqsija numru 25816.
Għalkemm is-suġġett taż-żewġ mistoqsijiet huwa differenti, il-parametri huma simili u l-istess stedina li għamiltlu f'dik it-tweġiba tgħodd ukoll għal din.